Il-festa ta’ Santa Marija għadha kemm għaddiet. Din il-festa, tant u tant sabiħa, m’hijiex sempliċiment btala nazzjonali u daqshekk. Iċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ Santa Marija żgur li hi bil-ferm aktar minn hekk. Fil-fatt, din il-festa turi l-qalb tħabbat tal-poplu tagħna lejn Ommna u Sidtna Marija.
Dan joħroġ mhux biss l-għaliex f’pajjiżna, f’dan il-jum tal-15 t’Awwissu ta’ kull sena, jiġu iċċelebrati s-seba’ Santa Marijiet, jiġifieri dik fl-Imqabba, fil-Qrendi, fil-Mosta, f’Ħat Attard, f’Ħad Dingli, fl-Imġarr Malta, u fil-Gżira Għawdxija dik fil-Kattidral u l-oħra fiż-Żebbuġ. F’pajjiżna wieħed ukoll jista’ jinnota kemm Marija, taħt titlu jew ieħor, hi tabilħaqq iċċelebrata bil-kbir. U, dan il-fatt, tassew u għandu jnissel ferħ kbir fostna. L-għaliex, u, nerġa’ nsostni, irrilevanti x’inhu t-titlu li nagħtu lil Ommna Marija, festa tal-Madonna hi dejjem barka u barka mill-kbar nett fuqna u fuq uliedna u l-għażiża artna! Għax x’hemmx isbaħ ħbieb mill-qalb tal-omm? U x’Omm tabilħaqq hi din! Omm it-Tieni Persuna tas-Santissima Trinità, li sar bniedem, għas-salvazzjoni tiegħi u tiegħek, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u bl-Iva ġenerużissma ta’ Marija! Ommi u Ommok!
Din is-sena l-Mulej tani l-grazzja li, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li tant nitlob l-għaliex nemmen ħafna u ħafna fih, ninseġ jew aħjar inħallih jinseġ fija Hu, il-paniġierku ta’ Santa Marija fl-Imqabba. Santa Marija! X’paċi iġġibbli f’qalbi din l-festa ħelwa! Apparti li hu l-onomastiku tiegħi, għax jien, għall-grazzja tal-Mulej, semmewni Mario. Imma, dan l-isem tant u tant sabiħ ta’ Marija, iġibli tifkiriet mill-isbaħ. Waħda minnhom żgur li hi meta, u b’riħet Dun Mario Said, li konna nistudjaw flimkien fil-fakultà tat-teoloġija u ħabib tiegħi, il-Mulej kien tani l-grazzja li ninseġ il-paniġierku ta’ Santa Marija f’Ħal Għaxaq. Sewwasew fl-2005.
Avolja għadda daqshekk żmien madankollu dak il-paniġierku ma ninsieh qatt! Għax, għalija, kien speċjali wisq! Kemm kont ħadt gost nagħmlu! Ma kienx xi wieħed prim tafux! Għax illum, meta nħares lura, nara kemm żbalji kont wettaqt jien u nippriedkah. Biss ħaġa waħda naf: li kull kelma li l-Mulej tani grazzja ngħid dakinnhar tassew li kienet ħarġet minn qiegħ qalbi! Ejja ma ninsiex li kien l-ewwel wieħed! U, bħala l-ewwel għanja ta’ mħabba lejn Marija, ix-xempju ta’ kull mara, dak il-paniġierku baqa’ stampat sewwa f’qalbi! Jien u ngħid dan ma nistax ma nxerridx demgħa ta’ radd-il ħajr lill-Mulej. Dan l-għaliex għadha tidher ċarissima quddiemi l-istatwa mill-isbaħ ta’ Santa Marija. Skont tiftix li għamilt irriżultali li din l-istatwa tassew sabiħa u artistika nħaddmet minn zokk ta’ siġra taż-żebbuġ fl-1808, mill-artist magħruf Malti Marjanu Ġerada. Mhux ta’ b’xejn li nistgħu nqisuha bħala l-kapolavur tiegħu mhux biss għal ġmielha imma wkoll l-għaliex serviet bħala mudell għal għadd ta’ statwi oħra ta’ Santa Marija fosthom dawk tal-Imqabba u ta’ Ħad Dingli.
U, eżattament wara erbatax-il sena minn dik l-ewwel għanja ta’ mħabba lejn Marija, taħt it-titlu tal-Assunta, il-Mulej ħadni mill-ġdid quddiem il-poplu tiegħu u anki quddiem statwa oħra ferm sabiħa ta’ Santa Marija, jiġifieri dik tal-Imqabba. U dan biex nerġa’, bil-qawwa tad-dell tal-Ispirtu s-Santu, ninseġ mill-ġdid għanja oħra lill-Assunta.
Nista’ ngħid li x’ħin wasalt l-Imqabba aqta’ kemm ħassejtni milqugħ. L-ewwel nett, mir-raħal innifsu. Kemm hi sabiħa l-Imqabba! Xi ġmiel ta’ raħal hu! U kemm hu pittoresk! Mad-daqqa t’għajn li tajt madwari stajt napprezza bil-bosta r-raħal tradizzjonali Malti. U kemm nagħmlu sewwa li dawn l-irħula nipproteġuhom ħalli jibqgħu jkunu xhieda ħajja tar-ruħ u l-ispirtu Malti, kif imfisser fl-arkitettura tal-post. Dik il-pjazzetta tant ħelwa u li tinstab quddiem il-Knisja parrokjali, tassew li hennietli lil qalbi! Fiċ-ċokon tagħna fiha tant spazzju u, fl-istess ħin, bħall-imħabba ta’ Ommna tas-Sema li fedelment tirrapreżenta, turi kemm l-imħabba materna fil-familja hi kennija. Dan il-fatt waħdu, minn barra li qabbiżli d-dmugħ, tani ħafna fejqan u mistrieħ! Kemm hu kbir il-Mulej hux!
Imbagħad, xi ħaġa li bqajt imsaħħar fuqha, kienet il-Knisja parrokjali. Minbarra l-opri mill-isbaħ ta’ arti li hi mgħamra bihom, fosthom tal-magħruf pittur Taljan Filippo Fortunato Venuti, baqgħet imnaqqxa għal kollox ġewwa fija l-ħlewwa li fiha din il-Knisja partikulari. Aktar ma bdejt nieħu l-arja ta’ ġo fiha fil-pulmuni tiegħi aktar ħassejtni mwennes u mkennen fiha. Tant li, f’qalbi, laqqamtha iva l-Knisja-qalb! Għax hekk ħassejtni fiha! Qisni f’qalb ta’ omm! U hemm xi ħaġa isbaħ ħbieb mill-qalb ta’ omm? U, fuq kollox, liema omm? Jekk mhux l-Omm tal-ommijiet? Il-qalb tal-imbierka … fost in-nisa (Lq 1:42)? U, fil-gratitudni ta’ qalbi, ma stajtx ma ngħajjatx ma’ Santa Eliżabetta, fl-istess qari li kellu jinqara fil-quddiesa tal-festa: Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!” (Lq 1:45).
Apprezzajt minn qalbi l-merħba sabiħa li ngħatajt kemm mill-president u l-kumitat tas-Soċjetà Santa Marija Banda Re Ġorġ V u kif ukoll mis-Sindku u l-Kunsillieri tal-lokal tul il-mawra tiegħi fl-Imqabba. Wara li sellimt lill-presbiterju u lil Dun John Curmi, li tant laqgħuni bi mħabba fraterna saċerdotali u li tagħha jien nibqa’ grat, ingħata bidu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija kantata tal-festa. Il-quddiesa solenni għall-festa tal-Assunta kienet ippreseduta mill-Kan. Etienne Sciberras.
U wasal il-mument tal-paniġierku. Il-mument mhux tiegħi daqskemm tal-Ispirtu s-Santu. Li lilu aħna tlabna bħala komunità biex jisqina b’għerfU. It-tema ta’ din is-sena kienet ir-riħa! Iva! Ir-riħa tad-dragun il-kbir, l-ikraħ u li jinten is-seba’ pesti. U, minn naħa l-oħra, il-fwieħa eterna ta’ Kristu. Li biha Marija Mtella’ is-Sema kienet mfawra. Għax il-fwieħa li konna se nitħaddtu fuqha, u li l-Ispirtu s-Santu beda jurina, tinstab fis-Sema biss biss biss!
Issa, aktar ma wieħed jitgħallem fuq din il-fwieħa u jagħmilha magħha, aktar ikun jaf min hu tabilħaqq Ġesù. L-imfewwaħ bil-fwieħa u l-fwieħa nnifisha! Kif jgħidilna San Pawl Appostlu lill-Korintin: Niżżi ħajr lil Alla, għax hu li jmexxina dejjem fir-rebħ fi Kristu u li jxerred ma’ kullimkien permezz tagħna l-fwieħa tat-tagħrif tiegħu. Għaliex aħna nwasslu l-fwieħa ta’ Kristu fost dawk li jsalvaw u fost dawk li jintilfu. Lil dawn ta’ l-aħħar din il-fwieħa twassalhom għall-mewt, lil dawk twassalhom għall-ħajja (2 Kor 2:14).
Mela x’inhi l-intiena li twassal għall-mewt skont San Pawl? L-Ittra lill-Galatin tagħtina t-tweġiba: L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żína, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn. Nwissikom, bħalma wissejtkom qabel, min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiritx is-saltna ta’ Alla (Gal 5:19-21). Filwaqt li l-fwieħa li twassal għall-ħajja, li qiegħdha wkoll f’din l-ittra, hi l-frott ta’ l-Ispirtu [li] huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn ma hemmx liġi (Gal 5:22-23).
Issa kif Marija għexet din il-fwieħa li San Pawl qed ikellimna fuqha, jiġifieri tal-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar u l-bqija? San Alfons Marija De’ Liguori, id-Doctor Zelantissimus, jiġifieri l-għalliem ħerqan għas-salvazzjoni tal-Mulej għall-poplu kollu tiegħu, fil-ktieb tiegħu Il-Glorji ta’ Marija, li kitbu fl-1750, jagħtina lista ta’ għaxar virtujiet li Marija għexet b’tant qawwa, impenn u fidi.
Marija tgħallimna nkunu umli. Min minna jista’ jitkabbar? Mhux ilkoll ingħatajna mill-Mulej id-doni li għandna? Marija turina t-triq tal-karità lejn il-Mulej u anki lejn il-proxxmu. Minn dak li għaddiet Marija tgħinna nkunu nies ta’ fidi. Li nibqgħu nemmnu anki meta nkunu mdejqin u kollox jiġi kontrina. Għalhekk Marija tgħinna nikbru fit-tama tagħna fil-Mulej li għandu l-qawwa jdawwar l-istorja ta’ ħajjitna. Marija hi l-mara li tibża’ għas-safa tagħha kemm tal-ġisem u anki tar-ruħ. Għalhekk hi l-mara u l-omm fqira li tobdi lill-Mulej. Marija hi mimlija bis-sabar, speċjalment quddiem l-għawġ. U x’saħħaħ fiha dan is-sabar jekk mhux it-talb tagħha?
Bħall-ġrajja tal-konvoj ta’ Santa Marija tal-1942, jiena u int ninsabu attakkati mill-għadu ta’ ruħna li jrid ikissirna b’tali mod li jrid joħodna miegħu, ruħ u ġisem, fl-intiena dejjiema tal-infern. Se niġġieldulu billi ngħixu l-għaxar virtujiet ta’ Marija, jiġifieri l-umiltà, il-karità lejn il-Mulej, il-karità lejn il-proxxmu, il-fidi, it-tama, is-safa, il-faqar, l-ubbidjenza, is-sabar u t-talb. Humiex dawn l-għaxar virtujiet ta’ Marija kanuni mill-aktar effikaċi li jżommu ‘l bogħod u jgerrxu għal kollox lill-għadu ta’ ġisimna u, fuq kollox, ta’ ruħna?
Patri Mario Attard OFM Cap