Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Fejn


L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent – Il-Ħadd

FEJN – “Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla.” – Salm 46:11

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Fi żmien Ġesù, Nazaret kienet raħal daqs naqra qalb il-muntanji, xi tnax-il mil fil-lbiċ tal-Baħar tal-Galilija. Kienet komunità żgħira ta’ bejn wieħed u ieħor mitejn familja, mgħaddsa fil-kultura tradizzjonali Lhudija f’dinja li kienet influwenzata bil-kbir mill-ħsieb Grieg. B’popolazzjoni ta’ mhux iktar minn ħames mitt ruħ, faċli nemmnu li kulħadd kien jaf lil kulħadd – u li kulħadd kien jaf kollox fuq kulħadd. Nazaret kienet żgħira. Kienet kwieta. Ma kinitx importanti f’għajnejn ir-Rumani, u ma kienet tagħmel l-ebda differenza fil-ħsieb ta’ ħafna Lhud ta’ dak iż-żmien.

Nazaret kienet il-post fejn kien jgħix Ġużeppi. Nistgħu nistħajlu kif ir-realtajiet ta’ barra ta’ dan ir-raħal ċkejken għenu biex jagħġnu r-realtà tiegħu minn ġewwa. Is-sempliċità ta’ Nazaret għenet biex Ġużeppi jżomm ruħu ffukat fuq il-mira waħdanija tiegħu: Alla. Il-faqar umli ta’  Nazaret seddaq il-virtù tal-umiltà fil-qalb ta’ Ġużeppi. Il-ħajja kajmana tal-post xettlet ir-ritmu kontemplattiv fil-ħajja tiegħu. Nazaret kien iżjed minn post fejn Ġużeppi kien jgħix; kienet fejn hu kien jinsab. Kien kuntent fejn kien għax kien kuntent b’min kien.

Importanti għalina nqisu lil Nazaret, bis-sempliċità u l-imperfezzjoni kollha tagħha, bħala d-dar li Alla għażel għal Ġużeppi. Għaliex? Għax ħafna minna wkoll insibu ruħna f’familji imperfetti, fi staġuni imperfetti tal-ħajja, u sitwazzjonijiet imperfetti. Ejjew nibdew dan il-vjaġġ b’mistoqsija: Kif tħossok dwar fejn tinsab f’ħajtek? Ħajtek… iż-żwieġ tiegħek… il-vokazzjoni tiegħek… il-familja tiegħek… saħħtek… ix-xogħol… l-imgħoddi tiegħek… il-ħolm tiegħek? Kif tħossok dwar fejn tinsab f’ħajtek bħalissa?

It-tentazzjoni tpespsilna hekk f’widnejna: “Kieku kont hemmhekk flok hawn, kont inkun ferħan… Kieku kelli xogħol ieħor, kont inkun ferħan… Kieku kont band’oħra jew ma’ xi ħadd ieħor, kont inkun ferħana…”. B’rispett kbir nixtieq nistieden lil kull wieħed u waħda minna jqis kif, waqt li ċ-ċirkustanzi tagħna ta’ bħalissa huma importanti u għandna nagħtu kashom, huwa iktar importanti li nibdew mnejn jinsab Alla. Jekk Alla wassalna fejn ninsabu bħalissa, mela l-ferħ tagħna mhux ħa nġibuh mill-post fejn ninsabu; ħa jiġi minn Alla. Alla kien f’Nazaret għax hemmhekk kien Ġużeppi. Alla jinsab miegħek; hu jinsab fejn tinsab inti.

Fejn tixtieq tkun sa tmiem dan l-Avvent? X’tixtieq mill-Mulej minn issa sal-Milied? Jekk Alla jista’ jagħmel xi ħaġa f’ħajtek tul dan iż-żmien tal-Avvent, x’tixtiequ jagħmel?

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bis-Salmi. Ibda billi taqra bilmod is-Salm 46, speċjalment vers 11. Aqrah iktar minn darba. Qis kemm spiss Ġużeppi kien jitlob bil-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Kif tgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok biex tagħmel minn dan l-Avvent l-aqwa wieħed li qatt kelli. Għinni nikkalma, inħaddan is-skiet, u nsibek miegħi, hu x’inhu l-post li fih ninsab.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.