Attenti minn Malku!


Waqt li qiegħed nistrieħ ftit u nismaħ l-għaraq, wara xebgħa ġiri mal-kurituri tal-Isptar Mater Dei, li jista’ jifhimhom biss u jkollu ħniena min ħadem jew almenu jipprova jidħol b’kompassjoni fid-dinja ta’ min jaħdem lejl u nhar mal-morda, il-Mulej ġabli quddiem għajnejja talk mill-isbaħ li kont smajt żmien ilu fuq Malku.

Imma, tgħidli, Malku f’hiex jidħol Patri? Jidħol sieħbi! Ma nafx għaliex aħna iffissati f’Ġuda l-Iskarjota. Jew, kif iħobbu jiċċajtaw uħud, għax jgħidulu l-iskalora. Ġuda kien dak li ttradixxa lil Ġesù b’bewsa. Ħbieb, bewsa m’hix ċajta tafux! Bewsa m’hijiex u qatt m’għandha tkun, espressjoni ta’ ‘mħabba’(?) irħisa ta’ skappatella. Lanqas m’għandha tkun xi ħaġa formali ta’ quddiem in-nies. Għax, la hemm il-cameras, ejjew nidhru sbieħ! Mela ejja nbusu kemm nifilħu!

Bewsa hi xi ħaġa serja ħafna! Bewsa hi sagra! Għax bewsa tfisser li jien qed nuri dak li hemm f’qalbi, f’ġismi u f’ruħi għalik. Bewsa tfisser li dak li hemm għalik, u li qiegħed moħbi fija, qed joħroġ għalik f’dan il-ġest intimu u qaddis. Dejjem, u sintendi, jekk tkun bewsa nadifa! U ‘il bogħod minn kull passjoni! Mela, allaħares qatt jekk bewsa tkun giddieba! Kemm tweġġa’! Xi ħsara tagħmel! Tinħass bellusija imma meta tkun ipokrita tniggeż daqs ma nafx xiex! Għax tispiċċa tkun barbed wire. Jiġifieri, dak il-wire tal-azzar li kien idawwar il-kampijiet ta’ konċentrament fl-aħħar gwerra dinjija. U, għal ġieħna, dan il-wire aqta’ kemm jixxokja!

U mela bewsa qarrieqa ma tixxokjanix waħda għall-festi kmandanti! Dan kif tiġi tbusni meta int għandek kontrija? Kif tiġi tbusni meta ħriġt għalija bil-fanali, torċi u armi (Ġw 18:3)? X’għamiltlek jien biex qed tikkomplotta kontrija tiegħek? X’għamiltek biex qed tgħir għalija daqshekk hekk li trid tkissirni bil-goff jew bil-pulit? Konna ħaġa waħda flimkien? Konna tant ħbieb? Imma ħej, bit-tradiment li ħejjejtli, nista’ ngħid li fik kelli ħabib u ħabiba? Nista’ ngħid li int kont ta’ min jafdak? Nista’ ngħid li aħna konna tassew ħbieb?

Il-Kelma ta’ Alla turina dan id-diżappunt u l-uġiegħ kbir ta’ persuna li tkun ġiet ittraduta. Salm 55 jitħaddet waħdu fuq dan l-uġiegħ. M’huwiex xi għadu dak li jċanfarni; li kien hekk, kont nissaporti. M’hux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; li kien hekk, kont ninħeba minnu. Imma int, wieħed bħali, sieħbi u ħabib tal-qalb, li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta’ Alla (S 55:13-15).

Ġuda għandu kulħadd. Kellu Ġesù, li hu Alla, ma jkollniex int u jien? U biex ma jkollokx u ma jkollix Ġuda irridu ngħixu f’kamra f’għalqa. Hemm! Għall-kwiet! Imma dan mhux possibbli ħbieb! Mela, jekk qed ngħix fil-familja għandi l’ Ġuda. Jekk fil-kunvent, għandi ‘l Ġuda ukoll. Jekk fil-politika, għandi l’ Ġuda. U fuq ix-xogħol? Productions ta’ Ġuda! L-isem Ġuda jfisser “tifħir”. Mela, Ġuda, suppost li ħajtu hi tifħir lill-Mulej. Imma li naqlibha lir-raġel u lill-mara? Li nagħmel il-bsaten fir-roti lil ħija l-Patri, il-Fra u s-soru? U infern ħajjet qassis li suppost qed ngħin? Li nkisser l-armonija tax-xogħol fejn naħdem? Issejħilhom int tifħir lill-Mulej dawn l-għemejjel jew tmaqdir u żeblieħ lill-Mulej?

It-tradiment att sataniku. Għax, minflok il-ġieħ qiegħed jingħata lill-Mulej, kif tassew jistħoqqlu, il-ġieħ qed jiġi mogħti lix-xitan. Jiġifieri, lill-qarrieq tad-dinja kollha (Apk 12:9). U, jaħasra, fit-tradiment nkunu qed naqgħu fl-istess xibka li jwissina Ġesù fil-vanġelu: Tagħtux lill-klieb dak li hu qaddis, u tixħtux il-ġawhar tagħkom quddiem il-ħnieżer li ma jmorrux jgħaffġuhom b’saqajhom u mbagħad iduru għalikom u jqattgħukom bi snienhom (Mt 7:6). U x-xitan x’inhu jekk mhux il-kelb li jipprofana dak li hu qaddis? U l-ħanżir li jgħaffeġ taħt saqajh il-fiduċja u li jipprova jqatta’ bi snienu lil min jafda fih?

Din narawha ċar kif spiċċa Ġuda! Meta dawk li kkonffofaw miegħu biex jaqbdu lil Ġesù tawh it-tletin biċċa tal-fidda x’għamlulu? Ramewh! Isimgħu l-vanġelu stess x’jgħid: Mbagħad Ġuda, it-traditur, meta ra li Ġesù kien ikkundannat, nidem u mar bit-tletin biċċa tal-fidda għand il-qassisin il-kbar u x-xjuħ biex jerġa’ jagħtihomlhom lura; u qalilhom: “Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija!” Iżda huma qalulu: ‘Aħna din x’inhi affari tagħna? Dak arah int!” (Mt 27:3-4).

Rajthom x’distanza kiesħa ħadu minnu! Mela l-ewwel qagħdu jrewħulu! U jagħmlulu l-kuntratti bil-flus! U mbagħad, x’ħin qdiehom mill-koxxa, ramewh! Bħalma narmu ż-żibel u l-ħmieġ! U hawn hu l-iżball li għamel l-imsejken Ġuda. Minflok ma’ mar għand Ġesù, il-Ħniena vera, kif għamel Pietru, mar għand ix-xitan. F’kelma waħda mar għand dawn in-nies imxajtnin li ħadu distanza kiesħa minnu għax ħallewh jitħammeġ u jitmiegħek fit-tradiment tiegħu! Mela, qabel ngħid li illum ma nista’ nafda lil ħadd, aħjar nibda’ nafda f’Ġesù qabel ħbieb! Aħjar nibda’ nitlob dik il-Kurunella tal-Ħniena Divina kuljum u mhux immaqdarha għax dejjem nirrepetieha! Mela issa kemm sirt bravu u brava f’daqqa waħda? Ara ‘l ħajti u ara għandhiex paċi? Jekk paċi m’għandiex sinjal li lil Ġesù ma nafdahx! U għax ma nafdahx sirt bħad-dragun li b’ħajti, għax ‘il bogħod minn Kristu, qed nadura lilu.

Intant!… Aktar kmieni għedt li Ġuda ma jiġix waħdu. Żgur li le sieħbi! Ġuda dejjem għandu miegħu lil Malku, il-qaddej tal-qassis il-kbir (Mt 26:51). Ġuda, li kien wieħed minn tal-qalba ma’ Ġesù, ma kienx waħdu f’dan il-komplott tal-komplotti. Miegħu kellu lil Malku. Issa, dan Malku, kien dak li, minn wara l-kwinti, firex is-sodda lil Ġuda. Kien dan li ħejja kollox biex lil Ġesù jaqbduh u jarrestawh. Interessanti ħafna li meta arrestaw lil Ġesù Pietru silet is-sejf u lil Malku qatagħlu widintu (Mt 26:51). Anki jekk żbalja Pietru mar fuq ras il-għajn tal-problema! Malku kien il-widna fil-komplott. Malku ġie mitmugħ minn Ġuda u Ġuda ħalla lilu nnifsu jiġi mfixkel u mħassar minn Malku!

Ħbieb, il-Malkijiet insubhom kullimkien! Ma ninsewx! Dawn huma l-qaddejja tal-qassis il-kbir! Tal-qassis huma l-qaddejja imma żgur mhux tal-Mulej! Is-salmi jfakkruni fl-għemil faħxi li wettaq Malku minn wara l-kwinti. Dawn huma x-xhieda qarrieqa [li jqumu] kontrija, li l-qerq jarmu man-nifs tagħhom (Salm 27:12). Dawn il-Malkijiet jsinnu bħal sejf ilsienhom, jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ, biex mill-moħba jolqtu ‘l min hu bla ħtija, jolqtuh għal għarrieda, bla biża’ ta’ xejn. Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom, jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi, u jgħidu: “Min se jarana?” Ifittxu l-ħażen, ifasslu pjan maħsub sewwa (S 64:4-7).

Imma Malku jinqabad! U jkolli jagħti kont ta’ għemilu! Għax, kif jgħid Ġesù, xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf (Mt 10:26). U tant kemm kliem Ġesù hu tassew minnu li Salm 64 jgħid hekk: Imma Alla bil-vleġeġ jolqothom; f’daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi. Minħabba lsienhom isiru ħerba; kull min jarahom iħarrek rasu (S 64:8-10). U ara naħsbu ħbieb li hu l-Mulej li se jikkastigahom lill-Malkijiet. LE! Jikkastigahom il-ħażen u l-ħmieġ li jagħmlu u jgħidu huma stess minn wara l-kwinti! Bħalma tgħid il-Kelma ta’ Alla: Il-ħażin ħżunitu teqirdu (S 34:22).

Tafu x’inhi s-sabiħa ħbieb? Li Ġesù ħalliehom jarrestawh. Lil Pietru qallu: Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered. Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta’ anġli? (Mt 26:52-53). U lil Malku x’għamillu?
Jgħidilna San Luqa:U messlu widintu u fejjqu (Lq 22:51). Ħalli dik il-widna, minflok li tisma’ ħa tara kif se tikkonġura, tkisser, tagħmel il-preferenzi, tagħżel lin-nies u ssodd lilha nnifisha biex taqdi lil tal-koxxa u tal-klikka filwaqt li lill-oħrajn titratthom ta’ żibel, tibda’ tħobb lil kulħadd! Tibda’, f’kelma waħda, tisma’ tapplika l-kliem li applika għalih innifsu Ġesù stess meta qara minn Iżaija dan il-kliem:

L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qalb miksura; biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs; biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej, u jum il-vendetta ta’ Alla tagħna; biex infarraġ lill-imnikktin (Is 61:1-2).

Il-vendetta nagħmilha billi ma nagħmilmhiex la mill-Ġudiet u lanqas mill-Malkijiet ta’ ħajti. Ġesù qalli biex indaħħal is-sejf tal-vendetta f’postu! Ieqfu! Biżżejjed! (Lq 22:51). Ejja nitlob għal min joħroġ għalija fil-familja, fix-xogħol, fil-kunvent, fil-politika u f’ma nafx fejn, qisu ħareġ għal xi ħalliel, għax armat bis-sjuf u l-bsaten biex jaqbadni f’xi kelma ħa jagħmilli l-ħsara! (ara Mt 26:55). Nafħrulhom u nitlobu għalihom lil dawn in-nies! Imma m’għandniex le nafdawhom. Għax mhux ta’ min jafdahom. Imma hu ta’ min iċanfarhom bil-ħlewwa u jixfilhom il-qerq tagħhom ta’ Malkijiet u Ġudiet li huma!

Mulej, l-isem Lhudi Malkus bil-Malti jfisser is-sultan tiegħi. Ġesù, millum ‘il hemm Int is-sultan tiegħi. Fik nafda! Nemmen fik jew ma nemminx Ġuda u Malku dejjem se jkolli f’ħajti. Anki Int, f’ħajtek, Ġuda u Malku ħakkew miegħek. Imma jien nafda fik! Għax naf li Int se tipprovdili f’min għandi nafda u ngħodd b’veru ħabib u ħabiba, b’ħija u oħti ta’ veru! Ġesù żommni ‘l bogħod minn Malku! U widnejja għinni nużahom biex nisma’ lilek fil-Bibbja, fil-Knisja u f’ħuti u mhux dak li rrid nisma’ jew li nħoss li għandi nisma’ jien! Amen!

Sieħbi, itlob, aħfer, bierek u widdeb lil Malku. Imma żomm ‘il bogħod minnu! Tafdahx!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.