Is-suldati ministri tas-sigurta’ u tal-liberta’


It-Tlieta, 9 ta’ Lulju 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Pellegrinaġġ tal-Forzi Armati ta’ Malta, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.
AFM Ta' Pinu (2)

IS-SULDATI MINISTRI TAS-SIGURTÀ U TAL-LIBERTÀ

Is-soċjetà ta’ żmien Kristu ma kinitx differenti wisq minn tagħna. Meta naraw lil Ġesù jiltaqa’ ma’ raġel imbikkem u oħrajn milquta minn kull xorta ta’ mard ifisser li sa minn dejjem il-bniedem ikollu jħabbat wiċċu mal-ħażen li kapaċi jagħmlilna ħajjitna miżerja! Huwa fatt li l-ħażen huwa t-traġedja tal-umanità, għax fil-ħażen hemm l-għerq ta’ kull għamla ta’ tbatija. Il-ħażen ibejjet fil-qalb tal-bniedem, għax kif jgħid l-awtur Russu Dostoyevsky, “ix-xitan jissielet ma’ Alla u l-kamp tal-gwerra hija l-qalb tal-bnedmin” (L-Aħwa Karamazov). Meta mbagħad il-ħażen ibejjet fi qlub u mħuħ miġbura flimkien (il-ħażen organizzat), il-ħsara tkun aktar gravi. Hemm il-ħażen li huwa frott tad-dgħufija u l-limiti tal-bniedem, imma hemm ukoll il-ħażen li huwa frott ta’ deċiżjoni ħielsa: tal-ewwel huwa skużabbli imma tat-tieni huwa terrur.

Kultant quddiem dan ix-xenarju ta’ ħażen li kontinwament qed jhedded il-kwalità tal-ħajja, jekk mhux ukoll itemm il-ħajjiet ta’ tant persuni innoċenti, wieħed bir-raġun jaħbat jaqta’ qalbu! Għalkemm ħadd ma jidra t-tbatija li ħaddieħor jikkawżalu, b’xorti ħażina bħal donnu qed insiru indifferenti u insensibbli quddiem l-attroċitajiet li ħafna qed jgħaddu minnhom minħabba l-ħażen ta’ madwarhom. Għaldaqstant, is-soċjetà donnha tippreferi ddawwar wiċċha u tagħlaq widnejha biex la tara l-attroċitajiet u lanqas tisma’ l-karba ta’ min huwa ferut fid-dinjità umana tiegħu.

Imma fil-Vanġelu Ġesù jagħti kas ta’ dawk li kienu midruba mill-ħażin. Misjuq mill-imħabba ġenwina lejn il-bniedem, Ġesù jagħmel dak kollu li jista’ mhux biss biex itaffi l-effetti tal-ħażen (ifejjaq lill-imbikkem u lill-morda), imma jfittex li jelimina l-għerq tal-ħażen li huwa ppersonifikat fix-“xitan”. Huwa “jkeċċi x-xitan” li kien qed ijassar lill-bniedem.

Fir-rumanz li semmejt aktar ’il fuq, Ivan Karamazov jgħid: “Jien nemmen illi jekk ix-xitan ma jeżistix u allura kien il-bniedem li ħolqu, dan ħoloq ix-xitan fuq xbieha tiegħu nnifsu”. Dan ifisser li l-bniedem huwa x-xitan u x-xitan huwa l-bniedem. L-ispirtu ħażin jgħammar f’kull wieħed u waħda minna, u jekk nagħtuh il-ħabel kapaċi jiġri ħafna bina. Inrażżnuh biss jekk inħallu lil Ġesù (Alla) jidħol fil-ħajja tagħna. Fil-fatt, għal Dostoyevsky, min iwarrab lil Alla jaħseb li “kollox huwa permess” u għalhekk iċedi għall-ħażin!

