Dalgħdu l-Papa Franġisku ċċelebra quddiesa fl-Okkażjoni ta’ Jum il-Migranti u r-Refuġjati u fi tmiema tkellem dwar il-bżonn ta’ soċjetà li ma teskludi lil ħadd, ġej minn fejn ġej. Kompla jgħid lil dawk preżenti biex jilqgħu lil dawk kollha li jaslu fuq ix-xtut u fis-soċjetajiet tagħna.
Fid-diskors tiegħu qabel it-talba tal-Angelus, Franġisku qal li ġiet imġedda li ħarset il-Knisja hija fuq dawk il-ħafna persuni vulnerabbli li qed ikollhom jaħarbu minn pajjiżhom. Kompla li flimkien mal-fidili tad-Djoċesijiet kollha tad-dinja, iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Migranti u r-Refuġjati tafferma mill-ġdid li ħadd m’għandu jkun ekluż mis-soċjetà sew jekk huma ċittadini li ilhom residenti għal xi żmien u sew dawk li jkunu għadhom kif waslu.
Intant il-Papa lbieraħ kixef skultura kbira ispirata minn silta mill-Ittra lil-Lhud Kapitlu 12 vers 2 li tgħid: Tinsewx tilqgħu lill-barranin; minħabba f’hekk xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu. L-iskultura magħmula mill-bronż u t-tafal turi grupp ta’ migranti ta’ bosta kulturi u minn epoki storiċi differenti. Fuq xewqa tal-Papa nnifsu, din l-iskultura, ser titpoġġa fi Pjazza San Pietru sabiex tfakkar lil kulħadd dwar l-isfida evanġelika tal-ospitalità.