Żgħażagħ jirriflettu dwar Christus Vivit


Forum Internazzjonali taż-Żgħażagħ. Tiktibilna minn Ruma Jennifer Cauchi

Matul dawn il-jiem, fiċ-Ċentru Il Carmelo f’Ciampino, Ruma, ’il fuq minn 250 żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar id-dinja kollha qed jipparteċipaw fil-11-il Forum Internazzjonali organizzat mid-Dikasteru tal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja.

Id-delegati, li jirrappreżentaw aktar minn mitt pajjiż qegħdin jiddiskutu u jirriflettu fuq l-għeluq tas-Sinodu ddedikat liż-żgħażagħ kif ukoll l-Eżortazzjoni appostolika Christus vivit bl-għan li jinħarġu proposti għall-implimentazzjoni u l-ħidma pastorali. Minn Malta u Għawdex qegħdin jieħdu sehem Jennifer Cauchi, Franziska Grech u Evan Demicoli.

20190619_174030.jpgL-ewwel jum beda b’mument ta’ talb u Assemblea fejn il-Kardinal Kevin Farrell, Prefett tad-Dikasteru tal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, u l-Kardinal Lorenzo Baldisseri, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, fetħu dan il-forum u laqgħu lil dawk preżenti.

Il-Kardinal Farrell beda l-indirizz tiegħu billi qal li m’għandniex naħsbu f’Ġesù bħala persuna għarfa u mdaħħla fiż-żmien, iżda rridu niftakru li kien tal-istess età taż-żgħażagħ preżenti meta sfida s-sistema ta’ żmienu, ipprietka, talab u għamel il-mirakli. Ħadd ma ħaseb li l-ideat ta’ dak il-mexxej żagħżugħ se jibqgħu ħajjin eluf ta’ snin wara. Huwa qal li waqt diskussjoni li kellu mal-Papa Franġisku, huwa tennielu li ż-żgħażagħ huma parti importanti mill-Knisja; iżda l-Papa wieġbu: “Iż-żgħażagħ mhumiex parti importanti mill-Knisja, imma huma il-Knisja!”. Farrell saħaq li ż-żgħażagħ huma l-mexxejja u għandhom ikunu huma li jippuntaw lilhom fid-direzzjoni t-tajba.

Il-Kardinal Baldisseri qal li s-Sinodu ma jispiċċa qatt. Huwa qal liż-żgħażagħ biex jibqgħu jiftakru fl-għeruq tagħhom, jisimgħu l-esperjenzi ta’ missirijiethom u jħarsu ’l quddiem. Ġesù kellu mħabba speċjali lejn Ġwanni li kien l-iżgħar Appostlu. Fis-Sinodu, iż-żgħażagħ ippreżentaw test sabiħ li ġie mgħoddi lill-Padri Sinodali. Iż-żgħażagħ għenu lill-Knisja terġa’ tkun żagħżugħa. Hu semma l-okkażjoni fejn il-Papa wkoll beda jiżfen magħhom waqt is-Sinodu. Il-Knisja għandha bżonn iż-żgħażagħ, ix-xhieda u l-intuwizzjoni tagħhom. Il-Kardinal Baldisseri kkonkluda billi qal li diġà bdejna naraw il-frott ta’ dan is-Sinodu, imma għandna bżonn inkunu aktar konkreti.

Wara dan kien hemm panel fejn ġiet diskussa l-mixja sinodali li wasslet għall-Christus vivit u l-parteċipazzjoini taż-żgħażagħ fil-proċess sinodali. Kienu diversi ż-żgħażagħ li ħadu sehem fis-Sinodu li rrakkuntaw l-esperjenza qawwija li għaddew minnha u anki apprezzaw ħafna l-umiltà tal-Papa Franġisku li matul il-jiem li kienu preżenti kien jilqagħhom wieħed wieħed fil-bieb.

Waqt l-ikla ta’ nofsinhar spikka l-fatt li l-Kardinali għażlu li jieklu maż-żgħażagħ fuq l-imwejjed tagħhom u mhux fuq post li kien se jkun ippreparat apposta għalihom.

Waranofsinhar iż-żgħażagħ ġew maqsuma fi tmintax-il work group fejn ġie diskuss ir-riżultat tal-mixja sinodali u l-impatt tas-Sinodu fuq il-komunitajiet tal-Knisja lokali, riżultati li ġew osservati, prattiċi li ħarġu u kif iż-żgħażagħ kienu involuti fil-proċess. Wara l-workshops ġie ppreżentat dak li ntqal fl-Assemblea. Xi ħaġa pożittiva li ħarġet kienet li permezz tas-Sinodu l-Knisja ffokat ħafna fuq iż-żgħażagħ u kienet miftuħa għal dak kollu li għandhom x’jgħidu. Issemmew anki okkażjonijiet fejn isqfijiet qattgħu ħafna ħin maż-żgħażagħ wara s-Sinodu u ż-żgħażagħ ħassew li ġew mogħtija spazju fejn jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom. Madankollu kienu bosta l-gruppi li kkummentaw li diversi komunitajiet jew pajjiżi ma kinux semgħu dwar is-Sinodu jew ftit li xejn ġie trasmess il-messaġġ tiegħu. Inħass il-bżonn ta’ iktar komunikazzjoni fl-istrutturi u ntqal anki li minħabba nuqqas ta’ qassisin ma kienx qed ikollhom ċans jiffukaw ħafna fuq iż-żgħażagħ. Barra minn hekk, id-dokument għandu jiġi ssimplifikat biex jilħaq aktar iż-żgħażagħ, u l-leaders għandhom jiġu ssapportjati aktar. Issemma wkoll li għandu jkun hemm użu aħjar tat-teknoloġija u l-internet min-naħa tal-Vatikan u l-Knisja. Oħrajn stqarru li d-dokument kien għadu ma ġiex tradott għal-lingwa tagħhom u għalhekk sabuha diffiċli biex jittrasmettuh liż-żgħażagħ.

Il-ġurnata ntemmet b’quddiesa flimkien immexxija mill-Kardinal Baldisseri, fejn fl-omelija semma illi li tkun fil-grazzja ta’ Alla hi xi ħaġa iktar profonda milli li tkun ferħan, b’referenza għall-Beatitudnijiet.

Ara l-Christus Vivit bil-Malti fil-Laikos …