Lectio Divina tal-20 Ħadd. Sena “Ċ”

Vanġelu (Lq 12, 49-53):  Is-silta tal-lum toffrilna żewġ immaġini: in-nar u l-magħmudija.

  1. In-nar kien strument tal-progress tal-bniedem li tgħallem irażżnu biex isaħħan, isajjar l-ikel, idewweb il-metalli u jaħmi t-tafal.  In-nar jaffaxxinak meta tħares lejh f’xi lejla xitwija quddiem xi fireplace.  Daħal fil-leġġendi, e. g. Prometeus li seraq in-nar minn għand l-allat biex jirregalah lill-bniedem.  Minn dejjem kellu kwalita’ divina,   tant li nsibuh 378 darba fil-Bibbja.  Jiħtieġ nifhmu l-mod simboliku kif  jiġi użat biex jgħinna nifhmu l-messaġġ tas-silta tal-lum.
  2. Fil-Bibbja nsibu li permezz tan-nar Alla juri l-preżenza tiegħu fl-istorja u fil-ħajja tal-bniedem.  Niftakru fil-kolonna tan-nar li akkumpanjat lill-poplu Lhudi fid-deżert; is-sajjetta msejħa “nar t’Alla” li Elija talab lill-Mulej; il-fjamma nar li għaddiet bejn l-annimali maqtula waqt il-patt li Alla kien qed jagħmel ma’ Abraham; is-siġra taqbad bla ma tikkonsma fuq is-Sinai, fejn Alla qal lil Mose’: “Jien Hu li Hu”.  In-nar kien użat ukoll biex jippurifika.  F’Sodom u Gomorra, Alla ma qeridx in-nies ħżiena, imma kien il-ħażen li kien qed jeqred lil dawn in-nies u kien qed imexxihom biex jgħixu ta’ bhejjem selvaġġi u mhux ta’ umani.  Alla ried jeħlishom minn dan il-ħażen.  Inżommu dejjem quddiem għajnejna li n-nar hawn  użat bħala simbolu ta’ purifikazzjoni.  Ġwanni l-Battista wkoll juża dan is-simbolu: “Ġej wieħed aqwa minni li se jgħammidkom bl-Ispirtu u n-nar. … it-tiben jinħaraq b’nar li ma jintefiex” (Lq 3, 16-17).  Ġesu’ jgħid l-istess għas-sikrana u għall-mogħoż li mhumiex nagħaġ.  Ġwanni u Ġesu’ qed jitkellmu fuq l-Aħbar it-tajba, l-Aħbar ta’ ferħ, tama u mħabba.  
  3. Mela, li tgħid li fis-silta tal-lum Ġesu’ qed jitkellem fuq in-nar tal-infern, hija dagħwa: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtiequ ġa qabad.”  Ġesu’ ma ġiex fostna biex jaħraq u jeqred lil ulied Alla, imma biex isalvahom.  Meta l-aħwa Żebedew darba qalu għas-Samaritani li ma laqgħux lil Ġesu’: “Tridx ngħidu nar mis-sema jinżel u jeqridhom?”, Ġesu’ ċanfarhom u wrihom biċ-ċar li ma ried ikollu x’jaqsam xejn ma’ nar bħal dak.  F’kull bniedem issib qamħ u sikrana, it-tajjeb u l-ħażin.  Alla jibgħat in-nar mhux biex jaħraq u jeqred lil uliedu, imma biex ineħħi l-ħażen minn ġo fihom. Kulħadd imissu jistenna b’ħerqa dan in-nar biex inaddfu mill-egoiżmu, għira, regħba, gideb u dak kollu li jisraqlu l-ferħ.  Għax dan huwa l-istess Nar li niżel fuq l-Appostli nhar Pentekoste, l-Ispirtu t’Alla, il-ħajja Divina li ġabilna Ġesu’.  Meta dil-ħajja Divina tidħol fil-bniedem, telimina dak kollu li hu diżuman.  Dan in-Nar hu l-isbaħ rigal li qatt seta’ jtina Alla.  Għalhekk Ġesu’ llum jidher ħerqan biex dan in-Nar “nixtiequ ġa qabad” biex tinqered is-sikrana fil-qalb  ta’ kull bniedem.
  4. “Hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed.”  Titgħammed tfisser togħdos fl-ilma. Hawn Ġesu’ qed jirreferi għall-ilmijiet tal-mewt.  Is-simbolu tal-ilma li jnaddaf  jixbah dak tan-nar li jippurifika.  Bħala bniedem Ġesu’ beża’ mill-mewt.  Din kienu qed iħejju għaliha l-għedewwa tiegħu.  L-iskop tagħhom kien li joħonqu dan in-nar tal-Vanġelu darba għal dejjem.  In-nar tal-imħabba Tiegħu kien qed itihom fastidju għax kien qed joqroshom fil-laħam il-ħaj, u għax, bil-mod ta’ ħajja li għażel u bi kliemu, kien qed jaqleb ta’ taħt fuq il-ġudizzji ta’ did-dinja l-antika.  Kien meħtieġ li Ġesu’ jidħol f’dawn l-ilmijiet u d-dlamijiet tal-mewt biex imbagħad iqum rebbieħ fl-Għid biex jagħti bidu għal dinja ġdida ta’ mħabba, immexxi mill-Ispirtu Qaddis, il-Ħajja Divina.
  5. Hawn wieħed kien jistenna li Ġesu’ jispjega kif jixtieq tkun din id-dinja ġdida. Din kienet imħabbra mill-profeti: “Il-lupu joqgħod mal-ħaruf, il-ħrief tal-iljun u tal-baqra jilagħbu flimkien….. ma jibqgħux jgħallmu l-arti tal-gwerra – dinja ta’ paċi” (Isaija). Mhux għax Ġesu’ ma jridx il-paċi, imma għax, kull min jaċċetta l-Vanġelu, irid bil-fors jagħmel ċertu għażliet li se jqallbulu ħajtu ta’ taħt fuq.  Rajna dan nhar il-Ħadd li għadda u x’suppost nagħmlu bil-ġid li mingħalina hu kollu tagħna.  Il-Vanġelu mhux se jħajjarna nżidu biss xi devozzjoni żgħira imma se jitlob minna bidla radikali u għażliet kuraġġużi.  Dan jheżżeż ir-rutina ta’ ħajjitna u l-mod trankwill u komdu li nkunu qed ngħixu, probabbli għax inkunu għamilna ħafna kompromessi.  Bħal dak iż-żagħżugħ li, meta l-ġenituri iħeġġuh jistudja aktar u jqatta’ aktar ħin jaqra milli fuq l-ismarthone, iweġibhom: “Ħalluni fil-paċi.”  Hija paċi bħal din li s-silta tal-lum ma tridniex norbtu qalbna magħha, għax mhijiex paċi awtentika.  Il-kelma t’Alla tixbah xabla b’żewġt ixfar, għax tferi minn kull naħa, tippenetra l-intimu tal-bniedem, u teqred fina l-kriterji u r-raġunar tad-dinja l-qadima.  Dak li konna nqisuh ġust, issa jibda jidher falz għax mibni fuq valuri żbaljati.  Meta Xmun qal lil Marija: “Xabla tinfidlek qalbek” ma kienx qed jgħid fuq il-passjoni ta’ Ġesu’, kif jaħsbu xi wħud.  Ix-xabla hi l-Kelma t’Alla li, mħabba fiha, Marija kellha tagħmel għażliet ibsin li kienu ferm differenti milli kienet tgħallmet fis-sinagoga.  Kull tant kienet tinħasad, e.g. meta f’Nazaret għajru ‘l Ġesu’ ‘miġnun’ għal dak li qal.
  6. Mela, min jaċċetta l-Vanġelu jitlef il-paċi falza, imma jikseb il-paċi awtentika għax ibbażata fuq il-verita’ tal-Kelma.  Din hi fjakkola li taħraq il-kriterji tad-dinja l-qadima. Dawk li mqabbdin ma’ did-dinja ta’ gideb u korruzzjoni, se jopponu bil-vjolenza  kontra dil-fjakkola.  Fuq din il-firda Ġesu qed jitkellem fl-aħħar parti tas-silta tal-lum. Din tista’ sseħħ f’familja (2 kontra 3) fejn l-ulied ma jaħsbuhiex bħall-ġenituri.  Hawn insibu paċi falza bbażata fuq inġustizzji u preferenzi, kif insibu wkoll fil-kamp ekonomiku u politiku. Dil-paċi teżisti wkoll fil-Knisja, fejn xi gruppi jibqgħu jiddefendu t-tradizzjonijiet antiki, u hekk jiġu f’konflitt ma’ min irid jinjetta nifs ġdid fil-Knisja bl-Aħbar it-Tajba, l-Aħbar is-Sabiħa, l-Aħbar il-Ġdida ta’ Ġesu’ ta’ Nazaret. Dawn il-konflitti jagħmlu tajjeb għax minnhom toħroġ ħajja ġdida għal Knisja u, bħal qabel kull twelid, ikun hemm l-uġigħ tal-ħlas, imma li, fl-aħħar mill-aħħar, tissarraf f’ferħ kbir.   

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading