Għalfejn qed ngħix?

Kitba ta’ Angelo Xuereb

It-tama hija essenzjali  għall-ħajja. Ma nkunx niżbalja jekk ngħid li mingħajr tama, il-bniedem imut.

Jekk il-bniedem ikun marid, jittama li ser ifiq. Jittama li jgħix ħajja aħjar kemm emozjonalment, soċjalment u anki materjalment. Għalhekk it-tama hija dik il-forza fil-bniedem li tgħinu jagħmel kuraġġ u ma jaqtax qalbu quddiem id-diffikultajiet ta’ din id-dinja.

Iżda sewwa kieku l-bniedem ma jittamax biss fi ħwejjeġ materjali iżda anki għal dawk spiritwali. Kieku l-bniedem jittama akar fi ħwejjeġ spiritwali kieku fid-dinja hawn aktar paċi u l-messaġġ ta’ Kristu jiġi mxandar aktar, biex hekk jiġi magħruf u maħbub.

Għalkemm aħna qegħdin ngħixu f’din id-dinja, aħna qegħdin f’pellegrinaġġ lejn is-sema pajjiżna. Meta niftakru f’dan ma għandniex niskuraġġixxu ruħna milli naħdmu għal dinja aktar ġusta u ngħixu ħajja verament umana. Iżda xi darba jew oħra dan il-pellegrinaġġ jintemm u nidħlu f’eternità.

Bosta filosofi raw il-realtà tal-mewt bħala qerda tal-ħajja tal-bniedem. Iżda jekk in-nisrani jkun għex “bi Kristu, fi Kristu u ma Kristu”, il-jum tal-mewt ikun għalih id-daħla fil-ħajja eterna. Ħajja fejn ma hemmx tbatija u lanqas biki. U għalhekk meta nittamaw f’din il-ħajja eterna nagħmlu kuraġġ.

Kieku ma għandniex tama fil-ħajja eterna,  il-ħajja tista’ tidher bla sens. Ngħixu ftit żmien u mbagħad nispiċċaw. Nitilfu saħħitna, ħajjitna u dak li għandna. Veru li kieku kien hekk, hija assurdità kbira.

Iżda bil-mewt aħna nitilfu ħajjitna biex ingawdu lil Alla. Kieku ma mmutux ma nistgħux naraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading