Quqquququ!


Darba, wara lejl ta’ ħidma fl-Isptar, niltaqa’ miegħu isfel. Ħdejn ir-restorant. Eżattament meta mort inxarrab griżmejja b’naqra kafè tajba. Għodu għodu.

U, wara li sellimna lil xulxin, fettillu jirrakkuntali din l-istorja. Qalli: Patri! L-imħatra li din l-istorja ma tafhiex! Għal din il-kelma bqajt inħares lejh. Tgħid biex ġej dan il-proxxmu dalgħodu? dlonk bdejt nistaqsi lili nnifsi. U int għidhieli sieħbi mbagħad ngħidlek, weġibtu jien. U r-raġel, kollu ħlewwa, beda jirrakuntali din l-imbierka storja. Li, għodu għodu, kelli bżonn nismagħha naqra bil-playback. Intant! …

Ara Patri, qalli. Darba kien hemm raġel u wasal il-ġenna. U, bir-raġun kollu, ried jidħol ġewwa. Iżda San Pietru sablu xi problema. Allura, wara ħafna santi feteti, qallu: “Ħabib. Int ġewwa ma tistax tidħol!” Għal din il-kelma r-raġel, minflok li qagħad jaqla’ xebgħa kustjonijiet, beda jgħajjat: “Quqquququ! Quqquququ!” Għal dan il-kliem San Pietru ħmar, u qallu: “Għaddi sieħbi! Irranġajna kollox!”

Meta smajtha din l-istorja addijo n-nagħas li kelli! Għax dan ir-raġel, bis-sempliċità tiegħu, il-Mulej wassalli messaġġ messaġġun! Hemm hu Pietru! Tal-imfietaħ! Anki hu miskin kellu xi jxomm! Tant hu hekk li meta dak ir-raġel qallu: Quqquququ! malajr ftakar fil-qassata li kien għamel. U fiż-żelqa li kien żelaq. U le! X’qed ngħid! Tlett żelqiet! Mela Pietru, ma’ dan ir-raġel, ma tantx seta’ jimxi ta’ naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx! (ara Mt 25:24). Għax Pietru, ta’ bniedem umli li kien, kien jaf fil-favata mill-kbar li għamel dakinnhar li Ġesù kien ikundannat għall-mewt!

U mela, int u jien, aħna min aħna biex niġġudikaw! X’kull waħda! Tnejn! U tlieta! Fil-ħajja ilkoll kemm aħna għandna xi nxommu! Min għandu xi jxomm riħa ta’ dulliegħ, min ta’ bettiegħ, min ta’ tewm u anki tat-tursin! Ejjew naqtugħa din! U naqtugħa darba għal dejjem! U malajr kemm jista’ ikun! Min jista’ jgħallimha lil min? Għax il-ħajja hi eżattament bħal din il-ġrajja li se naqsam magħkom issa! Kien hemm player, kien min kien, u f’logħba mportanti mar jipprova jgħallimha lil player ieħor ta’ fama internazzjonali. X’ġaralu? Sempliċi ħafna. Il-player it-tajjeb ħadlu l-ballun u skurja goal faċilissimu għalih! U hekk it-team tiegħu għadda bl-unuri! Filwaqt li dan il-player, li pprova jgħallimha, mhux talli ġabu żibel miskin talli bagħat ‘il barra mill-pitch lit-team tiegħu b’rasu baxxuta!

U dan l-għaliex mar jgħallimha! Kemm sewa qares il-prezz! Ara li kieku, minflok ma pprova jgħallimha, qassam. L-istorja kienet tkun differenti. U anki jekk nofs il-ground tat-team avversarju kienet kważi impossibbli li tippenetrah abbli xorta kien isir xi attakk raġonevoli minn taqsim tal-ballun bis-sens!

Jaħasra! Kemm nagħmlu tajjeb meta nerfgħu t-tgħabija ta’ xulxin! U mhux min ħa jissutta l-aktar lil min! U dan li l-Mulej qiegħed jagħtini llum biex naqsmu minn qalbi magħkom ħbieb! U li naf li jagħmel sens fuq sens! Tafu li anki l-Appostlu ma felaħx ma jniżżilx żewġ versi fuqu?! Fil-fatt, Pawlu Pawlu Pawl, fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, jgħid: Aħna li aħna sħaħ fil-fidi għandna ngħinu lid-dgħajfa jerfgħu l-piż tagħhom u mhux infittxu nogħġbu lilna nfusna (Rum 15:1). Issa, u fil-verità kollha, hawn xi ħadd li, mill-Papa l-isfel, jista’ jgħid u tgħid li hu sħiħ u sħiħa fil-fidi? Żgur li le! Imma aħna, għall-grazzja tal-argument, ejjew ngħidu li hawn. Mela, u skont San Pawl, għandna ngħinu lid-dgħajfa jerfgħu l-piż tagħhom u mhux nuru kemm aħna tajbin aħna! Fil-ħajja tar-ruħ destin ix-showcase hu li jsir irmied! Għax wieħed biss jista’ jiddandan u jiffanfra bi qdusitu: il-Mulej! Mela ħallina milli noqgħodu nuru kemm aħna sewwa, tajba u bravi għas-skapitu ta’ min jiżbalja!

Imbagħad hemm biċċa oħra mill-Bibbja li tindirizza l-biċċa tal-quqquququ! Isimgħu x’tgħid:

Ħuti, jekk xi ħadd jinqabad f’xi ħtija, intom li intom spiritwali, widdbuh bi spirtu ta’ ħlewwa; oqgħod attent li ma tkunx imġarrab int ukoll. Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi ta’ Kristu. Jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta ma hu xejn, ikun iqarraq bih innifsu. Kull wieħed jgħarbel għemilu, mbagħad ikun jista’ jiftaħar bih innifsu, u mhux b’ħaddieħor. Kull wieħed għandu t-tagħbija tiegħu x’jerfa.’ Dak li qiegħed jitgħallem id-duttrina għandu jaqsam ġidu ma’ min jgħallmu. Titqarrqux; Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżra’, dak huwa jaħsad. Min jiżra’ f’ġismu jaħsad mill-ġisem it-taħsir; min jiżra’ fl-ispirtu, jaħsad mill-ispirtu l-ħajja ta’ dejjem. Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu. Mela, dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid ma’ kulħadd, l-iktar ma’ qrabatna fil-fidi (Gal 6 :1-10).

Oh Pawlu Pawl! Kemm hu kbir l-Ispirtu s-Santu fik! Jekk jien quqquququ mhux aħjar li, lil min żbalja, nara kif se nwiddbu bi spirtu ta’ ħlewwa? Mhux aħjar li nara jekk, qabel xejn, għaffiġtx u għażaqtx jien ukoll fl-istorja? Jien, il-quqquququ, mhux aħjar nara kif nista’ ngħin lil min żbalja u mhux nagħmel kapital minnu u minnha? U jien, il-quqquququ, mhux aħjar li qabel nitfettaħ, niddritta u nsir irħama tieħu n-nifs bis-supervja tinten li toħroġ minn ġo fija, nara ftit kemm jien vojt u vojta u nara x’nagħmel biex ninħeles minnha? U jien, li jien quqquququ, mhux aħjar nagħrbel lili nnifsi u għemili qabel nagħrbel u nifli ta’ ħaddieħor? Jekk jien nippreżenta ruħi ta’ quqquququ u ta’ quqqaquqa, għaliex ma ngħallimx lil min ma jafx u mhux nagħmel xalata bih u biha? Għax jekk se niżra’ l-istmerrija mhux bl-istmerrija se nispiċċa?

Mela, quqquququ u quqququqa, jiġifieri jiena u int, mhux aħjar naraw kif ħa nagħmlu l-ġid lil xulxin, nipperseraw fih u nħeġġu lil xulxin għal dak li hu tajjeb? Fuq kollox, mhux aħjar li niftħu għajnejn xulxin b’imħabba, paċenzja u mingħajr storbju?

Xejn xejn, laqamna, tal-quqquququ, b’dawn l-għemejjel, jibda’ jmur minn fuqna. X’taħseb sieħbi?

Patri Mario Attard OFM Cap