Issa li daħal is-sajf mhux l-ewwel darba li nkunu mistiedna għal xi wieħed minnhom. Jew inkella, jekk ikollna l-ħin u r-rieda, nafu wkoll norganizzawh aħna wkoll. U għaliex le! X’fiha ħażin! Anzi! Fiha ħafna u ħafna tajjeb! Jekk, meta nħejjuh, dan ix-xogħol kollu ma jmurx fil-ħela iżda jissarraf f’dik l-għaqda u r-rikonċiljazzjoni li tkun ixxelfet minħabba l-punt li ma jaf qatt bi draw! Għax, u fil-verità, kemm fil-fatt se nibqgħu ngħixu fuq din l-art? U se nibqgħu ngħixu f’din l-istupidaġni? Donnu insejna li ġurnata, iċ-ċens tagħna fuq din l-art, se jiskadi?
Kull darba li nkun mistieden għal wieħed dejjem ħarsti tmur fuq il-forn. Hemm! Fuq il-gradilja! Tal-Barbeque! Mela fejn, miskin, inxtewa San Lawrenz u tant oħrajn fl-istorja. U li isimhom jafu biss il-Kbir Alla l-Ħaj! U dawn ġew brutalment mixwija l-għaliex ħabbew minn qalbhom lil Kristu Ġesù! Bħalma jien u int imsejħa li nħobbuh! Mingħajr skużi, termini u kundizzjonijiet! Anki meta, ta’ madwarna, iva ħbieb, iwassluna sa ma jaħarquna fuq il-gradilja. Iva ħi! Dik il-gradilja ta’ prova wara l-oħra u li tnisslilna l-paċenzja!
Meta nħares lejn il-kokk u l-kokka tal-Barbeque dejjem narahom joqgħodu b’seba’ għajnejn. U, jekk inkun se nfendilhom xi waħda, arahom jgħiduli: Ħu paċenzja Patri! Mhux għalissa! U nifhimhom! Għax x’jiġri minnu u minnha, miskin u miskina, jekk jinħaraq u tinħaraq bin-nar tal-barbeque? Tajjeb li tagħmillu naqra minn tal-istoċċ. Imma ħej! Jekk il-ħarqa tkun kbira allura jkun aħjar jekk tmur ġirja sal-polyclinic. Inkella s’għandna, fl-Isptar Mater Dei. Madankollu, u bħalma jgħidu uħud, il-prevenzjoni aħjar mill-kura. Mela ħa noqgħod pass lura u ma nqażżiżhiex! Jekk ma rridx li niġi mqażżeż waħda u tajba b’xi ħarqa li naf niddobba meta f’idejja jkolli l-furkettun biex bih intella’ il-laħam u z-zalzett.
Ommi Mà x’riħa sabiħa qed toħroġ minn dak il-barbeque! Kollox jinxtewa! Bix-xaħam idub għal ġon-nar! U, suppost, li dak l-ikel ikun tajjeb għas-saħħa l-għaliex ix-xaħam ikun telaq! Iżda, u dan ngħidu għalija b’subgħi l-werrej dritt dritt ippuntat lejja nnifsi, ma jfissirx li għandi nibla’ id-dinja tafux! Il-moderazzjoni għandha tkun! Inkella ….
Issa, din tal-barbeque, lili tfakkarni f’xi ħaġa tabilħaqq interessanti! Tafu li teżiżti t-talba tal-barbeque? Forsi uħud, bħalissa, moħħhom mar dritt fuq it-talba ta’ qabel l-ikel. Anki dik parti mir-ritwal tal-barbeque! U dan ma jista’ fil-fatt jiċħdu ħadd u ħadd! Dan l-għaliex, kif isir il-ħin tal-ikel u l-qanpiena tal-istonku ddoqq, mhux ovvja li kulħadd se jippreżenta ruħu biex jiekol? U, la aħna bnedmin u mhux qżieqeż, qabel nieklu nroddu imqar naqra ta’ salib! U nitolbu talba ta’ qabel l-ikel! Inkella?… Ħalli, dak l-ikel li ħa nieklu, jkun imbierek. U ħalli wkoll, bit-talba tagħna, niftakru f’dawk imsieken li x’jieklu m’għandhomx! U, l-għaliex il-ħajja dan dejjem qed tgħallimhulna, li dawn minnhom hawn. U, f’xi każijiet, jafu jħokku magħna wkoll!
Imma t-talba li qed nitħaddtu fuqha m’għandhiex le x’taqsam ma’ dik ta’ ħin l-ikel. Iżda din it-talba titħaddet fuq xi ħadd li għandu jiġi mitfugħ fuq il-barbeque set! Inkella, dan ix-xi ħadd, jekk ma jiġix mitfugħ fuq il-barbeque, int u jien ħa nibqgħu ninbgħadu. U jien ngħid kontrik. U int taqlagħli l-ħama. Jekk dan ix-xi ħadd ma jitpoġġiex naqra waħda fuq il-barbeque set ħa nibqgħu naraw lil xulxin għedewwa u moħħna jibqa’ jimtela’ b’ħafna diskors jew tewhdin li jherri lil ħajjitna. Jekk dan ix-xi ħadd ma jiġix mitfugħ fuq il-barbeque set fid-dinja se jibqa’ ikollna min hu fqir ħafna u min hu sinjurun u ma jafx x’se jaqbad jagħmel bihom. Jekk dan ix-xi ħadd mhux ħa jiġi mitfugħ fuq il-barbeque set il-firda, il-qtil, il-gideb, it-tixwix, it-taħwid u x’ma nafx jien, se jkomplu jikbru fuq li jikbru!
Iżda, biex dan ix-xi ħadd jiġi mitfugħ fuq il-barbeque set hemm bżonn nitolbu! Ovvja! Dan mhux ħa jintefa waħdu! Daqshekk naħseb hu fidil! Anzi! Hu nnifsu jammetti li ma jridx imur fil-ħġejjeġ tal-barbeque etern! Fl-infern! Daqskemm hu post tal-biża’! Allura x’inhi t-talba li biha dan ix-xi ħadd, li ismu hu tant moqżież, li jissejjaħ xitan, jiġi biha mitfugħ fuq il-barbeque set?
It-talba hi dik ta’ San Mikiel Arkanġlu! Dik it-talba tant u tant qawwija li Papa Franġisku, speċjalment f’dawn iż-żminijiet tant imqallba fl-istorja tal-Knisja, ħeġġeġ fuq li ħeġġeġ biex nitolbuha b’fidi kbira. Wara kull quddiesa li ssir. Huwa San Mikiel Arkanġlu, il-kok prim, li l-Mulej juża’ biex bih jitfa’ lix-xitan fl-infern. Anki illum! Fi żminijietna! Biżżejjed wieħed jara ftit l-istatwa ta’ San Mikiel biex jifhem dan li qed ngħidu.
Meta tara xebgħa problemi ġejjin sieħbi, meta jfaqqa’ il-mard fil-familja tiegħek, meta filli tkun fil-kwiet u filli jqum xebgħa inkwiet, meta jkollok attakki kontra r-relazzjonijiet tiegħek, kontra l-familja tiegħek, meta ħbiberija li għandek tkun ħa tispiċċa fuq ix-xejn, meta tkun qed issammar u tieħu subgħajk, meta tkun qed issuq u joħorġulek bl-addoċċ, bil-mod! Ikkalma! Tniżżilx is-sema bid-dagħa faħxi u mżejjen! Le! Il-Mulej u l-Madonna m’għandhom x’jaqsmu xejn ma dak li tkun għaddej minnu. Kun għaqli u għaqlija. Ara ftit minn fejn hi ġejja l-problema. Hemm xi ħadd li jobgħodok sieħbi. Bħalma jobgħod lill-Mulej li ħalqek u ħalqu. Huwa hu l-problema! Nerġa’ ngħidlek: TIKKONFONDIX! TIPPANIKJAX! IKKALMA!
Kulma għandek tagħmel hu li, bil-KALMA kollha, titlob din it-talba b’fidi. It-talba ta’ San Mikiel Arkanġlu! It-talba tal-Barbeque! Ħalli l-Mulej jitfa’ naqra, irid jew ma jridx, lix-xitan fin-nar tal-infern. Mela fil-barbeque etern! Ħalli int u jien ikollna s-serħan tal-moħħ, tal-qalb, tar-ruħ u tal-ġisem. Bilħaqq, din it-talba itlobha anki meta jibdew ġejjin f’moħħok ħsibijiet li jnikktuk, iħawduk u jtaqqluk. Hawn hi t-talba tal-Barbeque:
San Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida; kun int l-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa. Int l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema, itfa’ bil-qawwa t’Alla, fil-qiegħ ta’ l-infern lix-xitan u l-ispirti ħżiena l-oħra li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien ta’ l-erwieħ. Ammen.
Filwaqt li nissuġġerilek li titlobha kuljum, għax kuljum niġu attakkati, tagħmel tajjeb ukoll jekk taqsamha mal-ħbieb tiegħek ta’ Facebook. Mela ħu gost fil-barbeques ta’ din id-dinja. Imma din it-talba itlobha biex int u ta’ madwarek qatt ma tmorru fil-barbeque etern li jixraq biss u biss għax-xitan u l-anġli ħżiena tiegħu!
Patri Mario Attard OFM Cap