Vanġelu (Lq 11, 1-13): In-numru ta’ Nsara li malli jqumu jroddu s-salib u jgħidu xi talba qed jonqos. Ħafna huma dawk li jaqbdu gazzetta, mowbajl jew kompjuter. Imma dawn biss huma biżżejjed biex wieħed jgħix aktar uman? Matul il-jum, ukoll, b’dil-ġenn ta’ ħajja, iħallu barra dak li f’għajnejhom hu ħela ta’ ħin, e.g. it-talb. In fatti, jibżgħu joqogħdu ftit fis-silenzju li ma jmorrux jindunaw kemm qed jgħixu ħajja bla sens. Kull mument waħedhom jimlewh itektku fuq l-ismartphone. Il-bniedem tal-lum jaħseb li jista’ jsolvi l-problemi mingħajr talb. Dan aktarx għax għandu ideja żbaljata tat-talb, e.g. dak li nirrepetu bħal pappagall, jew fejn nitolbu grazzji u favuri biss. Hawn irridu noqogħdu attenti kif nużaw santi, domni, relikwi u labtijiet biex il-qaddisin jinterċedu għalina. Dan għax faċli nqisuhom xi lucky charms li fihom xi maġija jew seħer. Mela, x’jiġifieri titlob sew?
- “Għallimna nitolbu.” Luqa jsemmi seba’ darbiet li Ġesu’ “kien qiegħed jitlob.” Id-dixxipli ndunaw li, meta xi nies m’aċċettawx lil Ġesu’, jew meta kellu xi argument sħun mal-Fariżej, Ġesu’ kien jirtira f’post kwiet biex jiddjaloga mal-Missier. Meta jiġi lura kienu jinnutaw li Ġesu’ nbidel, ikkalma, fil-paċi, u deċiż li jkompli triqtu bil-ferħ. Kienu jarawh iħobb lil kulħadd, anki dawk li ma jisimgħux minnu. Dan hu r-riżultat ta’ meta Ġesu’ jkun iddjaloga mal-Missier. Għalhekk talbuh: “Għallimna nitolbu bħalek, ħa naraw id-dinja kif taraha int, u kif Ġwanni għallem lid-dixxipli tiegħu, i.e. talb li jikkaratterizza l-ispiritwalita’ tagħna biex niffurmaw immaġini t’Alla kif taraH int, u immaġini tal-bniedem kif tixtiequ int.” (i) “Missierna…” Dil-forma hi ftit iqsar minn ta’ Mattew. Li rridu nżommu preżenti hu li dit-talba hi differenti minn kull talba oħra, għax hi sintesi tal-messaġġ fundamentali Nisrani, tal-fidi u tal-morali: “Jekk taqra l-Bibbja, ma ssibx suġġett li mhuwiex fil-Missierna” (S. Wistin). L-ewwel Insara mill-bidu nett ifformulaw dit-talba li għadha magħna sal-lum. Dan biex kull dixxiplu jikkonferma s-sejħa tiegħu meta jgħid dit-talba almenu tliet darbiet kuljum. Illum il-Missierna tista’ sservi ta’ mera li turina kif qed ngħixu l-Fidi tagħna, dment li nifhmu t-tifsira ta’ kull kelma. Hi ndirizzata lil Alla. Importanti nifhmu li Alla tagħna mhux xi dittatur sever li jikkastiga, imma Missier ta’ mħabba u ħniena infinita. Jekk għadna bl-ideja li Alla jikkastiga l-ħżiena, inkunu qed nitolbu lil idolu. Dal-Missier, li uriena Ġesu’ ta’ Nazaret, jibqa’ jħobbna anki meta noffenduh. Meta nitolbuh, nibdew insiru nixbhuh, għax aħna wliedu. (ii) “Jitqaddes ismek.” Ismi jagħtini l-identita’ tiegħi, i.e. jien ningħaraf minn oħrajn permezz ta’ ismi. “Jitqaddes” ifisser maqtugħ għalih għax differenti minn l-oħrajn profani (santwarju, maqdes). Meta nitolbu “jitqaddes ismek” jiġifieri “urina li l-identita’ Tiegħek mhiex bħal dik ta’ allat oħra, i.e. m’hemmx alla ieħor bħalek.” Dan ta prova tiegħu meta ħeles lill-poplu Lhudi mill-jasar (Eġittu, Babilonja), u