Illum il-Knisja tfakkar lil San Ġwann ta’ Capestrano


Fit-23 ta’ Ottubru l-Knisja tfakkar lil San Ġwann ta’ Capestrano, Saċerdot li għex bejn is-snin 1386 sa 1456.

San Ġwann twieled f’familja prominenti, f’Capestrano, l-Italja, fl-1386. Meta kien għadu tifel żgħir tilef lil missieru, u rabbietu ommu waħidha. Studja l-Liġi, laħaq avukat, u beda l-karriera tiegħu mal-Gvern.

Fl-1412, meta kellu 26 sena, inħatar Gvernatur ta’ Perugia. Kien amministratur kapaċi u fl-istess ħin onest. Fl-1416, qamet gwerra bejn Perugia u Malatesta. San Ġwann mar biex jagħmilha ta’ ambaxxatur tal-paċi, iżda tal-Malatesta xeħtuh il-ħabs.

Meta kien priġunier għaraf kemm ma kienu jiswew xejn quddiem Alla, is-setgħa, l-unuri u l-ġid tad-dinja. Hekk kif inħeles, fl-istess sena li fiha kien waqa’ priġunier, daħal mal-Patrijiet Franġiskani. Fl-1425, ordna saċerdot.

Fl-Ordni ltaqa’ ma’ San Bernardinu ta’ Siena, sar ħabib tiegħu ħafna, bħalu sar predikatur kbir u xerred id-devozzjoni lejn l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù. Ġera bla serħan mal-Ewropa kollha biex isaħħaħ lill-popli fil-ħajja Nisranija u jeħodha mal-eretiċi.

Fl-1439, San Ġwann mar Milan biex jaħdem kontra x-xiżma li nħolqot mill-antipapa Feliċ V. Mis-sena 1439, ’il quddiem, erba’ Papiet wara xulxin bagħtuh bħala Legat tagħhom fil-Palestina, fil-Polonja, fi Franza (fejn iltaqa’ ma’ Santa Collette u ħeġġiġha biex tkompli tifforma lis-Sorijiet Klarissi), fl-Awstrija u fil-Bohemia (fejn irnexxielu jġib ħafna eretiċi lura fil-Fidi).

Biċċa xogħol kbira li għamel f’ħajtu, kienet li wara l-waqgħa ta’ Kostantinopli f’idejn il-Musulmani fl-1453, imħeġġeġ mill-Papa Kallistu III, organizza Kruċjata biex iwaqqaf l-avvanz tal-armata Musulmana taħt Mohammed II. Hu stess ħa sehem fiha, għamel standard kbir bl-Isem ta’ Ġesù miktub fuqu, u kien ta’ kuraġġ kbir u għen ħafna biex l-Insara jirbħu l-battalja ta’ Belgrad, fl-1456.

Tliet xhur wara, San Ġwann miet f’Villach, Awstrija, fit-23 ta’ Ottubru 1456, fl-età ta’ 70 sena, u kien ikkanonizzat fl-1724. Il-laqam li ngħatalu huwa dak ta’ “suldat qaddis” u huwa awtur ta’ bosta opri kontra l-ereżiji ta’ żmienu. Huwa wkoll il-patrun tal-kappillani militari u ta’ dawk li jaħdmu fil-liġi.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com