Lectio Divina tal-15-il Ħadd. Sena “Ċ”


Vanġelu (Lq 10, 25-37): Fil-bidu tas-silta tal-lum insibu għaref li ried iġarrab lil Ġesu, i.e. iġiegħlu jaħsibha bħalu fuq il-liġi, u bħalma kienu jgħallmu l-Iskribi. Dan għax kien sema’ lil Ġesu jinterpreta l-liġi b’mod differenti minnhom.

  1. “X’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” Domanda profonda u fina li turi li kien jaf li dil-ħajja bijoloġika se tispiċċa, għalhekk xtaq ħajja li tibqa’. Turi wkoll kemm kien bniedem spiritwali. Min jaf kieku kont jien minn floku, x’kont nitolbu lil Ġesu? Saħħa, suċċess fil-karriera, ħajja ħielsa minn kull mard? Kemm minna kienu jitolbu xi ħaġa spiritwali? Ġesu wieġbu: “Int Biblista. X’hemm miktub u kif tinterpretaha l-liġi?” Ġesu jwieġeb b’domanda biex dan l-għaref isib il-verita’ fih innifsu u ma jkunx hemm għalfejn tiġi minn barra. Hekk tkun aktar effikaċi. Id-duttur tal-liġi wieġeb: “Jien jiħtieġli nħobb ‘l Alla tiegħi b’qalbi kollha ….” (Dewt.) “B’moħħi kollu” jindika l-għaqda fil-ħsieb, sentimenti u proġetti ta’ min iħobb ma’ min hu maħbub, kif suppost ikun hemm bejn koppja għarajjes. Fi kliem ieħor, wieħed hemm bżonn jgħix f’sintonija u għaqda perfetta m’Alla. “U lil għajrek bħalek innifsek” (Levitiku). B’din it-tweġiba skopra li l-qalba tat-Torah hi l-imħabba. Jekk iħobb, jgħix.
  2. “Min hu l-proxxmu (viċin) tiegħi?” Ħafna Lhud kienu jirrispettaw lil xulxin imma mhux barranin. Imma dan l-għaref kien jaf li għandu jilqa’ l-barrani, kemm dak li jkun qed jivvjaġġa u kemm min ikun ġie biex joqgħod: “La tistmellx il-barrani. Ftakar li int kont barrani wkoll” (Esodu 22). “Il-Mulej jipproteġi ‘l barrani” (Salm 146). Ġesu kien jaf Ġeriko sew, imdawra bl-għoljiet, u sinjura bil-bejgħ tal-balzmu prezzjuż.  Il-ħallelin kienu jinżlu mill-moħba tagħhom fl-għoljiet u jaħbtu għall-vjaġġaturi.  Għalhekk dawn kienu jterrqu fi gruppi kbar (karwani). F’Ġeriko kont issib ukoll djar tal-villeġġjatura tas-sinjuri ta’ Ġerusalem, e.g. qassisin u Leviti. Ġerusalem kienet il-belt tat-talb fil-waqt li Ġeriko kienet il-belt tad-dnub.
  3. “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko.” Ma nafu xejn fuqu, x’mar jagħmel Ġerusalem, kienx raġel tajjeb, Lhudi jew le. Ma kienx miexi ma’ karwana għax forsi kien ħalliel? Hu min hu, għamel x’għamel, kien bniedem li waqa’ f’nofs il-ħallelin u ħallewh nofsu mejjet. Dan hu simbolu tal-bniedem li jiltaqa’ ma’ min ikun irid jisraqlu d-dinjita’ tiegħu ta’ uman, billi jġiegħlu jkun vjolenti, egoist, giddieb, eċċ.  (i) “Għadda qassis….” Kien hemm 24 klassi ta’ qassisin. Kull wieħed kien iservi ġimgħa fit-Tempju u wara jmur lura lejn daru. “Rah…. u baqa’ sejjer.” Mela fil-qadi tiegħu fit-tempju m’assimilax is-sentimenti u l-ħsibijiet t’Alla, avolja osserva r-riti sal-anqas dettal.  Il-profeti kkundannaw din l-osservanza li ma twassalx lil dawn “il-puri” jieħdu ħsieb ir-romol, l-orfni u l-fqar: “Irrid opri ta’ ħniena mhux sagrifiċċji” (Ħosegħa).  (ii) “Levita wkoll..baqa’ sejjer.” Il-leviti kienu sagristani tat-Tempju, u kienu jagħmlu bħall-qassisin.  Qalb il-folla li kienet qed tisma’ ‘l Ġesu, żgur kien hemm xi wħud li ma tantx kienu jaħmlu lill-qassisin u l-leviti. Stennew li issa Ġesu jintroduċi Lhudi lajk “tajjeb” li jgħin lil dak l-imsejken. (iii) Minn flok, Ġesu jsemmi Samaritan (il-kelma “tajjeb” ma nsibuhiex fis-silta). Għal Lhudi, s-Samaritani kienu mpuri, għax ċappsu r-reliġjon tagħhom b’ħafna paganiżmu. Kienu jaċċettaw biss l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja, u ma kinux imorru t-Tempju. Għalkemm dan is-Samaritan ma kienx josserva r-riti tar-reliġjon bir-reqqa, xorta waħda qed narawh jirrifletti s-sentimenti, l-azzjonijiet u x-xewqat t’Alla. Kull bniedem għandu fih dan id-don mogħti mill-Ispirtu u, dment li ma joħonqux, jagħmel atti sbieħ ta’ mħabba, kif għamel das-Samaritan li (i) “wasal ħdejh.” Ma beżgħax li jitniġġeż mill-ġrieħi tiegħu kif beża’ l-qassis; (ii) “rah…” In-Nisrani m’għandux  jistenna min jumilja ruħu biex jitlob l-għajnuna. Għandu jkun hu li jintebaħ bi proxxmu fil-bżonn. L-anqas m’għandu jgħid “ma nistax ngħin lil kulħadd” għax jispiċċa ma jgħin lil ħadd u jibqa’ għama għall-bżonnijiet tal-ieħor. Jiħtieġ li jħares fejn iħares Alla; (iii) “tħassru.” Dal-verb jesmrimi (12-il darba fil-Vanġeli) l-emozzjoni li tqanqal lil Ġesu jew lill-Missier iħobbu b’passjoni qawwija lill-bniedem fil-bżonn. Tixbaħ l-imħabba vixxerali (mhux mentali) li tħoss omm f’ġufha għall-uliedha. Kellu jkun Samaritan li jħoss dan is-sentiment; (iv) “resaq lejh” mhux bħat-tnejn l-oħra; (v) “dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid”; (vi) “rabathomlu”; (vii) “għabbieh fuq il-bhima”; (viii) “wasslu sal-lukanda”. Il-kelma użata m’hijiex xenodoheion (lukanda fejn jilqgħu ‘l-barranin) imma pandoheion (fejn jilqgħu lil kulħadd). Ġesu qed jgħid li Hu s-Samaritan li, meta ra s-soċjeta ferita u mwarrba mill-qassisin, indaħal Hu biex jgħin,  idewwi u jieħu dil-kotra f’post fejn kulħadd hu milqugħ. L-għada se jkellem lil Sid il-lukanda, Dak li jilqa’ ‘l kulħadd u ma jkeċċi lil ħadd, sabiex jieħu ħsieb dis-soċjeta’ mweġġa’; (ix) “Ħareġ żewġ dinieri”, ħlas ta’ jumejn f’lukanda. “Fit-tielet jum inħallas jien. Ġa tajt ħajti għalihom, imma jekk ikun għad fadal xi dejn, naħseb jien.” Dawn l-għaxar verbi huma l-Kmandamenti l-ġodda għan-Nisrani li, jekk jobdihom, ikun f’sintonija mal-qalb t’Alla.
  4. “Min kien l-aktar viċin tiegħu?” “Min wera ħniena miegħu” u ħaddem l-għaxar verbi li semmejna.  “Min jagħmel l-istess miegħek, se jkun proxxmu. u int agħmel l-istess.”
  5. Jekk il-qassisin u n-nies tal-Knisja jinjoraw it-tbatija tiegħek, kun af li Ġesu hu s-Samaritan it-tajjeb li dejjem se jkollu ħniena minnek, u, meta tmut, se jwasslek fil-lukanda ta’ dejjem.”  (Mnaqqxa fuq ġebla fit-triq bejn Ġerusalem u Ġeriko).

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini