Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għall-politiċi


It-Tnejn, 16 ta’ Settembru 2019: Kemm drabi meta nitkellmu dwar il-politika nisimgħu biss tifħir jew insulti? Donnu li din hi d-drawwa. U jekk, minflok, nieħdu l-opportunità biex nitolbu għall-governanti, għall-politiċi? Fl-ewwel quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta wara l-waqfa tas-sajf, il-Papa Franġisku ħa spunt mil-liturġija tal-Kelma biex jirrifletti dwar aspett konkret tal-ħajja ta’ kuljum u stedinna biex inkunu qrib bit-talb lejn min hu msejjaħ biex jaħdem fil-qasam li l-Papa Pawlu VI kien sejjaħlu ‘l-għamla l-aktar għolja tal-karità’: il-politika.

Għar-riflessjoni tiegħu l-Papa tnebbaħ mis-silta meħuda mill-ittra ta’ San Pawl lil Timotju (2, 1-8) li fiha l-Appostlu jħeġġeġ lill-poplu t’Alla kollu biex jitlob. Hi talba universali, ġenerika – ‘Għażiż, nitolbok l-ewwel nett li jsiru suppliki, orazzjonijiet, talb u radd il-ħajr għall-bnedmin kollha; għas-slaten, għal dawk kollha li għandhom xi awtorità, biex inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil-kwiet u fis-sliem, fit-tjieba u kif jixraq.’

Pawlu, spjega l-Papa, jisħaq dwar l-ambjent li għandu jimmarka l-ħajja ta’ persuna li temmen: it-talb. Talb ta’ interċessjoni għal min għandu s-setgħa, għal min għandu l-poter. Ifisser talb għall-governanti, għall-politiċi, għal kull min imexxi xi istituzzjoni politika, amministrazzjoni nazzjonali jew lokali.

Franġisku ta stampa tar-realtà tas-soċjetà moderna. Kultant, qal, jien nitħassar lill-governanti għax dwarhom tisma’ biss tifħir minn min jaqbel magħhom inkella insulti. Hu minnu li kultant xi wħud minnhom ikun jistħoqqilhom it-tmaqdir – u dan jgħodd ukoll għas-saċerdoti u l-isqfijiet. Imma, żied jgħid, jibqa’ l-fatt li dan l-atteġġjament hu drawwa: il-litanija ta’ insulti indirizzati lejn il-politiċi.

Minn hawn toħroġ il-mistoqsija li tista’ tkun ukoll provokazzjoni: dak il-bniedem li għandu r-responsabbiltà tat-tmexxija nazzjonali jew lokali se nħalluh waħdu, bla ma nitolbu lil Alla jbierku?

L-Iskrittura titkellem ċar, issokta l-Papa: itlob għar-rejiet u għal kull min għandu s-setgħa. U għaliex? Ħalli kulħadd ikun jista’ jgħix ħajja kalma u fil-paċi, ħajja dinjituża dedikata lil Alla. Għalhekk għandna nitolbu għalihom biex inisslu l-kalma, il-kwiet u d-dinjità fil-poplu tagħhom.

Din l-eżortazzjoni hija kważi dejjem minsija. Jien ċert, ikkummenta l-Papa, li ma nitolbux għall-governanti. Ninsultawhom, iva. Donnu li t-talba għall-governanti hi l-insult ‘għax dak li jagħmel ma jogħġobnix’, ‘għax hu korrott’.

Rigward dan il-Papa għamel kumment attwali.  Ftit ilu, qal il-Papa, aħna li ninsabu hawn – intom ilkoll Taljani – kellna kriżi tal-gvern: min minna talab għall-governanti? Min minna talab għall-parlamentari biex ikunu jistgħu jiftiehmu u jmexxu ’l quddiem ’il-patrija? Donnu li l-ispirtu patrijottiku ma jasalx għat-talb; jasal, iva, biex jiskwalifika, jobgħod, jitlewwem, imma kollox jieqaf hemm.

Iżda l-Appostlu Pawlu jawgura li kullimkien il-bnedmin jerfgħu jdejhom safja lejn is-sema mingħajr korla u mingħajr polemiki. U hawn jinsab ukoll il-parir lill-politiċi nfushom: hemm bżonn tad-diskussjoni għax din hi l-funzjoni tal-parlament.  Imma mhux ixxejjen lil ħaddieħor, anzi, hemm bżonn titlob għall-ieħor, għal dak li għandu opinjoni differenti minn tiegħek.

Dan jolqot lil kull Nisrani: Jiena nitlob għall-governanti? Titlob għal min taħseb li hu korrott biex jikkonverti? It-tweġiba hi ċara: It-talb għall-governanti hu l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu, għan-nies tal-politika wkoll. Aħna noġġezzjonaw għax ngħidu li l-politika hi maħmuġa. Imma Pawlu VI kien konvint li hi l-akbar għamla tal-karità. Il-politika tista’ tkun maħmuġa bħalma huma maħmuġin il-professjonijiet l-oħra kollha. Huwa aħna li nħammġu kollox, imma mhix il-ħaġa fiha nfisha li hi maħmuġa.  Għalhekk għandna nikkonvertu u nitolbu għall-politiċi kollha! Nitolbu għall-governanti.

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li waqt li kien qed jisma’ l-Kelma t’Alla waqa’ f’moħħu fatt sabiħ ħafna tal-Evanġelju: il-politiku li jitlob għal xi ħadd minn dawk ta’ taħtu. Ifisser, osserva l-Qdusija Tiegħu, li l-governanti wkoll għandhom jitolbu għall-poplu tagħhom, l-istess bħalma għamel iċ-ċenturjun li talab għall-qaddej tiegħu, għax ħass li kien responsabbli għalih. Il-governanti huma responsabbli mill-ħajja ta’ pajjiżhom. Għalhekk hu sabiħ illi waqt li l-poplu jitlob għall-governanti, il-governanti għandhom ikollhom il-ħila li jitolbu għall-poplu tagħhom, proprju bħaċ-ċenturjun li jitlob għall-qaddej tiegħu.

Il-Papa temm ir-riflessjoni b’rakkomandazzjoni: Illum ikun tajjeb li kull wieħed u waħda minna nagħmlu eżami tal-kuxjenza u nistaqsu lilna nfusna: kif naħsibha jien dwar il-politika? U żied: m’iniex qed nitlob biex niddiskutu l-politika imma li nitolbu għall-governanti biex jgħixu l-vokazzjoni tagħhom bid-dinjità.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.