Lectio Divina għat-22 Ħadd, Sena “Ċ”


Vanġelu (Lq 14. 1, 7-14):  Ġesu qatt ma kien jirrifjuta stedina għal xi ikla għax, madwar mejda, wieħed jagħmel ħbieb ġodda, jisma’ u jiġi mismugħ. Dak iż-żmien kellhom ċerti regoli ta’ mġieba, e.g. (i) attent biex fejn wieħed jitfa’ l-ħarsa tiegħu, int ma tmiddx idejk; (ii) ara l-bżonnijiet tal-oħrajn; (iii) tikolx bil-ħatfa għax iddejjak lil ta’ ħdejk.  Is-sid kellu joqgħod attent fejn ipoġġi l-mistednin: e.g. il-Fariżej  mhux ħdejn il-midinbin.

1.     “Ġesu daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej.” Kien is-Sibt, u dan il-kap kien soltu li, wara l-laqgħa fis-sinagoga, jistieden lill-familtu u xi  ħbieb, fosthom ukoll lir-Rabbi biex, waqt l-ikla, jkomplu jiddiskutu fuq is-silta Biblika ta’ dak is-Sibt.  Ġesu  qagħad bil-qiegħda mal-mejda ħdejn is-sid. Fuq kull naħa tas-sid, kont issib nies ta’ pożizzjoni għolja jew is-sinjuri. Aktar ma titbiegħed mis-sid, aktar kont issib ħaddiema komuni.

2.     “Qagħdu għajnejhom fuqu..” għax il-Fariżej kienu jafu li Ġesu ma kienx jaqbel mal-użanzi tagħhom u r-riti dwar l-ikel, il-ħasil tal-idejn u l-osservanza stretta tas-Sibt. Kienu lesti biex jagħlqulu ħalqu b’xi kwotazzjoni mill-Iskrittura hekk kif jgħid xi ħaġa f’dan ir-rigward.  Luqa juża din l-ikla (bankett) bħala immaġini ta’ Ikla oħra li Ġesu se jitkellem fuqha.  Għal din l-Ikla, il-mistednin, membri tal-Komunita’ Nisranija, jiħtieġ li josservaw regoli ferm differenti minn dawk li titlob l-ikla li ħejja l-Fariżew.

3.     “Meta tkun mistieden,  tmurx toqgħod fl-ewwel post.”  Il-kelma użata għall-“mistednin” tfisser “imsejħin.” Ġesu se jgħid kif dawn l-imsejħin għandhom iġibu ruħhom fil-komunita.  Waqt l-ikla tal-Fariżew, il-postijiet kienu jkunu assenjati minn qabel, u ħadd ma kien jissogra jieħu post ħaddieħor. Mela, meta Luqa jgħid li Ġesu nnota li bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem, qed jirreferi għall-Insara ta’ żmienu u tal-lum fejn insibu ftit mhux ħażin minnhom li moħħhom biex jilħqu xi grad ta’ unur. Dan biex kulħadd jagħmel kif jgħidu huma u dejjem jiġu servuti f’kollox u qabel l-oħrajn.  Kull tant, biex jilħqu dan il-għan, jaslu anki biex iqarrqu, jigbdu jew jiffurmaw klikek li jappoġġjawhom. L-Insara kollha huma bnedmin tad-demm u l-laħam u jħossu din il-kilba għall-poter qisha xi “bżonn.” Min ma jikkumbattix din il-kilba jispiċċa biex iġib ruħu ta’ pagan, forsi bla ma jinduna, għax joqgħod jgħid lilu nnifsu: “U jien mgħammed; mela kulma nagħmel kollu sewwa.”  Din l-imġieba narawha ġo familja Nisrani fejn ħadd ma jaħsel il-platti jekk ma jkunx imissu. Il-bqija, aktar ifittex li jiġi servut milli jservi. Fil-Komunita Nisranija wkoll: kemm naqilgħu inkwiet fuq min għandu l-preċendza f’xi ċerimonja jew purċissjoni! Dan jiġri mhux biss fuq livell għoli imma anki fejn volontarju jkun irid jiddomina il-biċċa xogħol żgħira tiegħu (ħasil, arranġament ta’ fjuri, eċċ)  u ma jħalli ‘l ħadd jindaħallu.  Fuq dan Ġesu jgħidilna:

4.     “Meta wieħed jistiednek għall-festa tat-tieġ..” Mela jekk int mistieden mhux int is-sid, u trid toqgħod fejn jixtieq hu. Jekk minn jeddek tieħu post ħaddieħor aqwa minnek, se tispiċċa b’regħxa ta’ mistħija (il-kelma proprja tfisser “telfa”) ċċedi dal-post u tmur fl-aħħar. Jaqbillek, mela, tmur fl-aħħar mill-ewwel biex imbagħad, is-sid ikun jista’ jgħidlek: “Ħabib, int jixraqlek titla’ aktar ‘il fuq.” Dan ikun aktar ta’ ġieħ għalik quddiem l-oħrajn.  Fil-passat kien hemm spiritwalita’ li tissuġġerixxi biex tiddisprezza lilek innifsek u tqis ruħek m’int tajjeb għal xejn; tkun miżerabbli u tqis lil kulħadd aħjar minnek, anki fejn dan ma jkunx minnu. Din kienet twassal biex wieħed jiċħad it-talenti li tah Alla u ma jużahomx għall-ġid tal-proxxmu. Mela din ma kinitx umilta’ ġenwina. Formazzjoni Nisranija tajba għandha twassal biex wieħed iqis ruħu qaddej, attent għall-ħtiġijiet tal-proxxmu. Umilta’ ġenwina hi dik fejn tkun konxju tal-kwalitajiet sbieħ u t-talenti li tak Alla  u tqiegħdhom għad-dispożizzjoni tal-oħrajn, dejjem tistenna ordnijiet minn għand kulħadd. L-aħħar post u l-post it-tajjeb għax huwa l-post tal-qaddej, ta’ Ġesu, ta’ Alla.  Meta nkun f’dan il-post għandu jiġi s-Sid biex jgħidli: “Ħabib, int qed tagħmel parti mill-proġetti tiegħi, mela itla’ f’post aktar ‘il fuq.” (Naħseb m’hawnx kelma isbaħ minn din: Ħabib!). Dan hu l-kobor ġenwin li għandna nfitxxu: “Min jiċċekken, jitkabbar.” Xi wħud jaħsbu li min hu qaddej mhuwiex ħieles imma mjassar. Imma fil-fatt, il-bniedem ħieles verament hu dak li minn jeddu jagħżel li jagħmel dak li ġie maħluq għalih: iħobb. Hekk juri l-identita’ vera tiegħu.  Min ma jagħmilx hekk, ifisser li qed jimxi skont l-istinti tiegħu u qed jaħli ħajtu fix-xejn.

5.     “Meta tagħti pranzu tistedinx ‘il-ħbiebek, qrabatek jew sinjuri…” Għadna nsibu Fariżej illum, li jagħmlu bħall-Fariżew tas-silta: “Jekk jidħol wieħed biċ-ċrieket tad-deheb …. u tgħidulu  ‘int oqgħod komdu bil-qiegħda’,  u jidħol fqir imċerċer u tgħidulu: ‘int oqgħod fuq il-mirfes ta’ riġlejja’….  tkunu qed tagħmlu għażla qarrieqa” (Ġakbu 2, 1-2). Jagħmel hekk min jistenna li jpattulu lura l-favur. Il-Fariżej kellhom ċirku strett ta’ mistednin ġusti u puri. Illum Ġesu qed jgħid li wasal iż-żmien li nibdlu dawn ir-regoli ta’ stedin: il-pranzu ta’ servizz  b’xejn, bla obbligu, bla stennija ta’ tpattija bi stedina reċiproka, u mogħti lil min l-aktar qiegħed fil-bżonn.  Dawn żgur ma jkollhomx minn fejn ipattulek lura.  Fil-pranzu tal-Komunita’ ma nistgħux infittxu l-interessi personali imma  tal-oħrajn, anki tal-għedewwa. “Għandek tistieden nies (i) foqra:  jien sinjur f’xi ħwejjeġ u fqir f’oħrajn. Meta naqsam ġidi mal-foqra jien niftaqar u se nsib min jieħu ħsiebi biex nistagħna fil-ħwejjeġ li l-aktar ikolli bżonn; (ii) magħtubin:  anki jien ġieli nagħti pass ‘il quddiem imma nsib x’jimblukkani u naqa’ lura. Il-magħtub irid għanjuna biex iqum fuq riġlejh mhux biss fiżikament; (iii) għomja: dawn ma jarawx u jiżbaljaw it-triq; (iv) zopop: dawn ma kinux jitħallew jidħlu fit-Tempju. Fil-Komunita’ l-ġdida għandhom dritt jidħlu.

6.     “Hieni int. Bravu. Int għaraft il-veru ħajja, għax dawn m’għandhomx minn fejn iroddulek, imma jitraddlek fil-qawmien tal-ġusti għall-ħajja. Ħafna se jgħajruk ġifa u tellief  meta taqdi l-proxxmu b’ġenerożita’ kbira. Imma jien qed ngħidlek ‘Hieni int’, għax b’hekk int sirt tixbaħ lill-Missieri, u qed tagħmel esperjenza tal-ferħ t’Alla li hi din: tara lill-proxxmu dejjem ferħan.”

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini