Illum il-Knisja tfakkar lil Beata Ġużeppa Naval Girbes

Print Friendly, PDF & Email

Fis-6 ta’ Novembru l-Knisja tfakkar lil Beata Ġużeppa Naval Girbes, Verġni Karmelitana Sekulari li għexet bejn is-snin 1820 sa 1893.

Josefa Navel Girbes, twieldet fil-11 ta’ Diċembru 1820, f’Algemesi, provinċja ta’ Valencia, fi Spanja. Hi kienet il-kbira, mill-ħames ulied ta’ Franġisku Naval u Ġużeppina Girbes. Kienet familja spiritwali ħafna u għalhekk ħadet trobbija ta’ valuri sodi u Nsara. Għad li ma marritx skola, tgħallmet taqra u tikteb u kienet taf tirrakkma ħafna.

Ta’ 13-il sena ommha mietet u huma marru joqogħdu man-nanna. Għenet lil missierha jrabbi lil ħutha iżgħar minnha. Iktar ma kibret iżjed saħħet id-devozzjoni tagħha lejn Sidna Ġesù Kristu u l-Verġni Marija. Bid-direzzjoni tal-kappillan tal-parroċċa, ta’ 18-il sena kkonsagrat lilha nnifisha lil Alla u għamlet il-vot tal-kastità perpetwa.

Fil-mixja tagħha ta’ qdusija, iddedikat ħajjitha lil Alla u wegħdet li sservi lill-Knisja u lill-proxxmu. Bdiet tlaqqa’ nisa f’darha biex tgħallimhom ir-rakkmu u waqt dawn il-lezzjonijiet kienu jaqraw kotba spiritwali u jiddiskutuhom. Għallmithom il-katekiżmu u kienet tisħaq ħafna fuq l-importanza tat-talb u l-meditazzjoni.

Kienet bniedma ta’ ħajja interjuri profonda, ta’ talb u meditazzjoni. Kienet dejjem tirrepeti kemm hu importanti li wieħed jiltaqa’ ma’ Alla fit-talb kuljum, sabiex ikun jista’ jgħix aħjar ħajtu u d-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom. Kienet ukoll ixxerred id-devozzjoni lejn Ġesù fl-Ewkaristija. Fil-parroċċa bdiet tipprepara lit-tfal biex jirċievu l-Ewwel Tqarbina. Tlaqqa’ tfajliet qabel jieħdu l-istat tagħhom ta’ nisa miżżewġa u ommijiet, jew reliġjużi.

Ġużeppa daħlet mat-terz’Ordni tal-Karmelu u l-komunità lajka tagħha kienet taqa’ taħt is-superviżjoni tal-Patrijiet Karmelitani tal-Provinċja ta’ Valencia.

Saħħitha bdiet sejra lura u mietet ta’ 72 sena, f’darha f’Algamesi, fl-24 ta’ Ottubru, 1893, wara li rċeviet is-Sagramenti Mqaddsa. Kienet midfuna bl-abiti Karmelitani. Fl-20 ta’ Ottubru 1946, il-fdalijiet tagħha tpoġġew f’tebut tal-ħġieġ u ttrasferewhom għall-knisja parrokkjali ta’ San Ġakbu, fejn kienu esposti għall-venerazzjoni tal-fidili.

Il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, għamilha venerabbli f’Jannar tal-1987 u fil-25 ta’ Settembru tal-1988, ibbeatifikaha. Il-beata f’ħajjitha kienet mudell ta’ qdusija, u kienet dejjem tirrepeti, “qaddes lilek innifsek u lill-oħrajn.”

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading