Il-kumpassjoni fil-kura tas-saħħa


Seminar għall-Ħaddiema tal-Kura tas-Saħħa: Il-Kumpassjoni – It-triq ’il quddiem fil-mediċina u l-kura tas-saħħa.

Nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Settembru, il-Pastoral Care Commission for Healthcare Workers, li hija fergħa tas-Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta għamlu seminar fl-awditorju tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-isptar Mater Dei.

Is-suġġett tas-seminar kien, Compassionate Care for Health Care Workers: The Way forward in Medicine and Health Care (Il-Kura Kompassjonevoli għall-Ħaddiema tal-Kura tas-Saħħa: It-triq ’il quddiem fil-mediċina u l-kura tas-saħħa). Għas-seminar kien hemm attendenza tajba mill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa minn dixxiplini varji.

president.JPG
Il-President George Vella

Il-ftuħ kien indirizzat mill-President ta’ Malta, l-E.T. Dr George Vella u l-Professur Alfred J. Vella, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta. Matul l-indirizz tagħhom, kemm il-President ta’ Malta u r-Rettur tal-Università tkellmu dwar l-importanza tal-kompassjoni u l-empatija bħala espressjonijiet vitali fir-relazzjoni bejn min jagħti l-kura u l-pazjent, li titlob il-ħin u l-attenzjoni ta-persuna li turiha.  Dan irid ikun ibbilanċjat mal-enfasi dejjem tiżdied fuq l-avvanzi teknoloġiċi fix-xjenzi mediċi, u l-ħtieġa tal-preżenza tal-health carers li jsibu l-ħin biex jisimgħu b’reqqa l-ħtiġijiet tal-pazjent hekk li tippermetti lill-health carer jikseb il-fiduċja tal-pazjent u jibni rapport.

rettur2
Dr Josephine Attard u r-Rettur Alfred J. Vella

Dr Josephine Attard ippreżentat l-istandards ewlenin Ewropej tal-EPICC għall-kompetenzi fil-kura spiritwali, għall-infermieri u l-qwiebel, bħala l-ħolqa bejn l-kura kompassjonevoli u ħolistika. Is-Sra Elena Felice u Dr Claudia Psaila tħaddtu dwar il-kwistjonijiet ta’ reżiljenza u l-awtokura bħala għodod importanti fil-prevenzjoni tal-għeja kompassjonevoli u l-burnout.

It-taħdita matul is-seminar ittrattat il-ħtieġa tal-kompassjoni u l-kura kompassjonevoli biex tkun fuq quddiem tad-dibattiti politiċi nazzjonali u internazzjonali, prattiċi u edukazzjonali. Hija fil-qalba ta’ dokumenti li jippromwovu mudelli ta’ prattika li jiċċentraw fuq ir-relazzjonijiet, u l-ħtieġa li jrawmu u jsostnu ħiliet u valuri fundamentali, li għandhom lill-bniedem fil-qalba li huma tant bżonjużi fl-għalqa tal-kura tas-saħħa. L-enfasi fuq il-kompassjoni hija stabbilita f’kura tas-saħħa dejjem aktar kumplessa li spiss hija ddominata bi tħassib dwar ir-riżultati, l-effiċjenza, il-produttività u l-kompetenza flimkien ma’ popolazzjoni li dejjem tixjieħ u żieda fil-kundizzjonijiet tas-saħħa li jtulu. Madankollu, hemm qbil li l-kura u l-kompassjoni jibqgħu integrali fil-kura tas-saħħa u soċjali.

Waqt il-workshops, li saru bħala parti minn dan l-avveniment, ġew identifikati mill-parteċipanti għadd ta’ sfidi marbutin mal-kura kompassjonevoli. Fost l-isfidi li ġew identifikati kien hemm is-sigħat twal ta’ xogħol, in-nuqqas ta’ ħidma fi grupp, u n-nuqqas ta’ riżorsi umani u l-fatt li l-lingwa tista’ tkun ostaklu potenzjali milli tinbena relazzjoni bejn il-pazjent u l-health carer u saħansitra bejn il-health carers nnifishom. L-età u l-karriera tal-pazjent jafu jkunu ta’ sfida: il-pazjenti xjuħ u l-carers jafu jħossuhom injorati għax jafu jitqiesu bla esperjenza.

Tfasslu għadd ta’ konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet, l-aktar rigward il-fatt li l-edukazzjoni fil-kompetenzi tal-kura spiritwali u l-kura kompassjonevoli għandha tkun inkluża kmieni u matul il-programmi tal-korsijiet tal-kura tas-saħħa kollha. Rakkomandazzjoni oħra ffukat f’li tinvolvi lill-maniġers u lil dawk li jfasslu l-politika f’attivitajiet ta’ bini fit-tim għall-istaff biex jissaħħaħ l-ambjent kompassjonevoli tax-xogħol. L-għodod ta’ traduzzjoni biex titjieb il-komunikazzjoni bejn il-pazjenti u l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li ġejjin minn diversi pajjiżi u kulturi, kif ukoll li jiġi inkluż l-ilsien Malti bħala rekwiżit għall-ħaddiema tas-saħħa huma wkoll meqjusa importanti.

Ritratti ta’ Nikki Borg Cunnen.
Rapport tal-Pastoral Care Commission for Healthcare Workers