Ċerimonja tal-għoti tal-Istitut Adelaide Cini lil Hospice Malta

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 29 ta’ Settembru 2019: Ċerimonja fejn fiha l-Arċisqof Charles J. Scicluna għadda formalment l-Istitut Adelaide Cini f’Sta Venera lil Hospice Malta, għat-twaqqif ta’ kumpless ta’ kura paljattiva bl-isem ta’ St Michael Hospice. 

L‑Arċisqof Charles J. Scicluna għadda formalment il‑bini u l‑art tal‑knisja magħrufa bħala l‑Istitut Adelaide Cini f’Sta Venera liċ‑Chairperson ta’ Hospice Malta, Maria Gatt, biex jitwaqqaf St Michael’s Hospice, l‑ewwel kumpless state‑of‑the‑art li se jipprovdi kura paljattiva komprensiva.

Iċ‑ċerimonja nżammet fil‑festa tal‑Arkanġlu San Mikiel, nhar il‑Ħadd 29 ta’ Settembru, fl‑istess bini li se jilqa’ l‑ewwel pazjenti fi żmien sentejn, wara li jkun sar ix‑xogħol meħtieġ ta’ rinovazzjoni. Diġà nbeda l‑ġbir ta’ fondi għal dan il‑proġett ambizzjuż u x‑xogħlijiet fuqu mistennija jibdew fil‑ġimgħat li ġej.

Il‑propjetà tal‑Knisja, li tinkludi l‑bini eżistenti u l‑ġonna jkopru medda ta’ 11,000 metru kwadru, huma stmati li għandhom valur ta’ €8 miljun, u jeħtieġu ħafna iktar biex da nil‑kumpless jiġi rinovat fil‑jiem li ġejjin.

L‑Arċisqof Scicluna qal li din l‑inizjattiva kienet ispirata mis‑Sena tal‑Ħniena ddikjarata mill‑Papa Franġisku fl‑2015. “St Michael’s Hospice se jkun post bil‑bieb tal‑ħniena li ma jingħalaq qatt, li jfakkarna fil‑ħniena tanġibbli t’Alla f’ħajjitna.” L‑Arċisqof appella lill‑poplu Malti biex ikunu ġeneruż lejn dan il‑proġett, li hu tifkira f’waqtha għad‑dritt tal‑ħajja u d‑dinjità tal‑bniedem.

Iċ‑Chairperson ta’ Hospice Malta, Maria Gatt qalet: “L‑istatistika hija numri imam hi magħmula minn persuni! Il‑kanċer jaffettwa lil wieħed minn tlieta u f’Hospice Malta jiġu għandna 60 pazjent ġdid fix‑xahar. Meta għandek il‑maġġoranza tal‑pazjenti li qed jieħdu l‑kura u t‑trattament tagħhom f’pajjiżna, hu ovvju li hem bżonn għal St Michael Hospice! St Michael Hospice hu neċessità, waħda li l‑poplu Malti ħaqqu. Aħna determinati li nirrinovaw il‑post għal standards eżatti, li jitqabblu mal‑aqwa hospices barra minn Malta, li żorna ġa. Nafu li dan il‑proġett huwa kumpless, imam nafu wkoll li nistgħu nserrħu fuq il‑ġenerożità tal‑poplu tagħna biex inwettqu din il‑‘ħolma’ li l‑maħbubin tagħna ħaqqhom.”

Permezz ta’ St Michael Hospice, Hospice Malta se testendi s‑servizzi attwali tagħha fil‑komunità għal 10,000 żjara lill‑pazjenti u l‑familji tagħhom. Bi spazju ikbar, il‑kumpless se jkompli jespandi s‑servizzi li jingħataw matul il‑jum, minn 700 sessjoni għal 2,000, kif ukoll jipprovdi terapiji u servizzi ġodda.

L‑għan aħħari għat‑titjib tas‑servizzi ta’ kura paljattiva fil‑komunità offruti mill‑Hospice hu li jippermetti lill‑pazjenti jibqgħu fi djarhom fl‑aktar żmien vulnerabbli ta’ ħajjithom, waqt li jtaffilhom il‑piż billi jevitalhom li jinżammu l‑isptar għalxejn f’każijiet fejn is‑servizz ta’ in‑patient ikun għadu meħtieġ. St Michael Hospice se joffri wkoll il‑faċilità ta’ taqsima in‑patient għal dawn il‑bżonnijiet.

Korsijiet edukattivi ta’ taħriġ għall‑iżvilupp kontinwu u professjonali għall‑istaff tal‑Hospice u speċjalisti oħra fil‑kura paljattiva se jingħataw mid‑Dipartiment għall‑Edukazzjoni u se jiġu żviluppati minn St Michael Hospice f’Santa Venera.

Għal 30 sena mindu twaqqfet il‑fundazzjoni, ir‑rwol ewlieni ta’ Hospice Malta huwa li jipprovdi u jippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lil pazjenti li jsofru mill‑kanċer, motor‑neuron diseases, u mard terminali tal‑qalb, respiratorju, tal‑kliewi u tal‑fwied. Dawn is‑servizzi jingħataw permezz ta’ tim multidixxiplinari ta’ speċjalisti professjonali. Il‑kura offruta, li tikkonċentra fuq il‑pazjent u l‑familja, tagħti serħan mill‑uġigħ u minn sintomi fiżiċi oħra, kif ukoll tindirizza l‑aspett emozzjonali, psiko‑soċjali u spiritwali.

Hospice Malta, għaqda mhux governattiva reġistrata mal‑Kummissarju għall‑Għaqdiet Volontarji, toffri s‑servizzi kollha tagħha mingħajr ħlas lill‑pazjenti f’Malta u Għawdex. Għal iktar tagħrif żur hospicemalta.org. Tista’ tagħti donazzjoni billi żżur hospicemalta.org/supporting-hospice/donations/

Wara, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-festa ta’ San Mikiel Arkanġlu, fl-Istitut Adelaide Cini, Sta Venera.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Kappella tas-Sagra Familja, fl-Istitut Adelaide Cini, Sta Venera

Dejjem laqatni l-fatt li Ġesù meta jirrakonta din il-parabbola, li għandha żewġ protagonisti, wieħed minnhom iħallih bla isem – l-għani – imma lill-fqir jagħtih l-isem tal-ikbar ħabib li kellu – ta’ Lazzru li mbagħad kellu wkoll iqajmu mill-imwiet. Donnu ried jgħidilna b’din l-għażla li Lazzru, li fil-ħajja tiegħu f’din il-parabbola kien abbandunat fost l-indifferenza ta’ min kellu biex u seta’ jgħinu, għal Ġesù kien ħabib qrib ħafna.

Jolqotni l-fatt wkoll li Abraham, missierna fil-fidi, il-missier spiritwali tal-poplu Lhudi, anzi minn ibnu Iżakk tnissel il-poplu Lhudi, Abraham jitkellem dwar fondoq qawwi li ma tistax taqsmu. “Hemm vojt bla qies bejnkom u bejna” (Lq 16:26). Dan il-fondoq, dan il-vojt bla qies jirrifletti l-għażla ta’ dak l-għani li bejnu u bejn Lazzru joħloq hu fondoq kbir. Kellu l-opportunità jnewwel idu, jgħin lil dan il-fqir jittallab barra mill-bieb ta’ daru, imma għażel li joħloq abbiss, fondoq.

Ħafna drabi r-responsabbiltà tagħna hija kbira għaliex it-twissijiet li l-providenza tibgħatilna nagħtuhom bis-sieq.

U l-parabbola ta’ Ġesù bi kliem sempliċi imma qawwi tgħallimna li fil-ħajja li ġejja aħna se nirċievu u se nsibu dak li nkunu żrajna hawnhekk. U ghalhekk huwa issa l-mument fejn aħna, meta niltaqgħu ma’ ħutna li tpoġġew biċ-ċirkustanzi ta’ ħajjithom jew poġġejniehom aħna wkoll, fil-periferija ta’ ħajjitna, inressquhom lejna għaliex meta jasal il-mument deċisiv ikun tard wisq.

Jolqotni l-fatt ukoll li l-għani li huwa bla isem, jaħseb f’ħutu; ma kienx forsi raġel totalment ħażin, anke fl-eternità xtaq isalva lil ħutu billi jgħallimhom ma jagħmlux dak li għamel hu. Ir-risposta li jagħti Abraham hija tremenda: “Għandhom lil Mosè u l-profeti, jisimgħu lilhom” “Le, missier Abraham, imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu”. “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-profeti anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu” (Lq 16:30-31).

Ħafna drabi r-responsabbiltà tagħna hija kbira għaliex it-twissijiet li l-providenza tibgħatilna nagħtuhom bis-sieq. Din il-parabbola ta’ Ġesù ma tgħallimniex biss nieħdu ħsieb xulxin, imma wkoll li għandna responsabbiltà kbira tal-barkiet li rċevejna biex naqsmuhom mal-oħrajn. Aħna bħala komunità Nisranija dan li qegħdin nagħmlu llum għax jekk ma naqsmux dak li ġie afdat lilna fejn is-soċjetà għandha l-iżjed bżonn, se jkollna min jiġġudikana.

Nixtieq nirrepeti ħsieb li għedt diġà u nitlob skuża ta’ din ir-repetizzjoni, imma jolqotni l-fatt li dan il-bini nbeda minħabba l-kuraġġ ta’ mara li kellha isem u kunjom: Adelaide Cini. Ma kinitx la soru, la isqof, la qassis. Il-ġid li kellha u li wirtet mill-ġenituri u mill-familja tagħha ħadmitu għall-bżonn li fi żmienha, 100 sena ilu u iżjed, kien urġenza kbira. Illum dawn l-ambjenti li jafu l-ħidma ta’ Adelaide qegħdin jiġu fdati lil lajċi li qegħdin jagħtu risposta kuraġġuża mimlija tama għall-urġenza kbira li għandna llum.

Wasal iż-żmien ukoll li aħna nieħdu l-beatifikazzjoni ta’ Adelaide bis-serjetà għax din kienet fuq l-istess livell ta’ Adeodata u ta’ Nazju imma ma kellhiex min jimbuttaha, għax lajka

Laqatni l-fatt ukoll jiena u naqra l-lapida li hemm fuq il-qabar tagħha li nġabet hawn miċ-Ċimiterju tal-Addolorata propju 100 sena fl-1919. Daqshekk ilha hawnhekk, 100 sena ilha midfuna hawnhekk Adelaide Cini. Kien il-predeċessur tiegħi Mawru Caruana, hemm ismu wkoll għax aħna l-isqfijiet inħobbu nħallu isimna kull fejn ngħaddu, li ddeċieda li tiġi hawn (allura ħalla ismu kbir daqs tagħha), imma mhux hu midfun, hi midfuna. Mawru mbagħad indifen, kif tafu, fil-knisja ta’ San Girgor f’Tas-Sliema.

U ż-żewġ knejjes huma ta’ stil Romaniku għax dak kien l-istil għall-qalb l-Arċisqof Mawru Caruana. Li għandha sabiħ din il-kappella, li jiena nixtieq ukoll issir ċentru ta’ devozzjoni lejn Adelaide, għax din ma kellha ħadd jimbuttaha. Taf inti mingħajr qaddisin ma ssirx qaddis. Issa naħseb wasal iż-żmien ukoll li aħna nieħdu l-beatifikazzjoni ta’ Adelaide bis-serjetà għax din kienet fuq l-istess livell ta’ Adeodata u ta’ Nazju imma ma kellhiex min jimbuttaha, għax lajka. Jekk tgħiduli għaliex? Għax mhix soru u lanqas patri jew kleriku. Imma huwa importanti wkoll li aħna u nfakkru u nbierku l-inizjattiva tal-lajċi fil-komunitajiet tagħna, inbierku lil Alla tal-qdusija konkreta tagħhom, fost ħafna diffikultajiet u tentazzjonijiet.

Kont qed ngħidilkom id-differenza bejn din u San Girgor – li din hija mpittra kollha. L-arkitettura ta’ din il-knisja Romanika, unika u sabiħa hija, li hi wkoll mpittra. San Girgor huwa iktar sobriju imma l-knisja hi ikbar. U dan il-patrimonju kbir li għandna kemm hi ħaġa sabiħa li naqsmuh bejnietna.

Kif jgħid l-Appostlu Missierna lil Timotju: “Inwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha” (1Tim 6:13), inwissik biex tħares l-istituzzjonijiet li rċevejt” (v.14). Jolqotni llum u nieqaf b’dan il-ħsieb huwa t-titlu li Pawlu jagħti lill-Mulej “Inwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha”. Dan it-titlu jfakkarna li l-ħajja li aħna ngħożżu hija don ta’ Alla, li hija fdata lilna, jalla nieħdu ħsiebha u nieħdu ħsieb xulxin.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għam 6, 1a. 4-7
Salm: 145 (146), 7.8-9a.9bċ-10
Qari II: 1 Tim 6, 11-16
Evanġelju: Lq 16, 19-31

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: