Lectio Divina tal-14-il Ħadd Matul Sena “Ċ”


Vanġelu (Lq 1-12, 17-20): Il-Ħadd li għadda rajna kif Ġesu għamilha ċara ma’ dawk li xtaqu jimxu warajh: mhux se tkun triq faċli u ma setgħux iħarsu lura għall-ħajja tal-passat.

  1. Wara dawn il-fatti nsibu s-silta tal-lum fejn Ġesu “qabbad 72 oħra u bagħathom tnejn tnejn” iħejjulu t-triq. Luqa biss isemmiha din, u rridu ngħidu li Ġesu ma marx f’36 raħal. Dan hu simbolu għal kull dixxiplu u Nisrani li Ġesu jitolbu jħejji n-nies sew bi klima tajba għall-miġja tiegħu f’ħajjithom. 72 kien in-numru tal-popli pagani fid-dinja ppreżentati f’Ġenesi 10. Il-messaġġ hu li Ġesu jrid li l-Vanġelu jitħabbar fid-dinja kollha. Meta Luqa jgħid 72 “oħra” jfisser li mhux qed jgħid għall-appostli (il-kleru), imma għalina l-lajċi. “Tnejn tnejn” jindika l-minimu li jista’ jkollok biex tifforma komunita’. Mela l-komunita’ se tkun li tevanġelizza  u mhux wieħed għar-rasu.
  2. “Il-ħsad huwa kbir.” Fil-ktieb ta’ Ġoel, il-ħsad hu meqjuż bħala theddida  meta Alla ma felaħx aktar għall-ħażen ta’ Israel, u ġej bil-minġel biex jeqred il-poplu. Ġesu llum ibiddel din it-tifsira b’messaġġ ta’ salvazzjoni. Kif il-qamħ hu lest għall-ħsad, il-bnedmin tad-dinja lesti għall-wasla tal-jum tal-fidwa. Mill-qamħ isir il-ħobż, u dan,  mibdul fl-Ewkaristija, se jkun il-mezz prinċipali għat-twettieq ta’ dil-fidwa. Kristu se jsir ħobż għalina, biex aħna mbagħad immantnu l-bżonnijiet ta’ ħutna. Id-dmir tad-dixxiplu hu li jinvolvi lil kulħadd fil-bini ta’ din id-dinja ġdida ta’ mħabba, għax “il-ħsad hu kbir.” Meta kull bniedem iqiegħed lilu nnifsu għad-dispożizzjoni tal-proxxmu, jibda jitwettaq dan il-pjan t’Alla għal uliedu. Għal dil-biċċa xogħol jinħtieġu ħafna ħaddiema.
  3. “Itolbu sid il-ħsad..” Alla ma jisforza lil ħadd għal dax-xogħol. Imma jekk ħafna jitolbuh, i.e. jidħlu f’sintonija miegħu u hekk jagħrfu x-xewqa tiegħu, żgur li jaslu biex jirrejalizzaw il-bżonn kbir ta’ ħaddiema, u joffru ruħhom. Dan it-talb ma jibdilx id-deċiżjonijiet t’Alla imma ta’ min jitlob. Il-verb użat għal “jibgħat” ifisser jinbotta. Jekk dan it-talb isir sew, se nħossu x’jinbuttana ‘l quddiem biex immorru naħdmu f’dan il-ħsad. Kemm naraw Insara bla ħeġġa, għażżiena, jikkuntentaw bi ftit devozzjonijiet biss, jistħqu jew jibżgħu jistqarru t-twemmin tagħhom fil-beraħ, eċċ. Jekk inħajruhom jitolbu sew, se jħossu din l-inbuttatura għax-xogħol fl-għalqa tal-Mulej.
  4. “…bħal ħrief qalb l-ilpup.” L-ilpup huma dawk li jimxu bil-loġika tal-poter, vjolenza, gideb, eċċ. Id-dinja mimlija b’dawn in-nies. Kieku kollha kienu ħrief, Ġesu ma kienx ikollu għalfejn jibagħthom. Imma kif nafu tant tajjeb anki llum, hemm bżonn kbir biex kull lupu jsir ħaruf ġwejjed, fraġli, ma joqtol lil ħadd. Il-ħaruf ħaj jagħtina l-ħalib u s-suf – mejjet, jagħtini laħmu: jagħti kollox. Dan hu simbolu tal-bniedem il-ġdid tal-paċi kif fasslu Ġesu ta’ Nazaret: seftur tal-oħrajn u lest biex jagħti ħajtu għalihom.  Mela d-dixxipli tal-lum iridu joqogħdu għassa li ma jmorrux is-sentimenti tal-lupi jgħollu rashom: rabja, suppervja, poter, eċċ. Jekk jiġri hekk, ma jistgħux jaslu biex jikkonvertu l-ilpup. Ġieli ġara dan fil-passat, e.g. il-Kruċjati. Illum ukoll hawn min ikollu tentazzjoni biex jikkonverti bil-forza, Dan ħażin u ma jwassal għal imkien. Id-dixxiplu għandu jittrasforma l-ilpup fi ħrief biex isiru aħwa lesti li jagħtu ħajjithom għall-oħrajn. L-unika mezz effikaċi li għandhom jużaw hi l-Kelma mirakuluża tal-Vanġelu li fiha qawwa Divina.
  5. “Teħdux magħkom but, borża jew qrieq.” Dan ifisser li d-dixxiplu ma jġemma’ u jżomm xejn għalih: il-but hu simbolu tal-flus u l-borża il-ħobż. Par qorq f’saqajh biżżejjeb, m’hemmx għalfejn par ieħor fuq spalltu. Dan biex jidher li hu sinjur biss bil-Vanġelu. Ħasra li ħafna aspetti fil-Knisja, bi skuża jew oħra, ma baqgħux jibbażaw biss fuq il-kelma t’Alla, imma daħlu qawwiet ta’ rikkezzi, politika u poter. Almenu il-Papa Franġisku qed jagħmel ħiltu biex nerġgħu lura għal dak li hu l-aktar bażiku u essenzjali.
  6. (i) “Issellmu lil ħadd,” mhux biex jonqsu mill-manjieri imma biex ma jitilfux żmien fit-tpaċpiċ fil-vojt. Dan messaġġ għalina llum biex fil-laqgħat tagħna ta’ kull grad u tip, inżommu mas-suġġett u mmorru dritt għall-punt. (ii) “Paċi lil did-dar.” Id-dar, mhux biss il-ħitan, imma l-intimita’ mal-membri tal-familja li jkollhom l-inkwiet tagħhom. Mela l-ewwel mhux issemmu l-kmandamenti, imma nxerrdu messaġġ ta’ paċi, tama u ferħ. Nagħmlu enfasi li l-Vanġelu hu Aħbar ta’ ferħ. Wara, mbagħad, nitkellmu fuq il-morali. (iii) “Tiġrux minn dar għall-oħra” għax min ikollu ftit x’jagħtikom, u min ħafna, u tispiċċaw tgħixu ta’ rejiet. Jekk jiġri hekk, il-vanġelu ma jibqax kredibbli. (iv) “F’kull belt li jilqgħukom, kulu li jtikom” ħalli ma jiħdux fastidju. Aċċettaw il-kultura u l-użanzi reliġjużi tagħhom u toqogħdux tgħidu “għax dal-ikel impur għax kien offrut lil xi idolu.” Kull ikel hu rigal t’Alla. (v) “Fejqu l-morda” i.e. ħudu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom. Il-Knisja għadha tagħmel hekk: fejn ikun hemm bżonn fid-dinja, issib Insara li jgħinu b’xi mod. (vi) “Is-Saltna t’Alla waslet” i.e. jekk ittawwal dirgħajk, tmissha. Attent biex ma titlifx daċ-ċans li tilqa’ l-kelma li ġiet imħabbra lilek il-lum. (vii) “Sat-trab ta’ belthom li weħel ma’ riġlejna nfarfru.” Lhudi li jkun siefer, qabel jerġa’ jirfes art f’Israel, ifarfar kull traċċa ta’ paganiżmu li jkun weħel miegħu. Ġesu jwissi li dawk li ma jaċċettawx il-Vanġelu biex ikomplu b’ħajjithom ta’ vjolenza u mibegħda, għandu mnejn ikunu nfluwenzaw xi ftit jew wisq lid-dixxipli. Dawn iridu jfarfru l-qrieq, mhux b’sinjal ta’ disprezz, imma biex jeħilsu minn kull impatt li dil-ħajja pagana setgħet ħalliet fuqhom. Bħalma llum l-Insara jridu jagħmlu bis-soaps u t-talk-shows li jimminaw il-valuri Nsara. Infejqu dil-ħsara  bit-talb u riflessjoni serja fuq il-Vanġelu, sħiħ u bla mittiefes.  (ix) In-nies ta’ Sodoma irvinaw ħajjithom bl-imġieba tagħom. Dan ġabuh b’idejhom u ma kienx kastig t’Alla. Hekk jiġrilu min ma jaċċettax il-Vanġelu.
  7. “It-72 reġgħu lura ferħanin.” Stagħġbu bl-effetti tal-Vanġelu fuq il-ħażen. Ix-xitan li Ġesu jgħid waqa’ mis-sema bħal sajjetta mhu ħadd ħlief l-allat pagani li xi bnedmin poġġew fis-sema biex jirregolawlhom ħajjithom. Fis-sema Alla wieħed biss hemm. Dawn kienu biss f’imħuħ il-pagani, u jisparixxu fejn jidħol il-Vanġelu. L-allat tal-lum jistgħu jkunu x-xjenza, it-teknika, il-midja soċjali eċċ. Dawn għandhom iservu ta’ għodda siewja fit-tħabbir tal-Vanġelu u m’għandniex inħalluhom jaħkmuna bħal allat.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini