Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Tajde


Fit-8 ta’ Ottubru l-Knisja tfakkar lil Santa Tajde, Penitenti tas-Seklu 4.

Jingħad li Tajde għexet fis-seklu 4. Skont il-leġġenda tagħha, hija kienet imrobbija bħala Nisranija imma saret magħrufa f’Lixandra, l-Eġittu, minħabba li bi ġmielha kienet tipprova tiġbed u twaqqa’ fid-dnub lil diversi rġiel.

Il-fama tal-ħażen tagħha wasal ukoll f’widnejn Pafnuzju, li kien jgħix fid-deżert qrib, li ħalla l-ħajja rtirata tiegħu biex jgħinha tbiddel ħajjitha.

Meta wasal fid-dar tagħha talabha li jkellimha fejn żgur ma kien jarahom u josservahom ħadd. “Jekk inti qed tibża’ li jarawk in-nies,” qaltlu Tajde, “hawn ma jarana ħadd; imma jekk qed tgħid għal Alla, inti taf tajjeb li hu jinsab kullimkien.”

Pafnuzju ħa spunt minn dak li kienet qalet u kellimha fuq it-tmiem tagħha meta jkollha tagħti kont ta’ għemilha kollu. L-eremit irnexxielu bil-grazzja t’Alla, ibiddlilha ħajjitha.

Hi għamlet ħuġġieġa u ħarqet fiha l-ilbies u l-ġawhar li bihom kienet tiżżejjen u tiġbed in-nies lejha u Pafnuzju ħadha f’kunvent ta’ reliġjużi nisa fid-deżert.

Wara li għalaqha f’ċella qalilha biex tgħid spiss it-talba: “Inti li ħlaqtni, ikollok ħniena minni.” Għaddiet tliet snin f’din iċ-ċella titlob u tpatti għal ħtijietha, u hemm fl-aħħar sabet tassew il-paċi tal-qalb.

Wara dan Pafnuzju, bil-parir ukoll ta’ eremit famuż ieħor, San Anton Abbati u rħieb oħra sħabu, fosthom Pietru s-Sempliċi, ħariġha miċ-ċella u reġa’ taha l-libertà.

Imma Tajde l-penitenti talbet li tingħaqad mas-sorijiet ta’ dak il-kunvent fejn mietet ġimgħatejn wara.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com