Ġebla f’idejna, talba f’qalbna


“U nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nagħtikom ġo fikom; naqlgħalkom il-qalb tal-ġebel minn ġisimkom u nagħtikom qalb tal-laħam.” Eżekjel 36, 26. Din is-sentenza hi eżempju tar-rikkezza li hemm fis-simboli bħala sors ta’ talb. Huwa s-simbolu qawwi ta’ ‘qalb tal-ġebel’, magħmul minn żewġ elementi: ġebla u qalb.

Il-qalb bħala simbolu

Fis-sens reliġjuż – fejn is-simboliżmu għandu post prominenti fir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla – il-qalb hi dik li minnha joħroġ it-tajjeb u l-ħażin. Meta ngħidu li xi ħadd għandu qalb tal-ġebel, qed nitkellmu fuq frażi li tfisser ħafna. Hu differenti minn meta nitkellmu fuq il-qalb f’sens informattiv, bħal meta tabib jispjega fuq x’inhi l-qalb u x’funzjoni għandha fis-saħħa tal-bniedem.

Fil-kultura u fil-lingwaġġ tal-lum, it-terminu qalb hu marbut ma’ l-interjorità tal-persuna, u għalina l-ħidma tal-qalb hi li tħobb jew tobgħod. Għalina, il-qalb ma taħsibx; imma mhux hekk fl-antikità, sa mill-eta’ remota tal-Bibbja, fejn il-qalb kienet meqjusa bħala ċ-ċentru tal-persuna, parti l-aktar importanti u l-iktar intima. Il-qalb għandha tkun protetta, għax hi l-mutur tal-ħajja, mhux biss fiżiku, imma wkoll intellettwali, affettiva, morali u reliġjuza. Kienet meqjusa bħala l-punt ta’ bidu assolut fejn jidħlu l-forzi divini u fl-istess ħin fejn il-bniedem jesperimenta r-relazzjoni tiegħu ma’ dak li hu ’l fuq minnu u li kien jemmen fiha. Kienet il-post fejn il-bniedem jiltaqa’ ma’ l-‘ieħor’, li minnu tiddependi ħajtu.

Fis-sens reliġjuż, il-qalb hi kollox; tiġbor fiha dak kollu li jinsab ġewwa l-bniedem, hekk li fl-intimu tal-persuna mhemmx biss is-sentimenti, imma hemm ukoll it-tifkiriet, il-ħsibijiet, ir-raġunar u l-proġetti, kemm tajbin kif ukoll ħżiena. Dan jidher ukoll f’Mt 16, 19: “Għax mill-qalb jiġu l-ħsibijiet ħżiena, il-qtil, tkasbir, iż-żina, is-serq, ix-xhieda giddieba, id-dagħa.”

Il-bniedem mhux dejjem juri minn barra dak li hemm f’qalbu, għax għandu l-ħila li jaħbi u jqarraq, imma normalment ħajtu tirrifletti x’hemm fil-qalb. Għalhekk l-istedina għall-bidla interjuri, fi kliem ieħor il-konverżjoni. Trid tkun bidla fil-qalb tal-persuna u mhux wirja fuq barra ta’ dak li mhemmx fil-qalb. Il-bniedem ma jistax jagħmilha waħdu din il-bidla. Hi rigal mogħti minn Alla, li qed jitlobna qalb ġdida, sinjal ta’ bidla radikali.

Żewġ aspetti ta’ ġebla

Il-‘ġebla’ hi realtà oħra, rikka f’dak li tfisser, kemm f’sens pożittiv kif ukoll negattiv. Il-qalb tindika stabbilita’, forza, reżistenza u sigurezza. Hi xi ħaġa li tibqa’ għal żmien twil hekk li l-patti tal-qedem kienu jitnaxxqu f’monumenti megalitiċi. Il-ġebla, min-naħa l-oħra fiha konnotazzjonijiet negattivi: ħaġa mejta, bla ħajja, kiesħa, ma tħossx, iebsa, li ma tgħaddix minnha. Hi oġġett perikoluż għax tista’ tkun ta’ ostaklu minn min irid jinċampa t-triq.

Alla hu l-blata, il-ġebla tal-fundament żgur. Hu l-ġebla li ma tikkrollax u fuqu titqiegħed il-ħajja tal-bniedem. “Il-Mulej hu l-blata tiegħi u s-sur tiegħi; Alla tiegħi u l-ħellies tiegħi, blata li fiha nistkenn” (2 Sam 22.2). Ġesu’ wkoll, hu l-ġebla ħajja, il-ġebla tax-xewka għal dawk li jemmnu fil-kelma tiegħu. Hu wkoll il-ġebla ta’ skandlu għal dawk li ma jemmnux: “Ara ser insejjes f’Sion ġebla tax-xewka, magħżula li tiswa, min jemmen fiha m’għandux għalfejn jitħawwad ” (1 Pt  2, 4-10).

‘Naqraw’ is-simbolu

gebla.jpg
Żewġ simboli, il-qalb u l-ġebla

Is-sabiħ li fih simbolu, b’differenza minn tixbiha, hu li mhux aħna li niddettaw xi jfisser; hu s-simbolu nnifsu li jispjega ruħu. Għalhekk għandu effett qawwi. Il-meditazzjoni fuq ‘qalb’ u ‘ġebla’, li jiġu mibdula minn Alla f’qalb tal-laħam, għandha qawwa kbira biex tgħaddina għat-talb ta’ tifħir u radd il-ħajr, personali u komunitarju, li mbagħad isir fina – b’mod koerenti – ħajja ta’ impenn.

Il-‘qalb tal-laħam’ trid tkun ir-raġuni tal-ħidma tagħna. Mhux biżżejjed li nkunu intiżi fit-tagħlim tar-Reliġjon, li nisfuljaw il-ħajjiet u l-kitbiet tal-qaddisin – u tal-Fundatur fil-każ tagħna – jekk qalbna mhix biżżejjed ‘tal-laħam’ biex Alla jaħdem fina u bina. Tajjeb li qabel il-qrara li jmissna nagħmlu, noqogħdu ftit fil-kwiet, inqiegħdu idejna fuq qalbna u naraw jekk l-imġiba tagħna ma’ Alla u ma’ l-oħrajn b’mod partikulari ma’ dawk li nagħmluha magħhom kuljum, tirriflettix is-simbolu ta’ ‘qalb tal-laħam’.

Joe Galea