Għodu għodu!


Għadda l-lejl, jum ieħor sebaħ! Din hi l-frażi ħelwa ta’ Innu tat-Tifħir tas-Sbiħ il-Jum li nitolbu fil-Brevjar, fit-talb liturġiku uffiċċjali tal-Knisja. Biex inkun għedt kollox dan hu wieħed mill-Innijiet li nitolbu. Imma meta tħares lejh sewwa tassew li għandu ħafna x’jgħallimna!

Dan l-Innu fih it-teoloġija tal-ħajja. Fi kliem sempliċi, jagħtina l-iskola tal-ħajja vera kif inhi. Sintendi, ħajja fil-Mulej! Li, kif tgħallimna kontinwament ħajjitna, altru li tagħmel differenza minn ħajja fejn il-Mulej m’għandux post! Hekk jibda’ l-Innu: Meta ħlaqt, Mulej id-dinja, fridt il-lejl min-nhar, jum wieħed, u qassamt it-tul ta’ ħinhom, għas-serħan u l-ħidma tagħna. Il-Mulej ħalaq id-dinja u fired illejl minn nhar. Jiġifieri l-Jum. Għalhekk mela l-Għarab tal-Kuwait, l-Emirati u tal-madwar jgħidulek għodu għodu: Sebaħ in-Nur! F’kelma waħda: Sebaħ il-Jum! Jew, f’ilsienna semitiku: L-Għodwa t-Tajba!

Il-Mulej qassmilna ħinna f’jum u f’lejl. Fil-jum naħdmu u fillejl norqdu! Tassew nawguralek li f’dan illejl iseħħlek torqod. Ajma! L-aktar jekk l-għada jkollok ġurnata ddoqq l-iskotti ta’ xogħol! Għax, l-esperjenza għallmittni li, fejn nista’, nistrieħ. Inkella kif se mmexxi f’ħajti? Ħeqq! Dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi (2 Kor 11:28) sar jgħajjini mhux ftit! U jqattaqlni wkoll! Wara kollox ma nismax b’affarijiet sbieħ. Imma bi problemi, mard, ksur ta’ relazzjonijiet u l-morr kollu l-ieħor tal-ħajja. Għalhekk sieħbi, u mill-esperjenza ċkejkna tiegħi tal-ħajja ngħidlek dan minn qalbi, nissuġġerilek li, l-ewwel ċans li jkollok, itfi dak il-mobile jew l-ismartphone u strieħlu! U strieħlu kemm tista’! Ħa tkun b’saħħtek għal jum tal-għada!

U issa ġejna għall-magħrufa strofa, it-tieni waħda tal-Innu, li bih l-Ispirtu s-Santu bdiena u qed imexxina f’dawn il-ħsibijiet. Għadda l-lejl, jum ieħor sebaħ, b’dawl ix-xemx il-ħajja tifraħ, u mill-qalb ta’ wliedek kollha, jitla’ l-innu ta’ foħritek. Bħalissa, int u taqra dan l-Innu, qed inħossok titbissem. U forsi tidħak ukoll. Jew inkella taf tibki. U tqatta’ xagħrek. Jekk għandek. U jekk qed jeħfieflek, bħalma qed jeħfief tiegħi, taf tħokk rasek ukoll. Għax x’garanzija għandi li f’din l-għodwa se jkolli d-dawl tax-xemx? U mela le! Naf inqum u nsib temp ċombi! Temp griż! U ikrah! U li lili aqta’ kemm iweġġagħli rasi!

Ma nagħtikx tort sieħbi! Għax dan l-iskomdu nħossu jien ukoll! Imma ħa naqsam miegħek ħaġa li l-Mulej għallimni bin-nies li jlaqqagħni magħhom ta’ kuljum, jekk dejjem irrid inkun Patri Kapuċċin skont qalbU, u li dan ifisser li inkun viċin in-nies morda u mhux naħrabhom għax nissakkar fil-kamra tal-kunvent: wara dak is-sħab ix-xemx hemm qiegħdha! Avolja ma tidhirx! Għax qed jgħattiha s-sħab griż! Għalhekk, kuraġġ! U, meta tara dak is-sħab ikrah quddiemek ibqa’ emmen tabilħaqq li x-xemx hemm qiegħdha! U, minn wara dak is-sħab, qed tistenniek biex titbissimlek u tmellsek bir-raġġi b’saħħithom tagħha. Kulma ngħidlek hu: PAĊENZJA! STABAR! Għax din l-iskumdita tal-uġiegħ ta’ ras li għandek u għandi bħalissa tgħaddi wkoll! Tibżax!

Imma ara x’biċċa psikoloġija hemm f’dan l-Innu sieħbi! L-awtur qed jgħidilna, b’għaqal tassew kbir u liema bħalu, li minn qalbi u qalbek, l-ewwel kelma li għandha toħroġ, għodu għodu, kmieni kmieni, hi: GRAZZI MULEJ! INFAĦĦREK MULEJ! L-ewwel nett, jekk l-ewwel kliem tal-jum ikun pożittiv allura inkun qed inwitti t-triq għal ħafna pożittività f’dik il-ġurnata! U, it-tieni nett, u forsi l-aktar ħaġa importanti, li jien qed nirringrazzja mhux bniedem u bniedma bħali, li f’ħajtu u f’ħajjitha hemm it-tlajja’ u l-inżul, il-ferħ u n-niket, biex ma nsemmux il-burdati u l-gdiedem ta’ kull xorta. U, jekk ikun raqad ħarira mikxuf billejl għid li l-għada aqta’ kif ħa jdendlu! Jew inkella li tibda’ taħtaf u tiekol lil kull min jikkuntrarjaha!

Le sieħbi! Il-GRAZZI! qed nagħtuha lil Alla! Lill-Mulej! Lil Alla tiegħi u l’Alla tiegħek! Li huwa lil hinn minn dak li nħossu! Li Hu, kif jgħidlu tajjeb San Franġisk, fit-Tifħir ta’ Alla l-Għoli, tjieba! U, la ġejna issa għal San Franġisk, li naf li ħafna minnkom tant iħobbuh, (u fih tassew xi tħobb tafux daqskemm kien ta’ Alla u tal-bniedem!) ara ftit b’liema kliem kien jibda’ l-ġurnata:

Int qaddis, Mulej Alla wieħed,
li tagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Int qawwi, Int kbir, Int l-Aktar Għoli.
Int is-Sultan li tista’ kollox,
Int Missier Qaddis,
Sultan tas-sema u l-art.

Int, wieħed-u-tlieta,
Mulej Alla fuq l-allat,
Int it-tjieba, kull tjieba, fuq kull tjieba,
Mulej Alla ħaj u veru.

Int imħabba, int għerf, int umiltà,
int sabar, int sbuħija, int ġwejjed.
Int kenn, int sliem,
int hena u ferħ,
int tama tagħna, int ġustizzja.

Int il-qjies,
int l-għana kollu tagħna.
Int ġmiel, int ġwejjed.
Int li tħarisna.
Int li tgħasses fuqna u tidħol għalina.
Int qawwa. Int serħan.

Int it-tama tagħna, int il-fidi tagħna,
int l-imħabba tagħna,
int il-ħlewwa kollha tagħna,
int l-ħajja bla tmiem tagħna,
kbir u tal-għaġeb,
Mulej Alla li tista’ kollox,
Feddej tal-ħniena.

Immaġinaw ftit ħbieb li kieku int u jien nibdew l-jum tagħna, għodu għodu, b’dan il-kliem pożittiv fuq fommna! Aħsbu ftit x’potenzjal ikollna għal matul il-ġurnata li tkun ġejja fuqna! X’differenza hux meta fommi, minflok ma jibda’ jħaqqaq, igerger u jistħet xortih u ħajjet il-povri ta’ madwaru, u minflok ma’ wiċċi jispiċċa arena ta’ qrusa tal-biża, fommi jilbes kliem bħal tjieba, ħajja, verità, kenn, sliem, hena, ferħ, tama, sewwa, għana, ġmiel, ħarsien, umiltà, qawwa, serħan, fidi, imħabba, ħlewwa, ħajja bla tmiem, meravilja, u ħniena! Araw xi ġmiel ħbieb! Tafu li anki jien, waqt li qed inlissen dawn il-kliem li l-Mulej qed jagħtini f’qalbi bħalissa, diġà qed inħossni aħjar? Avolja illum sebħet ġurnata ċombija żul minn hemm f’pajjiżna?

Għax il-pożittività pożittività iġġib! U, kif jgħallimna l-umli Franġisku, din il-pożittività kollha ġejja mill-Pożittiv! Il-Pożittiv etern! Il-Mulej nnifsu! Dak il-Mulej li, fil-Ġenesi, kif Hu stess għadu kemm għallimni f’kors mill-isbaħ li qed jagħtini l-grazzja li nsegwi dwar l-għeruq Lhud fil-Kristjaneżmu, minflok ma nservuH huwa Hu li qed iservi lilna! U allura, ngħid jien, quddiem Alla ta’ din ix-xorta, li jservina, ma jistħoqqlux li nfaħħruH? Nirringrazzjawh? U niżżuħ ħajr?

Aħna tant nagħmlu għaġeb għax xi ħadd jaqdina? Tant li nibqgħu nafuhulu għal ħajjitna kollha? Għax qdiena? Għax għamlilna pjaċir? Anki jekk dan ix-xi ħadd, ta’ bniedem jew bniedma li hu jew hi, jaf tiġi ġurnata li jintrefa’ u tintrefa’ minna? Jew tarana barra u qisna ma tafniex? Aħseb u ara l-Mulej mela! Li, b’dik l-umiltà kollha, ġie mnissel minn Marija Verġni, twieled, għex, għadda ħajtu fostna, ta’ ħajtu għalina, qam minn bejn l-imwiet, bagħtilna l-Ispirtu s-Santu, għamilna Knisja waħda, u għadu jagħtina lilU nnifsU kuljum fil-Kelma u s-Sagramenti Mqaddsa! L-aktar f’dak tal-qrar, għax bih jaħfrilna dnubietna li huma ħafna u, fuq kollox, bl-Ewkaristija, għax jagħtina Ġismu u Demmu stess ħa niekluh u nixorbuh! U qed iżommna ħajjin u jieħu ħsiebna kontinwament!

Taqblu miegħi li dan Alla żgur li jistħoqqlu kull tifħir! Għax jekk ma jistħoqqlux Hu t-tifħir, hu li tana kollox, min jista’ tabilħaqq jistħoqqlu jieħu dan it-tifħir? Irid ikolli veru wiċċ ta’ qorqa, biex ma ngħidx ta’ xi ħaġa oħra, jekk indawwar spallejja lejn min tant, kif jgħid San Ġorġ Preca, eċċessivament ħabbna!

Inħeġġek tibda’ l-ġurnata b’dan l-Innu ta’ San Franġisk lill-Mulej jew kif jagħmlu wkoll xi wħud, mat-talb tar-Radju tal-5.30 ta’ filgħodu. Il-Jum mibdi mal-Mulej huwa blata għalli ġej! Mela ibqa’ sod u ibqa’ soda fit-talb! Għax dan hu l-garanzija ta’ fejqan fil-qalb!

U, b’din it-taqbila ħelwa li għallimni l-Għannej, l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu tal-Mulej, Dak li jibqa’ dejjem hemm anki jekk iż-żmien dejjem għaddej, nixtieqlek minn qalbi li l-ħniena, is-sliem, id-dawl, il-qawwa, it-tama, il-faraġ, u l-imħabba tal-Mulej jkunu miegħek sewwa meta tħossok xi ħaġa u anki, u b’mod speċjali, meta tħossok xejn. Ibda’ itlob minn issa, għodu għodu!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.