Għeżież membri tal-Forzi Armati ta’ pajjiżna, bir-raġun il-Knisja ssejħilkom “ministri tas-sigurtà u tal-libertà tal-popli” (Gaudium et spes, 79), għaliex il-missjoni tagħkom tixbah lil dik ta’ Kristu: intom tiġu wiċċ imb wiċċ mal-bniedem mhedded mill-ħażen biex troddulu l-ħelsien. Ħafna drabi tissejħu f’dawk il-qagħdiet skabrużi fejn ikun hemm biża’ ta’ kunflitti, biex tħarsu l-buon ordni, biex tgħassu kontra l-kriminalità, biex tiggarantixxu s-sigurtà, anki dik nazzjonali, biex tkunu deterrent ħalli ma jsirx traffikar ta’ kull għamla; fuq kollox biex issalvaw il-ħajjiet, partikularment ta’ dawk li biex jaħarbu l-ħażen qed ikollhom jaqsmu l-baħar ta’ madwarna. Kif qal ilbieraħ il-Papa Franġisku, dawn l-immigranti huma vittmi tal-kultura tal-iskart. Nagħmel tiegħi l-kliem tal-Papa meta jgħid: “Irrodd ħajr lil dawk li jsalvaw dawn il-ħajjiet għax huma qed jgħixu llum il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb li waqaf biex isalva l-ħajja tal-fqajjar li kien maħbut mill-ħallelin. Ma qagħadx jistaqsih minn fejn ġej, għaliex kien qed jivvjaġġa jew jitolbu d-dokumenti… huwa sempliċement iddeċieda li jieħu ħsiebu u jsalvalu ħajtu” (il-Vatikan, 8 ta’ Lulju 2019).

Il-ħidma tagħkom issir aktar tqila u riskjuża meta barra li ttaffu kull xorta ta’ piż minn fuq dahar il-bniedem, intom tipprovaw “tkeċċu x-xitan” li huwa l-moħħ tal-kriminalità u l-ħażen. Għax x’jiswa li wieħed inaddaf l-għanqbuta jekk ma jeliminax il-brimba? Dan huwa xogħol delikat ħafna u jaf jesponikom għal perikli kbar, għax tkunu qegħdin teħduha kontra “leġjun ta’ spirti ħżiena” li xi wħud minnhom xi drabi jkunu libsin ta’ anġli.

Xi drabi lanqas is-soċjetà stess ma tifhimkom u tapprezzakom! Meta Kristu bewweġ lil dak ix-xitan li kien kawża ta’ tant ħażen u tbatija, kienet il-folla stess li daret kontrih u akkużatu li “bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċi x-xjaten”. Fi kliem ieħor, min ma ħax pjaċir bl-intervent tiegħu għajru u kkalunnjah li kien hemm xi għamla ta’ kollużjoni bejnu u l-forza tal-ħażen! Jekk għamlu hekk lill-Iben ta’ Alla, ma jagħmlux hekk lilna? Ħasra li s-soċjetà tista’ tkun daqshekk ingrata lejkom u tfittex ix-xagħra fl-għaġina biex tikkritika l-Armata!

Waqt li ninsabu f’dan is-Santwarju Ta’ Pinu, nitfgħu ħarsitna fuq Ommna Marija. Bil-qawwa feddejja ta’ Kristu, Marija hija l-mara li tisħaq b’għarqubha ras is-serq, simbolu tal-ħażen. Fil-misteru tat-Tlugħ tagħha fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem, imfakkar fil-Kwadru li minnu Marija sejħet lil Karmni Grima, għandna prova oħra li t-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin. Kif josserva l-psikanalista Gustav Jung meta jikkontempla l-Assunzjoni tagħha, Marija hija s-soluzzjoni għall-misteru tal-ħażen. Hija qed tgħidilna li l-ħażen mhux daqshekk katastrofiku u qerriedi daqskemm jidher, għax fl-aħħar it-tajjeb jegħleb il-ħażin.

Għalhekk, tibżgħux tieħdu lil Marija għandkom biex tkun hi li tweżinkom u tagħtikom il-kuraġġ fil-ġlieda kontra l-ħażin. Sejħulha bil-qalb waqt li tkunu fuq xi missjoni. Biex niżgurakom mill-patroċinju tagħha llum nafda lill-Forzi Armati taħt il-ħarsien tal-Madonna Ta’ Pinu u nitlobha tkompli twennes il-familji għeżież tagħkom.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.