għadu jagħmel hekk illum mal-kommunita’ Nisranija. Mela jiħtieġ li n-nies jaraw f’uliedu, i.e. fina, li hemm Alla qaddis. Għandna d-dover li nħabbruh bħala mħabba u mħabba biss, u qatt bħala mħallef li jikkastiga. (iii) “Tiġi saltnatek.” B’din niftakru li aħna ċħadna s-saltna tal-ilpup, vjolenza w gideb u ħaddanna saltna tal-ħrief, fejn inħobbu ‘l kulħadd, anki ‘l min weġġagħna. (iv) “Ħobżna ta’ kuljum.” “Għada” mhiex imsemmi. Fid-deżert il-Lhud kienu mitlubin jiġbru manna għal jum wieħed. Min ġemma’ aktar, l-għada sabha mdewda. Dan biex nitgħallmu negħilbu r-rebgħa billi nkunu kuntenti bin-neċessarju u ma naħlux, u niftakru li l-ġid li għandna mhux tagħna, imma misluf lilna, u miż-żejjed li għandna aħna obbligati ngħinu li min hu fil-bżonn illum. Ngħidu “ħobżna” għax, biex titħan il-qamħ fi dqieq biex minnu tagħġen il-ħobż, tiħtieġ il-ħidma tal-bniedem. Mela min jitgħażżen ma jistħoqqlux ħobż. (v) “Aħfrilna dnubietna..” Għadna nsibu f’xi talb: “Għax dnibna, jistħoqqilna l-kastig.” Illum din meqjusa bħala dagħwa djabolika, għax jagħmel hekk alla li ħlaqna aħna, idolu bħal tal-Fariżej. Alla ta’ Ġesu’ ta’ Nazaret ma jagħlaqx għajnejh għad-dnub qisu ma ġara xejn. Id-dnub ma joffendix lil Alla, imma jagħmel ħsara lill-bniedem. Alla ma jżidx dil-ħsara b’kastig minn għandu. Ħadd ma jobgħod id-dnub daqs Alla, li, fl-istess ħin, iħobb lill-midneb b’imħabba tal-ġenn. Għalhekk ma joqgħodx jistenna li nitolbu skuża imma jaħfer, mhux billi jħassar id-dnub b’xi gomma, imma billi jfittex kull mezz biex ireġġa’ lura lill-uliedu għat-triq tas-sewwa, tal-ħajja, tal-ferħ. Dan jagħmlu permezz tal-Vanġelu u ta’ “anġli” li jibgħat qrib tagħna li huma msejħa biex jeħduna lura għat-triq it-tajba. Meta jaħfrilna b’dan il-mod, jagħmel festa fil-ġenna. (vi) “La ddaħħalniex fit-tiġrib.” Peirasmos ma tfissirx tentazzjoni imma prova. Fi żmien Ġesu’ il-lingwaġġ tan-nies kien li jekk il-ħsad imur tajjeb ifisser barka t’Alla, jekk le, ifisser kastig. Il-provi li jgħaddi minnhom il-bniedem mhux suppost jegħilbuh imma jgħinuh jimmatura aktar. Veru li xi prova twerwirna. Hawn nissieħbu ma’ Ġesu’ li fil-Ġetsemani wasal biex jitlob: “Biegħed minni dil-prova.” Dan li nitolbu meta ngħidu “Iddaħħalniex fi prova bħal din.” L-Anġlu llumina lil Ġesu’ li, jekk jagħti ħajtu, se jsalva d-dinja. Aħna nistgħu nibqgħu żguri li Alla se jsib mod kif jilluminana biex noħorġu mill-prova rebbiħin.
- “Itolbu u jingħatalkom.” Imma ma naqilgħux meta nitolbu biex Alla jagħmel ir-rieda tagħna. Isir miraklu meta nitolbu “sew”, i.e. meta nħallu ‘l Alla jdaħħalna fil-ħsieb u l-proġett tiegħu. Dan jieħu ħafna żmien. It-talba m’għandhiex tkun “Tini, tini, tini..” imma “għinni biex nifhem ħsibijietek, għax dawn huma ‘l bogħod minn ħsibijieti.” Min jitlob hekk fis-silenzju u kontemplazzjoni, se jisma’ lil Alla jkellmu u jwieġbu, kif wegħidna llum: “Il-Missier mis-smewwiet jagħti Spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu.”
Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini