L-istorja


L-istorja. Storja wara l-oħra. U, il-ħajja, tibqa’ tevolvi storja fi storja. U dan mingħajr waqfien. Għax tispiċċa waħda u dritt tibda’ oħra.

Kulħadd għandu storja. U kull materja ta’ studju, taħt is-sema, taf il-bidu tagħha lil storja. Għalhekk stejjer hawn kemm trid. L-għaliex l-ebda ħaġa, l-ebda ħlieqa, tirraġuna jew ma tirraġunax, għandha l-istorja tagħha. U, jekk kull persuna tħaddan storja mela anki saħħitha wkoll għandha l-istorja tagħha x’tirrakkonta!

L-istejjer jingħoġbu. L-għaliex jiftħulna beraħ is-suq tal-ħajja. Il-kassaforti tar-rejaltà. L-istejjer jafu jinbtu mix-xejn. Bl-iċken ħaġa. Inkella bl-anqas inċident li, għal dak jew dik li jkun u li tkun, jaf ma jkun xejn. Imma ħej, biż-żmien, jaf ikun ħafna u ħafna. Kemm gwerrer seħħew fuq l-iċken inċident li, għall-bidu, deher bla importanza. Imma dak kellu jkun biex iqabbad storja ta’ uġiegħ li wasslet għal mibegħda mill-kbar nett. U issa ħa ngħiduha kif inhi: kien hemm min li, fl-istorja, minflok ma berred il-qiegħa aktar ra kif għamel biex lil din il-qiegħa saħħanha! U, ma kienx kuntent qabel ma ġabha tikwi. U hekk, biha, kewa lil dawk li kienu fl-istorja.

Imma stejjer m’hawnx biss dawk ta’ niket. Bħalma meta, dak li jkun, jitlef lil xi ħadd għażiż. Allaħares jkollna nieqfu biss fuq in-negattiv! Għax li kieku! Mela hemm fl-istorja l-istejjer ta’ ferħ ukoll! L-istejjer ta’ mħabba! Li jafu wkoll jibdew bix-xejn. Jew inkella b’xi ċajta. U kemm isiru affarijiet biċ-ċajt! Veru? Jien sibt min jgħidli li anki aħna biċ-ċajt niġu. Imma issa, niġux biċ-ċajt inkella bis-serjetà, illum hawn qiegħdin. Nitħaddtu fuq l-istorja. Li hi, sintendi, magħmula minn turrun ta’ stejjer. Waħda wara l-oħra. Kollha mdammin flimkien. U, hekk uniti, jagħmlu kullana mill-isbaħ ta’ stejjer imleqqin.

Veru! F’xi stejjer jista’ ikun hemm xi ftit artifiċjalità wkoll. U, jaħasra, jaf jkunu naqra made- up ukoll! Imma, dak li hu made-up idaħħalna fix-shut up ukoll! Għax dak li mhux naturali iżarżar. Iweġġa’ ż-żaqq. U, iva, jaf iqalla’ wkoll. Mela ejja nkunu aktar saqajna mal-art u nibqgħu naturali. Hekk, bit-tlajja’ u l-inżul tagħna. Għax m’hemmx isbaħ minn storja naturali. U m’hemmx ikreħ minn stejjer li jiġu żnaturati. L-għaliex nitilfulhom in-naturalezza tagħhom.

Issa, b’naturalezza, minix le nifhem li għandha tkun storja impekkabbli. Aħna m’aħniex xi tfal tad-duttrina. Li jitgħallmu biss u jibqgħu iffriżati mat-tagħlim. Anki jekk ikun tagħlim tal-qaddisin! Għax ġej, sintendi, mill-Qaddis tal-qaddisin! Le! Aħna nies tad-demm u l-laħam. Li ilkoll għandna xi nxommu. Anki fl-istejjer tagħna. Għalhekk iva nħabbtu fuq sidirna. Mhux l-għaliex aħna xi nies tajbin. Jew nies sewwa. Għalkemm dan irridu nkunu. Minkejja d-dgħjufija tagħna. U nagħmlu minn kollox, sforz li nitqanżħu, biex hekk inkunu tassew.

Imma le! Aħna nies fi storja. Li dejjem qed tikber. U, is-sabiħ hu li magħha, iva, qed tkabbar lilna. Din l-istorja. Ta’ jum wara l-ieħor. Li, min jaf, jekk ikollna niftuħlha biċċa, taħt il-mikroskopju, insibu fiha xebgħa nfluwenzi li ħadna minn stejjer oħrajn. Bħalissa, waqt li l-Mulej qed jagħtini l-grazzja nħarbex dawn il-kelmiet, qed jiġini f’moħħi u f’qalbi lecture li kont smajt l-università fuq djarji ta’ vjaġġaturi. Wieħed minnhom kien Spanjol. Minn xiex għadda dan l-imbierek spanjol? U mhux fhiex kien imma f’xhiex ma kienx! Kemm avventuri għadda minnhom! Biss, id-djarju tiegħu, għalkemm ma niftakrux, ħalla fija ħafna paċi u ferħ. Dan l-għaliex fakkarni fuq dak li jien, bħala Franġiskan Kapuċċin, suppost qed ngħix: l-itineranza. Li, iva, m’għandix kwiet. Dejjem għaddej. Minn post għall-ieħor. Għax dejjem imsieħeb mill-viċinanza tan-nies. Li hu wieħed mill-elementi essenzjalissmi li bih inkun veru Kapuċċin! Mela, grazzi Ġesù u Papa Franġisku li dan id-diskors tispelluhuli ittra b’ittra, konsonanti b’konsonanti u vokali b’vokali.

L-istorja tant kemm taffaxxinani li tiġbidni warajha. U toħodni fejn tmur hi. L-għaliex hi immexxija minn dak Alla, Trinità, li l-istorja tiegħu hi dejjiema. U li, għax hu storja fih innifsu, daħal fiż-żmien tagħna u għamlu storja hu. Mela imnalla li ħalaqna u ħalaq kollox l-għaliex kieku xejn ma kien ikun hawn. Għajr taħwid u baħħ; u d-dlam (Ġen 1:2). Jiġifieri bla storja!

L-istorja. Li tagħtina identità. Għax turi minn aħna. L-istorja. Li turina fejn sejrin. Għalhekk tħejjijna għad-destinazzjoni aħħarija tagħna. U l-istorja. Li tintagħmel f’kull nifs. Mument. Pass. Ħsieb. Kelma. Li ngħidu. Naħsbu. U nwettqu. Għalhekk, l-istorja, hi bħall-ilma ħaj li dejjem ġej. Li jgħaddi. U jibqa’ sejjer. U li, aktar ma jimxi, aktar inaddaf. U kif tista’ l-istorja ma tnaddafniex ħbieb? Jekk l-istorja toħroġ id-dgħjufijiet tagħna? Imma stenna ħej! L-istorja dawn toħroġhom mhux biex issawwatna bihom iżda biex, minnhom, nitgħallmu. U, permezz tal-għejxien fi stejjer oħra, nerġgħu iva nieħdu l-kuraġġ ħalli nibqgħu naqdfu. U nħallu t-tajjeb jirbaħ il-ħażin fina. U anki li, dak li aħna nsejħulu anqas tajjeb, nibdew ukoll nitgħallmu nsejħulu b’ismu: ħażin! U hekk, l-istorja tagħna, ma jkollha xejn xi jwaqqafha milli tikber u tiżviluppa. Sakemm tiżbokka fl-oċejan tal-ħajja fejn fih, ħafna stejjer, għaddejjin minnu fil-mixja tagħhom sakemm jaslu għad-destinazzjoni tas-sema.

Ejjew nirrakkuntawhom l-istejjer. Ejjew ndarru lil uliedna bihom. U, għall-mument, nitfgħu iva l-ipad fil-ġenb u nirrelataw mal-wiċċ uman. Ta’ min qed jgħid l-istorja. Ħalli, bl-espressjonijiet li joħorġu minn dan il-wiċċ li qed jirrakkonta, l-uċuħ semmiegħa jidħlu fl-istorja huma wkoll. L-għaliex liema storja intisġet waħidha? Mhux kull storja hi magħmula minn għadd ta’ stejjer oħra?

L-istorja! Li mhux ewforja! Imma … sempliċiment, artistikament, umanament, STORJA!

Patri Mario Attard OFM Cap