It-Tifsir tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija


Kitba ta’ Angelo Xuereb

It-tlugħ fis-sema ta’ Marija jitfa’ dawl qawwi fuq id-destin tal-bniedem fuq din l-art li huwa miexi lejn Ġerusalemm tas-Sema.

L-Assunzjoni ta’ Marija turina fejn sejrin

s marija.jpgIl-Venerabbli Beda fil-ktieb tiegħu “L-Istorja Ekklesjastika tal-Poplu Ingliż” jgħidilna li meta waslu l-missjunarji minn Ruma u waslu f’Northumberland, is-sultan lokali laqqa’ l-kunsill tad-dinjitarji biex jiddeċiedu jekk iħallux lill-missjunarji jxandru l-messaġġ il-ġid. Xi wħud kienu favur u oħrajn kontra.  Kienet ix-xitwa u l-kamra fejn kienu qegħdin jiltaqgħu kienet sħuna u mixgħula tajjeb iżda barra kienet kesħa xxoqq l-għadam. F’daqqa waħda daħal għasfur, dar dawra mal-kamra u ħareġ minn toqba li kien hemm fil-ħajt oppost. Qam wieħed u qal li ħajjitna tixbah lil dan l-għasfur. Aħna ma nafux mnejn ġejjin, matul ħajjitna ngawdu d-dawl u s-sħana u mbagħad nisparixxu billi mmutu. Għalhekk issuġġerixxa li jekk dawn in-nies kapaċi jispjegawlna dan il-misteru għandna nisimgħuhom.

Il-bnedmin ta’ kull żmien għamlu mistoqsijiet bħal dawn u jixbhuhom. Ħafna staqsew: Mnejn ġejjin? u fejn sejrin?  Il-fidi nisranija għandha r-risposti għal dawn il-mistoqsijiet. Aħna nitwieldu minn omm u missier iżda r-ruħ tagħna hija maħluqa direttament minn Alla. Wara li ngħixu ħajjitna, immutu u jekk inkunu għexna tajjeb immorru l-ġenna u jekk le nintilfu. Fl-aħħar jum ikun hemm qawmien ukoll għall-ġisem. U proprju fil-festa tal-Assunzjoni naraw li l-Verġni Marija ttellgħet  is-sema bir-ruħ u l-ġisem. Għalhekk, din il-verità titfa’ dawl mhux biss fuq il-Verġni Marija iżda wkoll fuq il-bniedem.

Id-domma tal-Assunzjoni tagħtina diversi tagħlimiet

Bosta filosofi tħawdu quddiem il-misteru tal-mewt u oħrajn raw assurdità mill-aktar kbira. Iżda l-festa tal-Assunzjoni titfa’ dawl mill-aktar pożittiv fuq dan il-misteru. Il-Verġni Marija ttellgħet fis-sema mill-anġli bir-ruħ u l-ġisem.

Id-domma tal-Assunzjoni titfa’ dawl speċjali fuq dawn il-veritajiet; i) il-valur tal-ħajja umana;  ii) it-tama u, iii) l-istennija tal-ħajja eterna.

Il-valur tal-ħajja umana

Marija wettqet il-pjan li kellu għaliha Alla u kienet impenjata bis-sħiħ. Jekk nirriflettu ftit, inġibu quddiem għajnejna meta tat-“l-Iva” tagħha lill-anġlu, meta marret ma’  San Ġużepp tinkiteb għaċ-ċensiment u hemm wildet lil Sidna Ġesù Kristu. Narawha flimkien  miegħu tippreżenta lil Ġesù fit-tempju, narawha fit-tieġ ta’ Kana, fuq il-Kalvarju taħt is-salib, u wara t-tlugħ ta’ Ġesù, kienet f’Ġerusalemm mal-Appostli.

Dan jurina li kienet mara impenjata fil-ħajja tal-familja. Min jaf kemm xogħol għamlet fil-ħajja ta’ kuljum biex tieħu ħsieb il-familja ta’ Nażaret. Avolja kellha daqshekk grazzji minn Alla hija xorta waħda għamlet ix-xogħol ordinarju tal-ħajja ta’ kuljum. Il-Verġni Marija għexet mhux għaliha nnifisha iżda għal Ġesù u anki għal San Ġużepp. U ta’ dan Alla ppremjaha billi ttellgħet is-sema bir-ruħ u l-ġisem.

Inkunu nimxu fuq il-passi tal-Verġni Marija u mexjin lejn il-qawmien  meta nagħtu valur lil din il-ħajja billi nimpenjaw ruħna fid-dmirijiet tagħna. L-affarijiet kollha ta’ din id-dinja għandna narawhom biss bħala mezz u mhux bħala skop fihom infushom.

It-tama

Il-bniedem jista’ jkollu diversi għamliet ta’ tama; jittama fih innifsu, fi bnedmin oħra u b’xi ġid li għandu. Iżda t-tama nisranija hija meta wieħed jittama biss f’Alla. It-tama nisranija mhux biss timliena b’kuraġġ f’din id-dinja iżda tippreparana għall-ħajja eterna.  Marija hija mudell ta’ tama f’Alla. Jekk nirriflettu ftit naraw li hija kellha fidi qawwija meta kienet tħaddan f’dirajha lil Ġesù tarbija u temmen li dan kien l-Iben ta’ Alla. U proprju t-tama ta’ Marija narawha tilħaq il-qofol tagħha meta Ġesù miet. Għalhekk il-Jum tas-Sibt huwa ddedikat lil Marija għax f’dan il-jum jiġifieri meta Ġesù kien midfun hija baqgħet iżżomm f’qalbha t-tama li huwa kien ser iqum mill-mewt. It-tama f’Marija kompliet dejjem tikber sakemm mietet biex tara mill-ġdid lil Sidna Ġesù Kristu. U Alla ppremja din it-tama ta’ Marija mhux biss billi ruħha marret il-ġenna iżda wkoll billi ġisimha ma rax it-taħsir tal-mewt u ttieħed is-sema mill-anġli.

Inkunu nimxu fuq il-passi ta’ Marija jekk nittamaw f’Alla konvinti li huwa qiegħed magħna f’din il-ħajja, attiv u preżenti fl-istorja tal-bniedem sakemm xi darba morru ngawduh f’Ġerusalemm tas-Sema.

L-istennija tal-ħajja eterna

Santu Wistin jgħidilna li qalbna ma ssibx mistrieħ jekk mhux f’Alla. U proprju Marija kienet tistenna li terġa’ tara lil Sidna Ġesù Kristu. Ser nikkwota silta miktuba minn Santa Tereża tal-Bambin Ġesù li turi kemm kienet tixtieq tmur il-ġenna.

“Ha nistħajjel li twelidt f’pajjiż imdawwar bi ċpar oħxon hekk li qatt ma kkontemplajt id-dehra mbissma tal-ħolqien kollu mdawwal u mibdul mid-dija tax-xemx. Minn tfuliti, huwa minnu, smajthom jitkellmu fuq dawn il-għeġubijiet; u naf li l-pajjiż li twelidt fih mhux il-veru pajjiżi, għax hemm pajjiż ieħor li kull ħin għandi nixxennaq għalih. Din mhix xi storja li qalagħha  minn żniedu wieħed li jgħix f’dan il-pajjiż ta’ dwejjaq fejn ninsab jien; hija realtà żgura għax is-Sultan tal-pajjiż tax-xemx tiddi ġie jgħix għal tlieta u tletin sena fil-pajjiż tad-dlamijiet. U jaħasra! Id-dlamijiet ma fehmux li dan is-Sultan Divin kien id-dawl tad-dinja. Imma, Mulej, bintek fehmitu d-dawl divin tiegħek u titolbok maħfra għal ħutha, tilqa’ li tiekol il-ħobż tan-niket sakemm trid int, u ma tridx tqum minn fuq din il-mejda mimlija mrar, li fuqha jieklu l-midinbin imsejkna sal-jum li għażilt għaliha” (Storja ta’ Ruħ, Ċ Kapitlu 10).

Jekk nar bħal dan kien iħeġġeġ fil-qalb ta’ din il-qaddisa kemm kien hemm iżjed ħrara fil-qalb ta’ Marija. Inkunu mexjin fuq il-passi tal-Verġni Marija jekk  inkunu konxji li aħna qegħdin fi vjaġġ lejn Ġerusalemm tas-Sema u filwaqt li nimpenjaw ruħna fil-ħajja, niftakru li aħna pellegrini fuq din l-art. Din hija t-tifsira tal-festa tal-Assunzjoni. Hija festa tal-Verġni Marija iżda hija wkoll il-festa tagħna li titfa’ dawl fuq  id-destin tagħna l-bnedmin wara l-mewt.