Żewġ imħabbiet fi mħabba

Print Friendly, PDF & Email

Nhar is-Sibt 9 ta’ Novembru 2019 kien jum tassew sabiħ għalija. Dan l-għaliex kelli l-grazzja li nattendi u nikkonċelebra fil-quddiesa solenni li ġiet ikkonċelebrata fil-Bażilika Elenjana ta’ Birkirkara li fakkret il-75 anniversarju mill-purċissjoni li kienet saret bil-kwadru titulari u 1-istatwa devota ta’ Marija lmmakulata, li ittieħdu purċissjonalment minn Birkirkara, fejn kienu miżmuma flimkien, għall-Knisja Arċipretali Bormla.

F’dan id-dawl nixtieq nirringrazzja minn qalbi lill-Propostu ta’ Birkirkara, Mons. Paul Vella, li stieden lill-kappillani Franġiskani Kapuċċini ta’ Mater Dei biex nattendu għal din iċ-ċelebrazzjoni tassew sabiħa u li tedifikak. Ngħidlu grazzi mill-ġdid, f’isem ħuti l-Patrijiet Kapuċċini, li ftakar fina u li inkludiena f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li jagħmlu tant u tant ġid lill-qalb, lir-ruħ u lill-ġisem ukoll.

L-għażiża ommi, Karkariża hi wkoll sa minn ġuf ommha, tiftakar ukoll dan l-avveniment kbir tal-magħruf pellegrinaġġ li kien sar nhar id-19 ta’ Novembru 1944. U, meta għedtilha li kelli l-grazzja li nikkonċelebra f’din il-quddiesa tassew speċjali, tgħidx kemm ferħet! U bir-raġun! Għax dawn l-okkażjonijiet inisslu ferħ u għaqda. U, b’riħiethom, wieħed jibda jara s-sbuħija tal-Knisja bħala familja waħda. U mhux min se jkisser lil min! U min se jakkuża lil min!

Kemm ħadt gost nisma’ il-kumment li għadda r-reverendissmu Propostu Mons. Paul Vella meta, fir-ringrazzjamenti li għamel fi tmiem din il-quddiesa solenni, li l-kor tagħha kien kompost ukoll miż-żewġ korijiet ta’ Birkirkara u Bormla, għoġbu jagħmel aċċenn mill-aktar sabiħ għall-għaqda li teżiżti bejn Bormla u Birkirkara. Fraħt ukoll meta smajt li kemm il-Propostu Vella u anki Dun Anton Cassar, li ilhom jafu lil xulxin minn meta kienu s-sixth form flimkien, daħlu s-seminarju u ġew ordnati saċerdoti flimkien, u li ilhom jafu lil xulxin 42 sena, issa huma wkoll kellhom il-grazzja li jiċċelebraw dan l-anniversarju ta’ għaqda bejn iż-żewġ parroċċi li jieħdu ħsieb flimkien. B’tant sagrifiċċju, għaqal u żelu. Kemm hi sabiħa l-għaqda ħbieb! U kemm hi kontaġġuża!

Laqtitni ħafna wkoll l-omelija sabiħa li l-Ispirtu tal-Mulej ta lil Dun Anton Cassar, l-Arċipriet ta’ Bormla. Fiha tgħallimt li l-qaddisin qiegħdin hemm biex iressquna lejn il-Mulej u mhux biex ikeskuna sakemm iġelduna. Ħadt gost meta l-Arċipriet Cassar semma l-fatt li l-Knisja ilha tgħallem li permezz ta’ Ġesù BISS hemm is-salvazzjoni! Mela ejja jkollna naqra melħ f’moħħna, jiena l-ewwel wieħed, li aħna nsalvaw permezz ta’ Ġesù! Għax Hu ta’ ħajtu għalina! U min qed jiġi jħabbtilna fuq il-bibien tal-injam u bil-mezzi tax-xandir b’dan il-messaġġ, ejjew ikollna l-kuraġġ li ngħidulu, b’imħabba u b’umiltà ta’ Nsara li nappartjenu għall-Knisja ta’ żmien Ġesù u l-Appostli, li mhu qed jgħix XEJN ĠDID! Għax il-Knisja Kattolika dan, la ġejja direttament minn Ġesù permezz tal-Appostli tiegħu, ilha tgħallimunna dan it-tagħlim importantissmu mill-ewwel nifsijiet tagħha.

Barra minhekk, Dun Anton semma r-rabta speċjali li hemm bejn dawn iż-żewġ nisa li huma l-qaddisin Padruni ta’ Bormla u Birkirkara, jiġifieri, Marija u Elena! It-tnejn li huma għaddew mill-esperjenza tas-salib. It-tnejn li huma għexu, fil-milja tagħhom, is-sentenza mill-isbaħ ta’ Ġesù li tgħid, lili u lilek li nistqarru li nemmnu fiH: Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja (Mk 8:34). It-tnejn li huma kienu nkullati ma’ Ġesù. Ibda’ minn Marija. L-aktar taħt is-salib ta’ Binha. Għax, minkejja l-insulti, l-ingratitudni u l-kefrija li rat quddiem wiċċha, Marija GĦAŻLET li ma tinġarrx mal-kurrent. Mal-emozzjonijiet imqallba li setgħet ħasset, ta’ umana li kienet, għal dak li kien qed iseħħ quddiemha. Minflok, GĦAŻLET LI TIBQA’ b’ħarsitha mwaħħla lejn is-salib ta’ Ġesu Binha! Mela, baqgħet tiffoka fuq il-missjoni tagħha li ngħatalitha permezz tat-tħabbira tal-Anġlu tlieta u tletin sena qabel.

Kemm ħadt gost li Dun Anton saħaq fuq il-fatt li huwa biss meta ngħaddu mill-esperjenza tas-salib li nistgħu, tabilħaqq, nesperjenzaw il-qawmien mill-imwiet. Apprezzajt ħafna li l-Arċipriet fetħilna għajnejna biex ma ninġarrux minn tip ta’ spiritwalità li teskludi l-persekuzzjoni, it-tbatija u l-uġiegħ. Spiritwalità bħal din hi tassew giddieba u qarrieqa għax ma twassalx il-messaġġ Nisrani kif inhu. Dak il-messaġġ li jfakkarna fl-imħabba, fis-servizz, fis-salib, fil-mewt u fil-qawmien.

U hawn tidħol Elena! Anki hi, li marret Ġerusalemm biex tfittex u issib is-salib ta’ Ġesu, seħħilha tgħaddi wkoll minn tbatijiet kbar. F’ħajjitha ġarrbet ħafna u ħafna wġiegħ. Ibda’ biex spiċċat iddevorzjata bla ma riedet. Fil-fatt, kien żewġha stess, Kostanzju Kloru, li, minħabba raġunijiet politiċi, abbandunaha fiż-żwieġ tagħha. Madankollu, Elena, bħal Marija, baqgħet tħares lejn is-salib ta’ Ġesu. Tant li ħallietu jsalvaha. U kien għalhekk li setgħet tara l-qawmien! U illum, flimkien ma’ Marija, Elena tista’ tinseġ dak l-innu mill-isbaħ li jagħtina l-evanġelista San Luqa u li ħareġ minn fomm Marija fid-dar li laqegħtha, dik ta’ Santa Eliżabetta:

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja, għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu, bħalma wiegħed lil missirijietna,
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem (Lq 1:47-55).

Nemmen bis-sħiħ li kemm Marija u kif ukoll Elena, fis-sema, dan l-Innu faħħru lill-Mulej bih flimkien nhar is-Sibt 9 ta’ Novembru 2019. Tul din l-ewkaristija mill-isbaħ li ħarġet minn qalb il-Bażilika Elenjana mill-poplu ta’ Alla Karkariż u Bormliż. L-għaliex, bit-talb qawwi ta’ dawn iż-żewġ nisa kbar, waħda Omm il-Feddej u l-oħra Bint u Oħt Ġesù u Marija stess, fetħulna qalbna, lilna li konna qed nassistu bi ħġarna għal din il-quddiesa solenni. Talbhom għenna nifhmu s-siewi li nservu lil xulxin għax irridu. Jiġifieri mir-rieda ħielsa tagħna.

Jien u nħarbex dawn il-kelmtejn illum, bit-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu, li aqta’ kemm tlabtu jgħinni, għadni nisma’, fis-skiet ta’ kamarti tal-kunvent, il-kliem li qal l-Arċipriet Cassar fl-omelija sabiħa li għamel meta semma t-tieni talba Ewkaristika. “Fit-Tieni talba Ewkaristika nsibu miktub: Li, meta kien se jingħata biex minn rajh ibati”. Apprezzajtha l-mistoqsija li l-Mulej tani, għalija personali, permezz tal-Arċipriet, meta ħassejtu jistaqsini, fil-qalba ta’ qalbi: Patri Mario kemm qed tagħti ħajtek għalija għax trid? U mhux għax imġiegħel? Kemm tkun sabiħa hux l-imħabba meta tkun frott ta’ għotja ħielsa u mhux ta’ bil-fors!

Jien u naħseb fuq dan id-diskors tant u tant għalliemi, ġiet quddiem għajnejja silta mill-isbaħ li nsibu fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru li tgħid hekk: Irgħu l-merħla ta’ Alla fdata f’idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma minn qalbkom, kif irid Alla (1 Pt 5:2). Kos hux! Kemm jagħmel sens mela dak id-diskors li qal l-Arċipriet li l-imħabba vera hi ħielsa! Għax, propju,
ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha (1 Kor 13:5).

Qabel nagħlaq nixtieq insemmi żewġ affarijiet ħelwin li missew lil qalbi u tant kemm għallmuni f’din l-okkażjoni mill-isbaħ. L-ewwel nett, f’omelija ppreparata u li tmiss il-qalb, ta’ mhux aktar minn 18-il minuta, messaġġ ta’ għaqda, tagħlim u anki ta’ tħeġġiġ fil-fidi tassew seħħlu jmiss ħafna u ħafna qlub. U, it-tieni, il-ġesti sbieħ ta’ apprezzament mill-parroċċa ta’ Bormla fl-għoti tal-kalċi ħamsa u sebgħin sena ilu u li ntuża nhar is-Sibt 19 ta’ Novembru 2019 fil-quddiesa kkonċelebrata u kif ukoll il-pittura sabiħa tal-Immakulata li ngħatat lill-parroċċa ta’ Birkirkara din is-sena, f’għeluq il-ħamsa u sebgħin anniversarju mill-pelligrinaġġ li kien sar bil-kwadru titulari u 1-istatwa devota ta’ Marija lmmakulata, juru li l-apprezzament u l-għaqda ma jiskadu qatt.

Għalhekk Bormla, Birkirkara u kull persuna li hawn fuq l-art, issellimlek O Marija b’dawn il-kelmiet:

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm qaddisa ta’ Alla: la twarrabx minn quddiemek it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna, u eħlisna dejjem minn kull tiġrib, o Verġni glorjuża u mbierka. Amen.

U, jien u int, li aħna midinbin, ħa nibqgħu iva ngħidulha lil Marija, f’kull nifs ta’ ħajjitna: O Marija li dħalt fid-dinja mingħajr Tebgħa, aqlagħlna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija. Amen.

X’saħħa hemm hux fl-imħabba ta’ Marija u Elena, għalija u għalik, fi mħabba waħda: dik li trid tara lilek u lili, għal dejjem magħhom, fis-Sema Pajjiżna!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: