Fi żminijiet li dejjem jinbidlu

Print Friendly, PDF & Email

Din jammettiha kulħadd. Anki forsi min ma tinżillux. Qiegħdin ngħixu fi żminijiet li dejjem qiegħdin jinbiddlu. Fejn illum insibu mod. Filwaqt li għada nafu nsibu mod ieħor. U kollox f’radda ta’ salib!

Il-bidla! Il-kelma tinħass sabiħa. Forsi l-għaliex l-ewwel ħsieb li jiġina f’moħħna, li xi kultant jaf jiddallam u jitqarraq ukoll, hi li l-bidla bilfors tfisser għall-pożittiv. Mhux tajjeb meta l-ilma jiċċaqlaq? Mela aħna tal-ilma qiegħed jew? Nifimha! Ħadd ma ġie maħluq biex jibqa’ staġnat u staġnata. Ħadd ma ġie maħluq biex jibqa’ imwaħħal jew imwaħħla għal ma nafx kemm-il sena. Xhur. Ġimgħat. Ġranet. Siegħat. U anki minuti. Biss, u dan tajjeb li nisħquh, ħa niftakru ftit li ħadd ma ġie maħluq biex jinbidel għat-tkissir. Għall-ħajja mingħajr valuri. Inkella dik x’bidla tkun? Mhux frakass tispiċċa?

Għalhekk, meta nitħaddtu mill-bidla irridu nqisuha bħall-karozza bil-gerijiet. Il-karozza m’għandhiex le gear wieħed. Allaħares kieku kien hekk. Inkella mill-ewwel għal ġol-garaxx minfejn tkun ħarġet ftit minuti qabel. Ibda’ biex it-toroq ma jippermettuliex. Ajma! L-aktar f’pajjiżna! Meta fit-toroq għandek tant u tant dawrien. U fejn, fl-istess triq, ma tistax teċċedi ċerta veloċità. Ħallieha li xorta jkun hawn min jipprova jtellaq! Imma dik Malta, pajjiż fil-Mediterran. Bħalma jħobbu jagħmlu wkoll il-pajjiżi l-oħra kollha, l-aktar dawk Mediterranji! Mela, fuq hekk, xejn ġdid!

Aktar mal-Mulej qed jagħtini grazzja nikber fis-snin, u nittama fil-grazzja u fl-għerf tiegħU ukoll, aktar qiegħed dejjem jgħallimni kemm fil-ħajja trid tabilħaqq it-tattika tagħha. Liema tattika iżda ma nġibuhiex minn kemm għandna degrees tal-università. Jew inkella kemm inkunu għamilna korsijiet barra. Għall-kuntrarju! Din it-tattika tiġi minn kemm wieħed lest li jiltaqa’ man-nies. Ħalli jħalli lill-Mulej jgħallmu bihom. Hi tattika li wieħed jilbes il-boilersuit. Iva! Kemm bħala uniformi u, wisq aktar, li jkollu l-attitudni ta’ apprentist. Mela ta’ dak l-istudent li fil-ħajja għadu ma wasalx. Għax għadu dejjem qed jitgħallem!

F’din il-bidla kollha li għaddejjin minnha bħala soċjetà u anki bħala dinja irridu jkollna l-għaqal. U dan bil-kotra. Nerġa’ ngħid: dan l-għaqal m’għandu x’jaqsam xejn ma’ xi teorija jew teknika. Lanqas ma’ jintrabat u jiffissa ma’ xi sistema tal-ħsieb. Jew inkella kategorija ta’ ħsieb li minnha wieħed jara r-rejaltà. Bħalissa, buzz word kbira f’diskorsna hi l-kelma bilanċ. Kulħadd għaddej ifajjar bil-bilanċ. U, l-għaliex wieħed jobżoq minn ħalqu l-kelma bilanċ allura dan ifisser li hu ibbilanċjat. Żinn! Kemm dan mhux veru! Ġieli ltaqjt ma’ persuni li huma predikaturi primi tal-bilanċ. Imma ħej! Ħares lejn ħajjithom! U tara kemm huma estremisti mill-kbar nett! X’gidba mela din tal-bilanċ! U tal-ipriedkar tal-bilanċ!

Nippreferi kelma oħra aktar rejali u anqas giddieba u faċċola minn bilanċ: għerf! Imma, dan l-għerf, mhux ħa tagħtihulna xi klikka tafux! Lanqas m’hu ħa tagħtihulna l-mentalità ta’ naħsillek dahrek biex taħsilli dahri. Nilaqgħek u int tilgħaqni. U lanqas m’hu ħa jagħtihulna moħħ li jaf jilgħab bil-kliem u jistaħba mill-fatti. L-għerf li qed nitħaddtu fuqu ġej mill-Mulej. Dak il-Mulej li hawn wisq pampaluni li jaħsbu li jħobbuh. Imma, meta tagħmilha magħhom, aħjar tara fejn se tinħeba. L-għaliex għemilhom hu tal-biża’! L-aktar dawk li jgħidu ħaġa u jagħmlu eżattament il-kontra!

L-għerf tal-Mulej li qed nitħaddtu fuqu jagħrbel kull sitwazzjoni. U joħodha għaliha nnifisha. Dan l-għerf jieħu ż-żmien tiegħu. Ma jeħilx mal-aspettativi tan-nies. Li, u issa ejjew inkunu sinċieri, ħafna drabi jkun kapriċċużi kapriċċużissmi! Dan l-għerf iħares lejn qalb il-bniedem. U, l-għaliex hu fuq kulħadd, fuq kull awtorità, anki dik ekkleżjastika, kapaċi jara x’hemm fiha. Kapaċi jiżen il-qalb ta’ din il-qalb. Kapaċi jaraha sewwa. Kif inhi. Għarwiena. U mingħajr ħabi!

Għalhekk, dan l-għerf, ma jinfluwenzax ruħu. M’għandux min jaqbeż għalih l-għaliex ma jiddependi minn ħadd. Għalkemm kulħadd, int u jien inklużi, li abbli ngħidu li nemmnu imma fil-fatt ma nemmnux, niddependu minnu. Dan l-għerf ma jieqafx milli jagħmel xogħlu. Anki meta hu mwarrab. L-għaliex jirfes wisq kallijiet. Imma, mal-medda taż-żmien, meta kollox jitla’ f’wiċċ l-ilma, ikun dan l-għerf stess li jfakkarna kemm konna żbaljati li warrabnieh. Meta, jaħasra, stajna nħallu lilna nfusna nikbru minnu u dan m’għamilniehx!

Mela, biex int u jien iseħħilna ngħixu f’dawn iż-żminijiet, li dejjem qed jinbidlu, irridu iva jkollna dan il-għerf. Liema għerf li jmur lil hinn mill-flus li nistgħu nġorru fil-kontijiet tagħna tal-bank, fil-portmoni, fil-kartiera jew fil-but. Dan l-għerf jgħinna naraw ħajjitna fid-dawl ta’ dak li hi: ħajja li tispiċċa malajr. Ħajja li hi magħmula minn għadd kbir ta’ sitwazzjonijiet. Li, għal uħud, huma biss problemi. U widien ta’ problemi. Filwaqt li għal oħrajn, dawn l-istess sitwazzjonijiet isiru opportunitajiet tad-deheb ta’ bidla għas-sewwa. Ta’ valutazzjoni għaqlija tal-ħajja. Ta’ pass għaqli lejn is-Saltna ta’ dejjem. Liema Saltna għaliha aħna ilkoll, nemmnu jew ma nemmnux, ġejna maħluqa u mifdija.

Il-valzi lili minn dejjem laqtgħuni. Dan l-għaliex fihom m’għandekx l-istess pass. U allura l-istess rittmu. Bħal kull tip ta’ żfin ieħor, u, fl-aħħar mill-aħħar, bħall-istess mużika stess, il-valzi għallmuni li l-ħajja hi magħmula b’biżibilju rittmi. Li kollha huma mportanti. Meta jkun il-waqt tagħhom. L-ebda filosofija ta’ bilanċ dan m’hu ħa tgħallimhulek u tgħallimhuli. Għajr l-Għalliem, l-Ispirtu s-Santu! Dak iva! Dak kollox jaf! Għax il-bilanċ tiegħu, li m’għandu x’jaqsam xejn ma tagħna, li jgħodd! Għalhekk min jirredikolah ma jiflaħx iwaqqa’ lilu nnifsu għaż-żufjett aktar! Bil-bilanċ kollu li jippriedka! Li mhux għajr cliche ta’ moħħu li staġna fil-preġudizzju!

Spirtu s-Santu, fi żminijiet li dejjem qed jinbidlu, għinni nimxi mal-valuri tiegħek. U mhux mal-likes tal-bniedem. Li, f’riħ ta’ siegħa, malajr iva jsiru dislikes! U dislikes mill-kbar nett! Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: