Il-qrusa

Print Friendly, PDF & Email

Jaqq! Ma nistax inniżilha din! Qarsa! X’togħma morra jkollha hux ħaġa li ma tkunx tajba! Ovvja! Jekk qraset?

U għax qraset? U mhux għax għadda ż-żmien minn fuqha? Mela skadiet! Immuffat! Aktar? U qraset l-għaliex kellna npoġġuha fil-fridge. Imma nsejna! U, ħallejnieha barra! Hemm ara issa x’ħadna! U ħa ngħidlek, minix se nazzarda noħodha! Inkella viva l-imsaren! U, jaħasra, ikolli nagħmel ġurnata inkullat u inkullata mat-tron! U mbagħad addijo l-ħruġ! Imma jkolli noqgħod hemm! Fuq il-pottie!

Bħalissa qed nimmaġinak titbissem! Jew tidħak ukoll! U forsi, u kważi kważi xraqt! Attent u attenta ħi! Li ma jmorrux iwaħħlu fija li ġagħltek tixraq jien! Imma ħbieb ma nistgħux ma nidħkux għal din l-attitudni. Mhux tat-tfal tafux! Imma tal-babies! Ommi Mà! Kemm hawn min jitqarras għal kull ħaġa ta’ xejn! Ma nafx! Imma donnu hawn min jieħu riħ fuq ix-xejn! Mela, jekk tgħidlu għax tgħidlu. U jekk ma tgħidlux għax ma tgħidlux! Hawn ukoll min jitqarras u titqarras għax fik jara u tara kwalitajiet li hu m’għandux! U hi m’għandiex! U hawn tidħol, ħelu ħelu, is-sinjorina GĦIRA! Ittektek bit-takkuna! Tafha ħi lil din is-sinjorina int? Jien, bħalek, l-esperjenza tal-ħajja aqta’ kemm tlaqqagħni magħha! Kuljum preċett! Intant!…

Jitqarras ħi! Bħal dik il-baby! Li qamet minn raqda. Veru! Ġieli qamet maħsuda miskina! U allura jkollha bżonn ħafna u ħafna l-gażaża. U, jekk jogħġbok, u mill-aktar fis, ejja nerfugħa! Għax dik tarbija tal-idejn! U min ħbieb, anki jekk jiżen ma nafx kemm-il kilo, ma jieħux gost li jerfgħuh u jerfgħuha fuq l-idejn? Min minna ma jieħux u ma tieħux gost li jkun u li tkun fuq wiċċ l-idejn? Huwa li tkun fuq wiċċ l-idejn esperjenza! U esperjenza tax-tixħiħ! Mela! Li, minflok ma jilbagħuhieli bil-maqlub jinfexxgħuli fl-applawżi! U applawżi kbar! Bħal dawk li jdamdmu sala. Inkella f’xi knisja wara omelija. L-aktar ta’ xi funeral! Kos hux! Għalfejn għandna nuru l-apprezzament tagħna għall-kelmtejn “imqanqla” li jagħmel xi ħadd f’funeral? Dejjem ngħid jien? Iva fin-niket biss kapaċi nkunu mqanqla? Fil-ferħ le?

Imma aħna hekk ħi! Biex niġu f’tagħna irridu nitilfu xi ħaġa sabiħa li għandna. Xi ħaġa, jew aħjar, xi ħadd, li qabel ma tantx konna nagħtu kasu. Mela bħal dak li tilef subgħajh miskin minħabba operazzjoni li għamel. U issa, l-għaliex is-subgħa m’għadux aktar f’riġlejh, aqta’ kemm qed jimmisjah! L-għaliex, barra n-nuqqas tiegħu hemm ukoll l-uġiegħ fejn seħħet il-qata’! Imma ħajjitna hekk ħbieb! Nitgħallmu meta nieħduha għal geddumna. Jew inkella meta ntellgħu xi gundalla daqshiex fuq moħħna! Li tkun qisha l-Everst! Eh!…

Fil-ħajja nkunu nixtiequ li kollox jiġina ward u żahar. Inkunu nixtiequ li għandna l-ġenituri tagħna, inkella ħutna, tat-tali “tip”. Jew inkella, li fil-kunvent jew fuq il-post tax-xogħol, jkollna erba’ babaw! Li naqblu magħhom! Darba smajt lil xi ħadd li aqta’ kemm ħa r-ruħ għax qal: It-tali tat-“tip” tiegħi! U b’hekk, dan ix-xi ħadd, għax sab wieħed tat-“tip” tiegħu, ħaseb li daħal il-ġenna. Minn din id-dinja!

Imma l-Mulej, lil dan ix-xi ħadd, aqta’ kemm ħabbu u għadu iħobbu! L-għaliex, fil-ħajja tiegħu, lil dan ix-xi ħadd il-Mulej bgħattlu lil xi ħadd li hu l-oppost għal dak li joħlom li għandu jkun it-“tip” tiegħu. Għax il-Mulej iħobb jaf imma mhux ifissed. Il-Mulej jeduka jaf u mhux jirvina lil uliedu. Il-Mulej ikabbar jaf u mhux jagħti lil uliedu dak li joħlom moħħhom. Inkluż fil-kwistjoni tat-“tip” ta’ nies li dawn ipaspru li jridu jaħdmu u jgħixu magħhom.

Dan l-aħħar, l-Ispirtu s-Santu, għallimni din it-taqbila dwar il-qrusa: Il-qrusa tixwik għax għemilha jixwik! Min hu qanżħa f’kollox, min irid li kollox isir kif irid hu nkella jdendlu bit-tridijiet u l-kwindiċini, qed jgħix tixwika sħiħa. Mingħajr ma jaf tefa’ fuqu libsa kollha ponot tal-labar tar-ras! Aħ! Kemm demm ħiereġ minnu! Kemm hu misluħ! Hemm arah! Sar kollu ġrieħi! Aċċjomu! Miskin!

U, barra minhekk, għemil min dejjem qares iqarras kulfejn ikun. Anzi! Għemilu jixwi lil ta’ madwaru. Għax qatt m’hu kuntent b’xejn! Dejjem jagħżel lin-nies tat-“tip” tiegħu. Anki fi grupp li suppost jdewwaqna minn issa l-post fejn hemm post għal kulħadd! Anki f’dak ħi SELETTIV! Jagħżel! Għax ma joqgħodx ma’ kulħadd! Inkella malajr tiskadilu l-ħlewwa! Tiskadilu l-“qdusija”!

U ejja ma ndaħkux! Ejjew inkunu onesti! Ejjew inkunu persuni li nħallu l-Mulej imexxina u mhux nħallu l-EGO mnellaħ tagħna jmegħkna mal-art u jġibna żibel! Issa nista’ nifhem l-għerf ta’ taqbila oħra li l-Mulej tani fuq is-suġġett tal-qrusa: Il-qrusa lix-xitan tpaxxieh u lill-Mulej tkeċċieħ! Għax ix-xitan selettiv! Ix-xitan ifittex dawk li huma “tip” tiegħu biss. Speċi ta’ kull par għal paru. Ix-xitan għandu s-santi feteti! Ara Ġesù! Dak jaf x’jiġifieri xogħol! Ix-xogħol ma jagħżlux! Imma jaħdmu! Ġesù jgħix mingħajr kundizzjonijiet. Basta iservi! U mela joqgħod joħloq termini u kundizzjonijiet impossibbli basta ma jservix? Jew inkella iġebbed iġebbed basta iġib kollox kif irid Hu? Inkella jaqla’ xebgħa nkwiet?

Min hu qares ma jimpurtahx minn ħaddieħor. U, is-sabiħa, kienu qatt issibu ferħan! Le ħi! Imma dejjem imgeddem kien u dejjem imgeddem jibqa’! Għax, il-qares, il-vittma tal-qrusa ta’ dak tal-infern, ħajtu bir imtaqqab. Tagħmel kemm tagħmel miegħu mhu ħa tikkuntentah qatt! U tista’ tagħmillu l-ilma jiżfen tafux! Għax kollox għalxejn! Igerger kien u jgerger jibqa’! Jivvinta kundizzjonijiet u termini kien u jivvinta kundizzjonijiet u termini jibqa’! Ħallieha li, dawn it-termini u kundizzjonijiet ma jaħdem proprju xejn minnhom! U mhux ovvja li dawn ma jaħdmux! Jekk dawn ivvintahom biex ikun paxxut hu? U hu biss? U ħadd aktar? Mela, tagħmel x’tagħmel miegħu GĦAL XEJN!

Allura jekk jien qares u qarsa u rrid ninbidel m’hemmx tama għalija? Daż-żgur li hemm! U ngħidx jekk hemmx! Ħa naqsam miegħek din it-talba li jien nitlob eżattament wara t-tqarbin meta nqaddes. Nissuġġerilek li titlobha kelma kelma kuljum. Miegħi. U, aktar kemm titlobha bil-mod, aktar se tinnota l-qawwa mediċinali tagħha.

Missier, f’idejk nintelaq jiena. Agħmel minni dak li jogħġbok. Niżżikħajr għal dak kollu li tagħmel bija: Jien lest għal kollox, nilqa’ kollox. Agħmel biss li r-rieda tiegħek isseħħ fija,
u fil-ħlejjaq kollha tiegħek. Ma nixtieq xejn aktar Mulej. F’idejk jien nitlaq ruħi; nagħtihielek bl-imħabba kollha ta’ qalbi, għax jien inħobbok, Mulej, u għalhekk inħoss il-ħtieġa li nagħti lili nnifsi lilek, li nintelaq f’idejk għal kollox u b’kunfidenza bla tarf, għax int Missieri.

Il-ħlewwa tas-sema li l-Mulej jibda’ jagħtik b’din it-talba qawwija mhux biss tnessik il-qrusa tal-egoiżmu sfrenat li ilkoll kemm aħna jattakkana imma tiftħek ħa sservi lil ħutek il-bnedmin b’ħafna mħabba. Hekk tkun sweetner tal-imħabba vera ta’ Ġesù fil-qrusa ta’ madwarna u, fuq kollox, ta’ ġo fina!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: