Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù


Fl-1 ta’ Ottubru l-Knisja tfakkar lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Verġni u Duttur tal-Knisja li għexet bejn is-snin 1873 sa 1897.

Marie-Francoise-Therese Martin twieldet fit-2 ta’ Jannar, 1873, f’Alencon, Franza. Kienet l-iżgħar fost disa’ aħwa, erbgħa minnhom mietu żgħar, il-ħamsa l-oħra li kienu bniet, waħda wara l-oħra, daħlu sorijiet, tlieta minnhom, fosthom Tereża, mal-Karmelitani.

Missierha kellu daqxejn ta’ negozju tal-ġojjelli u ommha kienet taħdem il-bizzilla.

Meta kellha erba’ snin u nofs tilfet ‘l ommha u t-telfa tagħha ħassitha ħafna u baqgħet tħossha sew għal tmien snin, avolja waħda miz-zijiet tagħha u żewġ ħutha l-kbar kienu jieħdu ħsiebha ħafna. Wara l-mewt ta’ ommha, missierha ħa l-familja f’Lisieux.

Ta’ tlettax-il sena, Tereża bdiet tħoss ħerqa kbira li tmur għall-missjoni. Hija żiedet fil-ħin tat-talb u bdiet titħajjar tidħol mas-sorijiet Karmelitani f’Lisieux, fejn ħutha l-kbar Marija u Pawlina kienu ġa daħlu.

B’permess speċjali, Tereża daħlet mal-Karmelitani fid-9 ta’ April 1888, u pprofessat fit-8 ta’ Settembru 1890, ta’ 17-il sena.

Fit-tmien snin li ġew wara, jiġifieri sakemm mietet, hija għexet ħajja ta’ talb, u tagħmel id-doveri tagħha bl-ikbar fedeltà u mħabba. Qatt ma gemgmet, qatt ma lmintat, qatt ma kkritikat, qatt ma wżat kliem iebes. Kienet taf iżżomm is-skiet, kienet kapaċi ssofri, kienet taf iżżomm kalma, iżda din l-attitudni tagħha kienet tfawrilha qalbha bil-paċi u bil-ferħ.

Hija saret il-Majjistra tan-Novizzi fl-aħħar erba’ snin ta’ ħajjitha.

Mietet fit-30 ta’ Settembru 1897, bil-marda tat-tuberkulożi, meta kellha 24 sena u 9 xhur.

L-awtobijografija tagħha, “L-Istorja ta’ Ruħ” li hi kitbet b’ubbidjenza tal-konfessur, irrevelat lid-dinja s-sbuħija meraviljuża tal-ħajja interjuri li fil-kas tagħha lanqas is-sorijiet sħabha ma kienu ndunaw biha. Dan il-ktieb hu magħruf mad-dinja kollha u mfittex minn kull kategorija ta’ nies. Tajjeb li kull nisrani jaqrah għax żgur li jsibu ta’ ispirazzjoni kbira u ta’ għajnuna fil-vjaġġ spiritwali tiegħu kif sabuh miljuni ta’ nies.

Tereżina ġiet ikkanonizzata mill-Papa Piju XI, fis-17 ta’ Mejju 1925. Flimkien ma’ San Franġisk Saverju, hija l-Patruna tal-Missjonijiet. Hija wkoll Duttur tal-Knisja.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.