Il-Papa jkellem lill-Iscouts


Il-Papa Franġsiku ħeġġeġ lill-iscouts biex jingħataw għall-oħrajn billi jibnu, jservu u jieħdu ħsiebhom għax b’hekk huma jħossuhom verament ħielsa u jkunu qed jagħnu lid-dinja.

Franġisku kien qed ikellem lil madwar 5000 scouts subien u bniet minn aktar minn 20 pajjiż, kollha membri tal-Għaqda Internazzjonali tal-Guides u Scouts tal-Ewropa.

Fit-3 ta’ Awwissu huma kienu temmew il-laqgħat internazzjonali li fihom għamlu vjaġġi fl-imkejjen storiċi tal-Italja u wara ltaqgħu lkoll f’Ruma.

Fid-diskors tiegħu l-Papa nnota li dawn iż-żgħażagħ kienu kkontemplaw lil bosta qaddisin li min-naħa tagħhom kien terrqu madwar l-Italja u taw ħajjithom għall-oħrajn bla ma żammew xejn għalihom.

Il-Papa kompla jgħid li l-Vanġelu hu l-mappa tal-ħajja li fih Ġesù jurina t-triq tal-veru hena: “Agħtu u jingħatalkom”.

Aħna nirċievu aktar meta nagħtu u dan hu s-sigriet tal-ħajja, qalilhom Franġisku.  L-ismartphone, il-karrozza sabiħa, l-ilbies tal-aħħar moda, qatt m’huma se jkunu biżżejjed u qatt m’huma se jtukom il-ferħ li tħobbu u tħossukom maħbubin.

It-tagħlima ta’ Ġesù: “Agħtu u jingħatalkom”, tgħodd ukoll għall-ħolqien, żied il-Papa.  Jekk nieħdu ħsiebu, għada wkoll se jibqa’ jkollna dar.

Il-Ħolqien hu ktieb miftuh li jgħallimna li ninsabu fid-dinja biex niltaqgħu ma’ xulxin, noħolqu l-komunjoni, għax ilkoll neħtieġu lil xulxin.  Il-Ħoqlien qiegħed biex nikkonnettjaw ma’ Alla u ma’ xulxin, huwa l-mezzi soċjali ta’ Alla, temm jgħidilhom il-Papa.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija