Il-Papa kompla bl-Udjenzi Ġenerali


Fl-ewwel udjenza ġenerali fis-Sala Pawlu VI, wara l-waqfa tul ix-xahar ta’ Lulju, il-Papa Franġisku kompla bil-katekeżi dwar l-Atti tal-Appostli b’riflessjoni dwar il-fejqan tal-magħtub f’isem Kristu.  L-id merfugħa biex tgħin li min u batut hi id Ġesù, ikkummenta l-Papa Franġisku.

U f’Pietru li jaqbad lill-magħtub minn idu biex iqajmu u jfejqu aħna naraw lill-Knisja li m’għandhiex fruntieri u taf takkumpanja biex terfa’ lil dak li jkun mhux biex tikkundannah.

Il-mirakli tal-appostli, issokta l-Papa, huma manifestazzjoni tad-divintà ta’ Ġesù.  Pietru u Ġwanni joħolqu relazzjoni permezz tal-ħarsa tagħhom. Il-magħtub iħares lejhom biex jitlobhom il-flus, imma huma jħarsu fiss lejh u jistednuh jarahom b’mod differenti, biex jirċievi rigal differenti – il-fejqan f’isem Ġesù Kristu.

It-tallab li jiltaqa’ mal-appostli, kompla jgħid il-Papa, ma jsibx flus imma jsib l-isem li jsalva ‘l-bniedem: Ġesù Kristu in-Nazzarenu.

Fil-ġest tal-appostli hemm il-Knisja li tħossha omm kulħadd, li taf takkumpanja dejjem, li dejjem tgħin lil dak li jkun iqum, ifieq, ikun hieni, jiltaqa’ ma’ Alla.

X’ħin kien isellem lill-pellegrini Taljani l-Papa fakkar li d-9 ta’ Awwissu hi t-tifkira ta’ Santa Benedetta tas-Salib, jew Edith Stein, waħda mill-patruni tal-Ewropa.  Dis-soru ta’ oriġini Għebrajka kienet inqatlet fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz, fid-9 ta’ Awwissu, 1942.

Il-Papa Franġisku stieden lil kulħadd biex jagħmel għażliet kuraġġużi bħalma għamlet dil-qaddisa li kellha konverżjoni verament awtentika lejn Kristu sa tat ħajjitha minħabba l-intolleranza u l-perverżjoni ideoloġika.

Rapporta mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Tista’ ssib il-Katekeżijiet kollha tal-Papa Franġisku bil-Malti u b’filmati fil-Laikos …