Kif inhi l-ħajja hux? Xi kultant ma nifhmuhiex! Filli kollox ikun sewwa u filli jarma ġej kull kop ta’ mewġ wieħed wara l-ieħor! Mamma mia dawk il-ħallel! Daqshiex inhuma!
Nistħajlek taqra dawn il-kelmtejn u tagħti b’rasek. U, bil-qalb kollha, għax tkun miġrugħa, tasal li anki int, bħali, tammettihom. Nistħajlek ukoll li, waqt li qed tara dawn il-kelmtejn, minn għajnejk qed ileħħu d-dmugħ ukoll. Jew ħalli ma ngħidx id-dmugħ għax forsi, skont xi wħud, qed ngħaġġibhom. U qed inkun goff wisq! Imma d-demgħa ixxerridha! Trid u ma tridx sieħbi! Kos hux! U min jaf kemm kapitli fiha dik id-demgħa! Kemm paġni! Waħda wara l-oħra! U paġni miktuba b’tant għaraq u sagfiċċju li, int u l-Mulej Alla tiegħek biss, Dak li fih intlaqt, tafu!
It-tnejn nifhimkom ħbieb! Mhux għax jien Alla. Għax dak qatt ma nista’ inkun! U grazzi Mulej! Huwa jien żarbun li ma jiġinix ħa nazzarda nilbsu! Ma tarax! Imma għax jien, bħalek, bniedem ukoll! U nħoss meta jferrħuni u jweġġgħuli qalbi! Għalkemm, dak Alla li għadni kemm kellimtek fuqu, hu wkoll bniedem. Il-bniedem-Alla. Ġesù Kristu Sidna! Dak Alla-bniedem li ġibed il-ferħ u l-barka ta’ min aċċettah u l-istmerrija ta’ min, anki sallum, għadu ma jistax jammetti d-divinità tiegħu. Anki jekk jibqa’ mbellaħ għax jgħid li t-twelid tiegħu hu straordinarju. U jaf ifaħħar lil OmmU u Ommna wkoll, Marija. Jew anki ma jagħtihx kasha wkoll għax jgħid li aħna l-Insara Kattoliċi u Ortodossi nagħmluha Alla. Imma, kull stmerrija ta’ Ġesù ġejja minn stmerrija waħda ħbieb: minn dik tax-xitan. Li, sallum stess, meta jinqara l-prologu ta’ San Ġwann, aqta’ kemm jikkummiedja. Għax, għax-xitan, hi kbira fuq li kbira li Alla jsir bniedem! U, din il-ħaġa, għadha ma niżlitlux fl-istonku tiegħu, għax baqgħet imwaħħla fi griżmejh, lil għadu antik u dejjem ġdid tagħna.
Kien dan l-istess xitan li qala’ xebgħa problemi u tfixkil għal Ġesù. Ma kienux biżżejjed it-tlett tentazzjoni li nsibu miktuba fil-vanġelu skont San Mattew, f’kapitlu 4 minn versi 1 sa’ 11. Ix-xitan issokta jaqla’ xebgħa problemi għal Ġesù. L-ewwel nett, xewwex lill-qassisin il-kbar u l-kittieba kontrieh. Mela l-ewwel imliehom b’xebgħa suspetti fuqu. Imbagħad, biex l-istorja tkompli tagħqad, meta dawn bdew jaraw li dan kien Alla tassew aqta’ kemm beda jxewwihom bil-għira għalih.
Imbagħad Ġesù kellu jaffaċċa l-qalb iebsa tad-dixxipli tiegħu stess. Li ma setgħux jemmnuh! Issa jekk jogħġbok dawn kien għażilhom wieħed wieħed Hu stess. Inkluż Ġuda l-Iskarjota! Dak li biegħu! U Pietru, dak li ċaħdu tlett darbiet! Madankollu, għalkemm ilkoll kienu magħżulin, xorta waħda baqgħu jissieltu mad-dgħjufija tagħhom. Tant li, meta ġie is-saram għalih, qalulu b’għemilhom: Bye-bye Ġesù!
Kien hemm imbagħad in-nies. Il-famuż poplu! Ħafna minnhom qajla kien moħħhom fuq dak li kien qed jgħidilhom Ġesù. Li fittxew mingħand Ġesù kien biss li jagħmillhom dak il-miraklu sabiħ sabiħ. U hekk jimlielhom il-ħawsla. Imma meta kellimhom fuq il-ħobż tal-ħajja x’qalu? Dawn it-taparsi dixxipli? Iebes dan il-kliem! Min jista’ jisimgħu? (Ġw 6:60). Rajthom sieħbi fejn huma n-nies! Dawk li titqatel u titbagħal għalihom! Dawk li tissallab biex taqdihom! Ara x’għamlulu lil Ġesù! Imma dan m’hu xejn ħdejn il-purkerija li għamlu f’Ġerusalemm! Meta, imxewxin mill-qassisin il-kbar u l-kbarat tal-poplu, aqta’ kemm għajtu b’ħanġra daqshiex: Sallbu! Sallbu! (Ġw 19:6). Tafu li anki Pilatu l-Gvernatur, avolja pagan, ried l-art tibilgħu meta ra din il-pastażata kollha sseħħ quddiem dawl għajnejh? Il-vanġelu, bir-raġun kollu, jagħtina din it-tweġiba ta’ bniedem minxuf b’dak li ra b’għajnejh u sema’ b’widnejh meta affaċċjat minn din l-ingratitudni ta’ dan il-poplu ta’ ras iebsa ħafna: Jien se nsallab lis-sultan tagħkom?
(Ġw 19:15).
Minn din in-naqra ġirja mal-vanġeli mill-ewwel nintebħu kemm, l-Imgħallem u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, kellu ma’ xiex iħabbat wiċċu. Forsi int ġieli tagħmel l-iżball jew aħjar id-dnub, li nagħmel jien ukoll, meta bħali tirraġuna: “U dak ma kienx Alla?” Bil-mod Patri! Bil-mod sieħbi! Dak kien bniedem ukoll! Dak għadda mill-istess proċess ta’ maturazzjoni kif ngħaddu int u jien. Dak kien jaf xi tfisser is-sħana u l-kesħa. Esperjenza l-għejja. U anki dik l-għejja meta ta’ madwarek, minflok li jippruvawk jifhmuk donnhom jixxalaw biex l-ewwel jonsbuk u mbagħad jaraw jaqbdukx f’xi bużulotta ħalli wara jkollhom fuqhiex ipatptu!
Dawn Ġesù kollha għadda minnhom. U, ta’ bniedem li kien, aqta’ kemm kien jiddispjaċih! U kif tridu ma jiddispjaċihx jekk kien raġel, jew aħjar żgħażugħ, fl-aħjar tiegħu u b’qalbu f’idu? Biss Ġesù għamel xi ħaġa li, jien u int, irridu dejjem infakkru lilna nfusna li għandna nagħmlu: kien jintelaq f’idejn Missieru u Missierna! Kemm kien isib mumenti twal ta’ talb miegħu! Kemm kien ikellmu! U, tant kemm kien ikellmu, li min kien jarah kien jintebaħ li f’dan il-bniedem speċjali hemm xi Ħadd ieħor li qed imexxieh. Il-Missier!
L-eżempju ta’ Ġesù lili aqta’ kemm jimlieni bil-ferħ ħbieb! Għax ħa ngħidilkom ara: Hu r-refuġju tafux! Hu s-soluzzjoni! L-aktar meta tipprova, bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, jiġifieri l-Ispirtu ta’ Ġesù nnifsu, tagħmel il-ġid u jiswielek deni. Inkella jaqbad qabda miegħek xi ħadd u ma jkun irid jitilqek b’xejn. Għax, bħal donnu, ix-xitan ta’ ġo fih iħarriflu li għandu jkissrek b’kull mod. Ommi Mà kemm hi kerha hux l-ossessjoni dijabolika! Teżiżti tafux! L-għaliex smajt qabda stejjer fuqha u doqtha jien stess għax dewwaqhieli ħaddieħor b’għemilu miegħi! Veru tal-biża!
Biss kuraġġ ħbieb! Ejjew inħarsu ‘il quddiem! Jien, għalija, il-quddiesa hi skola ta’ ħajja. Kemm jgħallimni affarijiet sbieħ biha l-Mulej! Mela ħa naqsam magħkom xi ħaġa mill-isbaħ li l-Mulej għaddhieli f’dawn ix-xhur. Kemm hu sabiħ li wara t-tqarbin, waqt li jkollna lil Ġesù ġewwa fina, nitolbu bil-mod il-mod miegħu t-talba tal-Beatu Charles De Foucauld. Meta nitolbuha ma’ Ġesù lill-Missier tagħna tas-Sema din it-talba tgħinna nidħlu fir-rieda tiegħU.
Tiskanta ħbieb kemm din it-talba tagħti paċi lil min jitlobha! Dan l-għaliex, meta nitolbuha bil-mod u mhux niġruha sakemm naqtgħu nifisna u n-nifs ta’ dawk li msieken ikunu qed jitolbu magħna, inħossu l-ferħ, il-paċi u l-kalma tal-Missier tagħna tas-Sema li tidħol fina. Meta nitolbuha nibdew naraw kemm aħna nibdew insibu postna fil-qalb tiegħU. Dik il-qalb li, minkejja l-kolpi tal-imwieġ tal-ħajja, u minkejja l-iżbalji u d-dnubiet tagħna, xorta waħda tibqa’ tħabbat għalina. Anzi! Tibqa’ tistenniena biex tħaddanna magħha, tmellissna, tixxuttalna d-dmugħ u turina t-triq.
Għalhekk, inħeġġek minn qalbi biex meta l-problemi tiegħek jibdew ġejjin fuqek bħall-imwieġ kulma għandek tagħmel hu li ssib rokna u titlob din it-talba veru sabiħa, għall-kwiet mal-Missier tiegħek tas-Sema. Itlobhielu minn qalbek! Għax jisimgħek! U, u dan ngħidulek l-għaliex inġarrbu, biha mhux biss jipproteġik imma wkoll jibqa’ isaħħek kontra l-kanuni tax-xitan bin-nies tad-dinja!
Missier, f’idejk nintelaq jiena, agħmel minni dak li jogħġbok. Nizzikħajr għal dak kollu li tagħmel bija. Jien lest għal kollox, nilqa’ kollox. Agħmel biss li r-rieda tiegħek isseħħ fija. U fil-ħlejjaq kollha tiegħek. Ma nixtieq xejn aktar, Mulej. F’idejk jien nitlaq ruħi. Nagħtihielek bl-imħabba kollha ta’ qalbi. Għax jien inħobbok, Mulej, u għalhekk inħoss il-ħtieġa, li nagħti lili nnifsi lilek. Li nintelaq f’idejk għal kollox. U b’kunfidenza bla tarf, għax int Missieri.
Is-serenità kbira tal-Ispirtu s-Santu li tgħaddilek din it-talba hi diġà biżżejjed biex issikket l-imwieġ u l-ħallel li jkun hemm fik u anki fija. Din it-talba tikkalma l-irwiefen interni li joħolqulna persuni u sitwazzjonijiet diffiċli li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom. Għax, din it-talba tant sabiħa, terfagħlna rasna, qalbna u moħħna lejn is-Sema. Lejn id-Dar tal-Missier tagħna tas-Sema. Fejn, ġurnata, u forsi mhux daqshekk ‘il bogħod ukoll daqskemm qed naħsbuha aħna, għad inkunu miegħU għal dejjem!
Imma Hu Missierna! U allura minn ISSA jibda’ jdewwaqna dawn il-ħlewwiet li jagħtu palat tajjeb ħafna lil ħajjitna. Għax ma’, fi u b’Missierna, il-ħallel tal-ħajja jikkalmaw u l-kalma kbira terġa’ taqa’ fuq ħajjitna!
Patri Mario Attard OFM Cap