Kważi bħall-Boeing!


Għada, it-Tnejn, is-26 t’Awwissu 2019, bil-grazzja tal-Mulej, nagħlaq 47 sena ta’ ħajja. Xi grazzja hux! Kemm hawn min din l-età għadu ma laħaqiex! Biex niċċajta inħobb ngħid lin-nies li l-Mulej ipprovdhieli f’ħajti, bil-għan li jissapporjtawni u jimxu miegħi l-mixja tas-sejħa tiegħi: Ara ftit! Issa sirt kważi boeing 747!

Din il-biċċa tal-boeing lili aqta’ kemm tinteressani! Dan l-għaliex id-darbtejn li l-Mulej tani l-grazzja li mmur l-Awstralja, biex nispeċjalizza fil-qasam taċ-chaplaincy fl-isptar, id-darbtejn li huma tirt bil-boeing. Niftakarni nieħu l-istess rotta minn Heathrow għal Singapore. U minn Singapore għal Sydney. U lura! Xi vjaġġ twil kien dak ħuti! Niftakarni li, fi vjaġġ minnhom, ilħaqt qaddist darbtejn fuq l-ajruplan! U x’ma tqaddisx ħbieb! Meta biss titfakar li għandek tqatta’ mhux anqas minn 22 siegħa fl-ajru għiduli intom ħbieb x’ħa toqgħod tagħmel? Abbli ma ssibx ħin biex titlob ukoll? Għax kemm se ddum tparla? U forsi, bla trid, ittaqqab ras ta’ ma’ ġenbek? Kemm se ddum taqra? Iva r-ruħ ma tridx l-ikel u x-xorb tagħha wkoll?

Illum, ta’ 47 sena, għax issa nħoss li dawn issa għandi, għalkemm, u bil-liġi, nagħlaqhom għada, inħares b’mod differenti lejn il-ħajja. Kemm esperjenzi! Kemm tagħlim! Kemm żbalji! U kemm grazzji irċevejt f’dawn is-snin wkoll! Insomma! Kif darba qaltli persuna: Il-ħajja tlajja’ u nżul. U nżul u tlajja’. Għax ħajja! Inkella, biex ma jkollix it-tlajja’ u l-inżul u l-inżul u t-tlajja’ irrid bilfors li jkolli l-linja dritta. Jiġifieri l-linja tal-mewt! U min, imħabbat kemm hu imħabbat, u mħabbta kemm hi mħabbta, mill-problemi tal-ħajja, irid jew trid, li jmut jew tmut? Illum ngħid li, fil-fond ta’ qalbna, kulħadd irid jgħix! U nifhimha din tabilħaqq tafux! Għax, jekk aħna ġejjin minn Alla li hu l-Ħajja, u l-Ħajja bil-kotra, kif ma nħossux fina li għandna ngħixu? U ngħixu, bħalu, għal dejjem? Almenu lili r-raġuni tgħidli li ma nistgħux inkunu differenti minn Dak li ħalaqna? Minn Dak li ħriġna minnu? Veru?

Issa lura għall-boeing ħbieb! Xi ħaġa mill-isbaħ li tolqotni f’dan l-ajruplan daqshiex hi li kien fi Alla jbierku! Ma ninsewx li l-boeing, kien kemm jet airliner u anki aircraft tal-merkanzija. Il-boeing ried ikollu magna tal-magni minħabba l-fatt li ried jerfa’. U jerfa’ mhux ħażin! Dan il-fatt lili jfakkarni f’sentenza mill-isbaħ li nsib fil-Bibbja, sewwasew fl-Ittra ta’ San Pawl lil Galatin: Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi ta’ Kristu (Gal 6:2).

Ta’ 47 sena dan il-vers qed jagħmel ħafna u ħafna sens f’ħajti. L-għaliex qiegħed, kontinwament, ifakkarni fis-sejħa tiegħi ta’ Patri Kapuċċin. Jiġifieri f’dik it-tip ta’ ħajja li nkun viċin in-nies. U, inkun viċin tagħhom, mhux l-għaliex għandi t-tweġibiet għall-problemi li għaddejjin minnhom. Lanqas l-għaliex għandi xi soluzzjonijiet għal kull diffikultà li tinqalgħalhom f’ħajjithom. Jew l-għaliex għandi l-ġid li jxabba’ lil min m’għandux. Kif jista’ jkolli dan la m’għandi xejn tiegħi? Imma allura x’għandi tiegħi? Il-preżenza! Li nista’, mill-faqar tiegħi, nisimgħek! Li nitlob miegħek u għalik! U li nirreferik għand min jista’ jgħinek bil-wisq aktar minni! Mela, għalija, ta’ 47 sena, nerfa’ it-tagħbija jfisser li nisma’. Li nagħti każ. Li nkun preżenti. Li nirreferi.

U mbagħad, il-Bibbja, tkompli tiftaħ, bħal imrewħa, il-ħsieb li terfa’ t-tagħbija ta’ ħaddieħor billi issemmi l-inkoraġġiment. Bħalissa jiġini f’moħħi u f’qalbi l-vers li nsibu mill-Ittra lill-Lhud li jgħid: Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mill-laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-Jum (Lhud 10:24-25).

Kemm jolqtuni l-frażijiet nħajjru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil it-tajjeb! … Agħmlu l-qalb lil xulxin! Għandniex dawn iż-żewġ frażijiet bżonnhom illum, aktar minn qatt qabel, fis-soċjetà? Fil-Knisja? Fil-ħajja ikkonsagrata? Fil-komunitajiet? Fil-familji? Fuq il-postijiet tax-xogħol tagħna? U semmi fejn trid? Mal-ġid materjali li l-Mulej qed jipprovdilna bħala poplu ejjew ma ninsew qatt u qatt li, l-għeruq tiegħu, hu li nħajru lil xulxin għall-imħabba u l-għemil it-tajjeb. Għax hi l-imħabba, kif imfissra fl-għemil it-tajjeb, li lilna tagħtina l-qawwa biex ngħixu bil-kuraġġ u bit-tama! Ejja ma noqtlu qatt fina u madwarna l-għemil ta’ ħniena u ta’ mħabba. Dik l-imħabba li tfittex il-ġid ta’ min qed taqdi u mhux dak li jaqblilha.

Barra minhekk, is-47 sena ta’ ħajti qed tfakkarni f’rejaltà kbira oħra. Skont l-artikolista Kate Broom, il-boeing 747 kien l-ajruplan li għaqqad lid-dinja. Dan l-għaliex kien l-ajruplan li l-vjaġġi tiegħu kienu interkontinentali. Ta’ 47 sena l-Mulej qed jgħallimhieli din ir-rejaltà b’dak li qed jiġri f’pajjiżna. Is-soċjetà tagħna saret waħda kożmopolitana. Illum, f’artna, m’hawnx aktar bżonn li naqsmu l-kontinenti biex niltaqgħu ma’ nies ta’ kulturi diversi. Illum, f’pajjiżna, id-dinja ġiet fostna. U qiegħdha tgħix magħna.

Il-fatt li aħna mħalltin, b’reliġjonijiet, razzez u kulturi differenti, għalija tfisser sfida mimlija paċi u kuraġġ. Aktar mal-Mulej qed jagħtini grazzja nikber aktar qed jgħallimni li, l-bażi ta’ din id-diversità kollha hi l-umanità. Li, għax hi umanità, hi msejsa fuq id-dinjità bla mittiefsa ta’ kull persuna. Għalhekk, ejja, ta’ 47, inħalli lill-Ispirtu s-Santu jgħallimni niltaqa’ ma’ ħaddieħor fuq il-bażi ta’ l-umanità. Li tiġi, l-ewwel u qabel kollox, mis-smiegħ. Għax, bħalma bil-boeing stajna aktar nisimgħu lil nies ta’ kontinenti oħra l-għaliex stajna nżuruhom, bħalma huma setgħu jżuru lilna, hekk ukoll din l-47 sena ta’ ħajti nitlob li tkun sena ta’ għaqda. Għaqda li, għalkemm tfittex li tgħaqqad, l-abjad fiha jibqa’ abjad. Iswed iswed. U griż griż. Imma xorta waħda tfittex li taħdem għall-paċi u l-fraternità fostna. Bejn kulħadd!

Biss, l-għaqda tfisser ukoll li tagħti ċ-ċans lil dak jew dik li jkun u li tkun li jagħmel u tagħmel il-vjaġġ tiegħu u tagħha biex tasal u jasal għall-verità. Dik il-verità li teħles lil min ikollu l-gazz iħallieha tkellmu, tgħallmu, tinkoraġġih, tiftaħlu għajnejh u turieh toroq oħra li jagħtu aktar ħajja u paċi minn dawk li s’issa għadda u għaddiet minnhom.

Mela, u fi ftit kliem, għalija s-47 ta’ ħajja tfisser aktar djalogu fratern ma’ kull persuna li hawn fid-dinja. Li jwassal għall-mixja lejn il-Verità suprema. Dik il-verità li tirbaħ għaliex tiġbed lejha u mhux tikkundanna. Tħajjar u mhux issawwat. Turi b’imħabba u mhux taħli lilha nnifsiha f’kemm se tixli u takkuża.

Nixtieq nagħlaq dawn il-kelmtejn b’kelma sabiħa li tgħallimni persuna li magħha jien, bla ma jistħoqqli, nagħlaq żmieni: Santa Tereża ta’ Kalkutta. Ma nistgħux nagħmlu ħwejjeġ kbar. Nistgħu nagħmlu biss ħwejjeġ żgħar bi mħabba kbira! X’boeing ta’ kliem hu dan sieħbi! Kemm sentenza bħal din toħdilna mit-toqol li nġorru! Kemm sentenza bħal din tgħaqqadna ma’ kulħadd!

Mhux li kien Mulej ngħix din is-sentenza mhux f’din is-sena biss imma kull sena ta’ ħajti. Almenu fakkarni li, jekk minix il-boeing 747, jekk nieħu din is-sentenza bħala motto ta’ ħajti, Int, bil-mod il-mod, tibda’ tagħmilni bħalek, il-veru Boeing! Mela ħeġġiġni Mulej biex nagħmel ħwejjeġ żgħar bi mħabba kbira! U, mingħajr storbju! Ħalli hekk, jekk ma nkunx eżatt bħall-boeing, almenu inkun, iva, kważi bħall-boeing! Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.