Meta Santa Liena ħarġet minn niċċa


Nhar il-Ħadd 18 t’Awwissu 2018 hi l-festa ta’ Sant’Elena, jew kif insibuha aħjar aħna l-Karkariżi, bħala Santa Liena. Il-festa li lill-Karkariżi, qiegħdin fejn qiegħdin, tgħaqqadna ilkoll flimkien!

Iva! Sewwa smajtuni ngħid: Aħna l-Karkariżi li tgħaqqadna ilkoll flimkien! Patri, mela int mhux San Ġwann? Kif issa qed tgħid li int minn Birkirkara? Għall-grazzja tal-Mulej tnissilt minn ġenituri Karkariżi. Ħuti kollha Karkariżi. Barra jien. Li ġejt mgħammed San Ġwann. Min jaf? Forsi li kieku twelidt u ġejt mgħammed Birkirkara abbli jien illum kanonku tal-kolleġjata? U mhux sempliċi Patri? Madankollu, meta nara l-ħajja tal-qaddisa tagħna Santa Liena ma nixbax lill-Mulej ngħidlu: Grazzi li għażiltni li nkun Patri Kapuċċin. Għax b’hekk biss jiena nista’ inkun tiegħek u tal-poplu viċin! Għax min hu, fil-verità, il-Patri Kapuċċin? Jekk mhux dak li, bħal Santa Liena, jgħin lill-batut? Iħobb lill-fqir? Ikollu mħabba kbira u taħraq lejn it-tempju tal-Mulej u anki lejn il-ministri tal-Knisja? Għax fihom jara lil Ġesù u mhux il-paroli fil-vojt li spiss jingħad. Għax anki jekk huma midinbin bħalna, u forsi, (u dan ngħidu għalija l-ewwel wieħed, għax jien wieħed minnhom), aktar minna kollha f’daqqa?

Iva! Trabbejt fl-arja Karkariża. Għallmuni noħlom a la Karkariża. Bdejt nitħaddet a la Karkariża. Eżattament tan-naħa ta’ dawk li joqgħodu ħdejn il-kappella ħelwa tal-Vitorja. Sa minn ġuf ommi għallmuni nkun sempliċi. Bħal dawn in-nies. Naf ngħajjat bħalhom. Għax naturali. Għallmuni nkun ta’ veru u mhux bniedem skjav u iffissat li rrid nagħti xi impressjoni. Jaħasra! Tafu li min hu iffissat fl-impressjoni li jrid jagħti lil oħrajn u mhux li jogħġob lill-Ispirtu s-Santu idaħħal lilu nnifsu f’tad-demm il-pressjoni u fid-dippressjoni? Int ħares naqra lejn wiċċu ħa tara! U, fuq kollox, lejn ħbub għajnejh! U għajnejha! Miskin! Miskina! Le ħi! Mhux l-impressjoni! U lanqas il-preżentazzjoni! Imma s-sottomissjoni lejn l-Ispirtu s-Santu!

Kien għalhekk li għallmuni nogħġob lill-Mulej Ġesù! Għallmuni nagħtih qalbi! Għallmuni nħenn! Għax irrid li l-Mulej iħenn għalija! Għallmuni QATT ma niċħad bin min jien. L-għażiża ommi Marija, u, Alla jaħfirlu, missieri Ġanni, it-tnejn li huma Karkariżi. U ferħan immens li huma ommi u missieri! It-tnejn li huma fetħuni għall-qalb ta’ Ġesù, Marija u dik ta’ Santa Liena!

O Santa Liena! Meta rajtek ħierġa nhar it-Tnejn, 12 t’Awwissu 2019, minn niċċa tiegħek, qalbi riedet tisplodi bil-ferħ! Ħlewwietek ma nistax infissirha! Kemm int sabiħa! Kemm int kbira! Għax int ħi bdejt minn xejn! Kont lukandiera. Sempliċi! U mingħajr ħafna pretensjonijiet. Lieni, x’ma jiġġenninx warajk Kostanzju Kloru! Għax mara tagħmilha sabiħa mhux kemm titfa’ make up ma’ wiċċha. U kemm tkabbar ‘l hawn u kemm iġġebbed l’hemm. Li tagħmel mara sabiħa hi azzjunietha! Għemilha! Qalbha! Għalhekk, meta narak O Lieni, kif tridni ma nifraħx bik! Kif tridni ma nxerridx ħafna dmugħ? Għax int tgħallimni li fil-ħajja l-maħfra kollox! Il-ħniena kollox! Il-qawwa li tibqa’ miexi u miexja dritt, fit-triq tal-Mulej, li tagħti tabilħaqq dinjità.

Rajtek ħierġa O Lieni, nhar it-Tnejn! U għajni x-xellugija bdiet iddemmgħa. Għax fakkartni f’oħti Josephine. Karkariża tal-Karkariżi! Kemm kienet tħobbok ja Lieni! Kemm kienet ixxerred dmugħ meta kienet tarak ħierġa l-Ħadd, fit-8 ta’ filgħodu bum. Mat-tokki tal-qanpiena l-kbira! Kemm kienet tkantalek mill-qalb! Huwa dik l-imħabba kienet ġejja minn nanna Mananni, omm l-għażiża ommi. Li, għalkemm Għawdxija tal-Għawdxin, biss lil Santa Liena kemm kienet tħobbha! Għax f’Birkirkara tagħna qattgħet ħajjitha!

Lieni, meta rajtek ħierġa nhar it-Tnejn, fuq iz-zuntier tal-Bażilika Kolleġjata iddedikata lilek, demmgħatli wkoll għajni l-leminija. Iva! Kienet l-għajn li fakkrittni fl-għażiż missieri! Missieri Ġanni li kien mitluf warajk. Li, bħal dawn iż-żminijiet, kien ikun fuq ix-xwiek li jiġi jarak. L-għaliex ma kienx irid li jiġi jumek u ma jinżilx isellimlek u jurik mħabbtu fl-għażiża Birkirkara!

U qalbi wkoll ħabtet bil-qawwi ħafna! L-għaliex, meta ħriġt nhar it-Tnejn, ftakart jien fl-għażiża Nanna tiegħi, Mananni! O kemm xerridt dmugħ! Kemm kienet tħobbni n-Nanna! Kienet l-ewwel waħda Lieni li fehmitni li għandi vokazzjoni għall-Patri Kapuċċin. Mhux ta’ b’xejn li jien dħalt Patri nhar it-12 t’Ottubru! Mela, eżatt fil-jum li nannti l-għażiża ttajret lejn is-sema! Kemm talbet u titlob għalija n-nanna Mananni! U kemm kienet tkun trid li jien immur narmalha lil Santa Liena fid-dar tagħha f’Birkirkara!

Lieni, meta rajtek ħierġa nhar it-Tnejn fuq iz-zuntier int fakkartni f’kemm in-Nanna kienet tkellimni sabiħ fuqek! Kemm kienet tifraħ bik! Kemm kienet titħaddet fuq il-virtujiet sbieħ tiegħek! U jien, għalkemm ċkejken, wara li kont nisma,’ imsaħħar, lin-nanna tkellimni fuqek, kont ngħid għalik: Mela min hi din il-mara? X’mara kienet? U x’mara hi? Tibżax! Għax il-ħajja ikkonsagrata lilek aktar iġġagħlni nifhmek, inħobbok u nimxi fuq l-eżempju qaddis tiegħek! O Lieni tagħna!

Mela ħalli ngħidlek ħaġa li ħajtek tant tgħallimni. Ħaġa li sibtha miktuba minn waħda li ġiet imsemmija proprju għalik u li illum, fid-dinja kollha, isimha hu magħruf minn kulħadd: ELENA KOWALSKA, jew aħjar Santa Elena Marija Fawstina. Ara x’qalilha l-kbir Ġesù li hi u int tant tħobbu għax ħabbejtuh fl-art u issa qed tħobbuh għal dejjem fis-sema: Binti, meta Jiena kont ninsab quddiem Erodi, ksibtlek grazzja; jiġifieri, li inti tkun kapaċi togħla ‘l fuq mid-disprezz uman u timxi bil-fedelta’ fil-passi Tiegħi. Żomm is-skiet meta ma jkunux iridu jammettu u jaċċettaw il-verita’ tiegħek, għax ikun f’dak il-waqt li inti titkellem b’elokwenza ikbar (Djarju, 1164).

X’għerf dan għażiża Lieni! U kemm għextu int f’ħajtek dan l-għerf! Quddiem min ma riedx jammetti u jaċċetta l-verità ta’ Kristu int għalaqt ħalqek u żammejt is-skiet. M’għamiltx bħalma jagħmlu xi wħud li fid-dar, fuq ix-xogħol, fil-kunvent, fil-Knisja, fis-sagristija jew ma nafx fejn, arahom u ismagħhom jaħlu l-magazine ta’ ilsienhom bil-balal ta’ kliem fil-vojt u li jweġġa’ li joħroġ minnu. Kliem li jiddisprezza u jkażbar lil min jisimgħu u jgħidu! Għax kollu tgħajjir u nsulti. U dak għax il-profs u l-oħra għax traskurata, u dawk għax iffissati u pagani, u l-balal tal-insulti ħerġin, ħerġin, ħerġin! … Imma le! Fil-każ tiegħek, O Lieni, int il-balal mhux tużahom imma jużawhom biex iħabbru qdusiet il-Mulej fik. Għax għalhekk, minn dan il-post, tal-Balal, itellgħu l-murtali biex ifakkru lill-pajjiżna fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ispirtu s-Santu fik. Għax ftaħtlu qalbek beraħ! Ħa jaħdem fik u bik! Fil-każ tiegħek, il-balal jintużaw biex in-nies jifirħu bil-qdusija u mhux biex jiġu iddisprezzati, umiljati u maħkuma minn sħabhom tal-familja, tax-xogħol, tad-divertiment, tal-kunvent, u ta’ ma nafx fejn, bil-ħakma tal-infern.

O Santa Liena, grazzi li meta ħriġt fuq iz-zuntier tal-Bażilika tiegħek għallimtni ħaġa tassew importanti għall-ħajti: Il-Kelma ta’ Alla tikkalmak u l-għaġla iżżarmak! Grazzi li fakkartni li meta nkun għaddej minn xi taqliba niftakar f’din it-taqbila: When I am sad let me pray the prayer of my Heavenly Dad! Jiġifieri, li meta nkun imnikket ħa nitlob it-talba tal-Missierna bil-mod, kelma kelma! U, fuq kollox, grazzi li fakkartni nitlob kuljum il-KURUNELLA TAL-ĦNIENA DIVINA!

Grazzi Lieni li, meta żeffnuk fuq iz-zuntier meta daqqewlek l-innu tal-Mro, Raffele Ricci, int fakkartni nitlob miegħek dan is-Salm li ħajtek kantat meta kont fl-itqal stat: Mulej, ma tkabbritx qalbi, anqas ma ntrefgħu għajnejja; jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, jew wara ħwejjeġ ogħla minni. Imma żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ, bħal tarbija f’ħoġor ommha; bħal tarbija miftuma, hekk hi ruħi ġewwa fija (Salm 131:1-2). Grazzi Lieni li, b’dak is-Salib għażiż ta’ Kristu f’idejk, ma’ Santa Elena Marija Fawstina, int miegħi titlob il-ħin kollu: ĠESÙ JIENA NAFDA FIK!

X’ferħ! X’kuraġġ! F’fejqan! X’qawwa! X’semplicità! X’faraġ! Xi ħniena divina mis-sema niżlu fuqi meta Santa Liena ħarġet minn niċċa!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.