Il-Papa f’Santa Marta: Il-kultura tat-tama tibda bil-kura taż-żgħar u tal-anzjani


It-Tnejn, 30 ta’ Settembru 2019: L-imħabba t’Alla lejn il-poplu tiegħu ma tafx bi ‘skart’; hija kbira, tixbaħ nar li jagħmilna lkoll umani. Fir-riflessjoni dwar is-silta meħuda mill-Profeta Żakkarija, il-Papa reġa’ saħaq li meta fil-familji u fis-soċjetà nittraskuraw lit-tfal u lill-anzjani għax mhumiex produttivi, ifisser li hemm in-nuqqas tal-preżenza t’Alla.

Kemm hi kbira l-imħabba t’Alla lejn il-poplu tiegħu minkejja li dan abbandunah, ittradih, nesieh. F’Alla dejjem tħeġġeġ il-fjamma li tkebbes il-wegħda tas-salvazzjoni għal kull wieħed u waħda minna.

Il-Papa għamel riflessjoni dwar it-tmien kapitlu ta’ Żakkarija fejn il-Mulej jgħid li hu għajjur għal Sion u għandu qalbu tikbes għaliha. U jżid li se jerġa’ lura f’Sion u jibda jgħammar f’Ġerusalemm. Bis-saħħa ta’ dan Ġerusalemm terġa’ tieħu l-ħajja.

F’dan l-ewwel qari tal-liturġija, is-sinjali tal-preżenza tal-Mulej mal-poplu tiegħu huma ċari, osserva Franġisku. Hija preżenza li tagħmilna lkoll aktar umani, li tagħmilna aktar maturi. Huma s-sinjali tal-abbundanza ta’ tfal u anzjani li janimaw il-pjazez, is-soċjetà, il-familji tagħna. Is-sinjal tal-ħajja, is-sinjal tar-rispett lejn il-ħajja, tal-imħabba lejn il-ħajja, is-sinjal li jkattar il-ħajja, u dan hu s-sinjal tal-preżenza t’Alla fil-komunitajiet tagħna u wkoll is-sinjal tal-preżenza t’Alla li timmatura lill-poplu, bil-preżenza tal-anzjani.

Sabiħa din: ‘Għad jerġgħu joqogħdu fil-pjazez ta’ Ġerusalemm, kulħadd bil-bastun f’idu minħabba t-tul ta’ għomru.’ Huwa sinjal. U t-tfal ukoll, u l-profeta juża espressjoni sabiħa: ‘jimlew il-pjazez jilagħbu fil-wesgħat tagħha.’ L-abbundanza tax-xjuħija u tat-tfulija. U dan hu s-sinjal, meta poplu jieħu ħsieb lix-xjuħ u lit-tfal u jqishom bħala teżor. Dan hu s-sinjal tal-preżenza ta’ Alla, huwa l-wegħda li hemm ġejjieni.

Il-Papa kkwota l-profezija ta’ Ġoel: ‘L-anzjani tagħkom joħolmu, iż-żgħażagħ tagħkom ikollhom il-ħolm.’ Għalhekk bejn dawn u dawk hemm skambju reċiproku, ħaġa li ma tistax isseħħ dment li, bil-maqlub, fiċ-ċiviltà tagħna ssaltan il-kultura tal-iskart, rovina li biha lit-tfal li jaslu nibagħtuhom lura għand min bagħathomlna, u meta, bħala kriterju, lill-anzjani nagħlquhom x’imkien għax mhumiex produttivi, għax huma xkiel għall-ħajja ‘normali’!

Il-Papa reġa’ rrakkonta l-istorja tan-nannu li qal drabi oħra: Familja li fiha l-missier bagħat lin-nannu jiekol waħdu fil-kċina għax minħabba li xjaħ beda jwaqqa’ fuqu u jitħammeġ. Ġurnata waħda r-raġel wasal lura mix-xogħol u sab lil ibnu jħejji mejda għax dak l-iżolament tan-nannu, għada pitgħada kien se jolqot lil missieru wkoll.

Il-Papa żied li meta pajjiż jixjieħ u jonqos in-numru ta’ tfal, meta taqra li f’ċertu pajjiżi hemm aktar pensjonanti milli nies jaħdmu, hija traġedja. Kemm pajjiżi, ilmenta Franġisku, bdew jgħixu din ix-xitwa demografika llum?

U meta nittraskuraw lill-anzjani nitilfu t-tradizzjoni li mhix mużew tal-antikitajiet, għax huma l-garanzija tal-futur, huma l-meraq tal-għeruq li jkabbru s-siġra li tagħti l-fjuri u l-frott. Soċjetà li tittratta ħażin lil dawn iż-żewġ friegħi tagħha tispiċċa ħażin.

Hu minnu, osserva l-Papa, li llum liż-żgħażagħ tista’ tixtrihom b’ħafna ‘manuvri’ iżda kollox jispiċċa jaqa’ fir-redikolu.

Allura liema hu l-messaġġ ta’ Alla? Il-Papa sejjaħlu ‘il-kultura tat-tama’ rappreżentata mill-anzjani u miż-żgħar. Huwa ċ-ċertezza tal-ġejjieni ta’ pajjiż, tal-patrija, tal-Knisja. Il-Papa semma kemm waqt il-vjaġġi tiegħu madwar id-dinja jara ommijiet jerfgħu lit-tfal u t-trabi biex iberikomlhom u jagħmlu dan qieshom qed jgħollu ’l fuq il-‘ġojjelli’ tagħhom.

Ma ninsa qatt, temm jgħid il-Papa, ix-xena ta’ dik l-anzjana fil-pjazza fir-Rumanija li għolliet lit-tarbija li kellha fuq dirgħajha qiesha qed tgħidli: ‘dan hu t-trijonf tiegħi’, xena li daret id-dinja u tiswa aktar mill-prietka li qed nagħmel jien.

Għalhekk, l-imħabba t’Alla dejjem hija ż-żerriegħa li tkabbar il-poplu. Mhijiex il-kultura tal-iskart.

Fl-aħħar Franġisku indirizza lill-kappillani u qalilhom biex meta jkunu qed jagħmlu l-eżami tal-kuxjenza jistaqsu lillhom infushom kif ittrattaw lit-tfal u lill-anzjani matul il-ġurnata.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.