Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Magħżul

Print Friendly, PDF & Email

L-Ewwel Ġimgħa – It-Tnejn

MAGĦŻUL – Miegħek tingħaqad ruħi, int tweżinni bil-leminija tiegħek.” – Salm 63:9

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Min hu Ġużeppi? X’tip ta’ persuna kien? Maż-żmien intbaħt li Ġużeppi ma kienx dak ir-raġel passiv impinġi b’ġilju bajdani f’idu, lanqas hu xi ħadd li kellu bżonn min jikkonvinċih dwar il-pjan ta’ Alla. X’qanqal it-tiftixa tiegħi biex insir naf b’mod aktar sħiħ lil Ġużeppi?

Jien u nfittex fuq xi ħaġa oħra fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, iltqajt mal-paragrafu 239, li jitkellem fuq il-paternità ta’ Alla. Qrajt kif ix-xbieha ta’ Alla bħala Missier “turi aktar l-immanenza ta’ Alla u l-intimità li hemm bejn Alla u l-ħlejjaq tiegħu. B’hekk kliem il-fidi jinbena fuq l-esperjenza umana tal-ġenituri li b’xi mod huma l-ewwel rappreżentanti ta’ Alla għall-bniedem. Imma din l-esperjenza tgħidilna wkoll kemm huma dgħajfa l-ġenituri tal-bnedmin u għalhekk jistgħu jħassru d-dehra tal-paternità u l-maternità. Jaqbel għalhekk li niftakru li Alla hu ’l fuq minn kull għażla bejn sess u ieħor. Alla la hu raġel u lanqas mara, imma hu Alla. Hu wkoll ’il fuq mill-missier u l-omm tal-bnedmin, mill-paternità u l-maternità tal-bnedmin”.

Qisni ħbatt ġo trakk: Il-ġenituri huma “l-ewwel rappreżentanti ta’ Alla għall-bniedem”. Dak ifisser li Alla għażel apposta raġel wieħed – raġel wieħed fl-istorja kollha tal-bnedmin – biex “jirrappreżenta” l-paternità għal Ġesù. Dan kien Ġużeppi. Meta Alla l-Missier ried juri lit-tfajjel Ġesù kif tkun il-paternità, huwa għażel lil Ġużeppi. Meta għażel lil Ġużeppi, Alla ra li jagħżel bniedem li ma kienx ser “iħassar id-dehra tal-paternità” ta’ Alla. Għalhekk, Ġużeppi huwa ħafna iżjed minn ġilju bajdani; kien bniedem ta’ qdusija kbira. Kien bniedem ta’ aspett maskili awtentiku. Laħħam fih ħajja ta’ virtù. Għex fil-ħemda “ġewwa fih”. Kellu ħajja interjuri matura u fehem l-ubbidjenza bħala dik li sseddaq l-intimità u s-smigħ ta’ dak li jgħid Alla. Ħabb il-Kelma ta’ Alla. Ħabb lil Alla. Dan kollu jgħinna napprezzaw kif Ġużeppi ġie magħżul biex lil Ġesù jurih xbieha ta’ paternità awtentika.

Alla għażel lilek ukoll. Int ġejt magħżul minn Alla biex tkun rappreżentant tiegħu. Bla dubju, jekk int ġenitur, il-Knisja tfakkrek li l-ġenituri “b’xi mod huma l-ewwel rappreżentanti ta’ Alla għall-bniedem”. Imma l-Magħmudija tiegħek tfisser li int ġejt magħżul biex tagħti xhieda ta’ Alla fid-dinja: fuq ix-xogħol, fil-familja tiegħek, u fil-komunità tiegħek. Alla lilek għażel. Ħajjitna tikxef xi ħaġa. Aħna diġà qed nagħtu eżempju biex oħrajn jimxu fuqu. Bil-mod ta’ kif ngħixu ħajjitna, aħna nagħtu eżempju lil żewġna jew martna, lil uliedna, lil ħbiebna, lill-kollegi tagħna, lil Insara oħra, u lil kull min niltaqgħu miegħu. Diġà qed nagħtu eżempju. Il-mistoqsija hi x’tip ta’ eżempju qed nagħtu. Xi trid turi b’ħajtek?

L-istorja tal-Avvent tasal fil-quċċata tagħha fil-Milied, li juri l-għatx li għandu Alla għalina. Alla jrid il-qdusija tagħna. Għalhekk, jekk Alla jista’ jagħmel xi ħaġa f’ħajtek, xi tridu jagħmel?

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bis-Salmi. Ibda billi taqra bil-mod is-Salm 63. Aqrah iktar minn darba. Qis kemm spiss Ġużeppi kien jitlob bil-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok biex tagħmel minn dan l-Avvent l-aqwa wieħed li qatt kelli. Għinni nikkalma ħalli nsibek miegħi. Irrid inkun il-persuna li int sejjaħtli biex inkun. Irrid inkun ta’ eżempju.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: