Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Responsabbli

Print Friendly, PDF & Email

It-Tielet Ġimgħa – Il-Ħadd

“Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja.” – Salm 127:1

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Iċ-ċensiment ma kienx fil-pjanijiet ta’ Ġużeppi. Kien qatta’ l-aħħar xhur iħejji d-dar għall-wasla ta’ Marija. Ħassu responsabbli li jipprovdilha dar. Iktar minn hekk, Ġużeppi ħass dak li jħoss kull raġel li ħa jsir missier għall-ewwel darba. Naturalment, ir-raġel jistaqsi: “It-tarbija OK? Tgħid fil-ħlas kollox sa jmur kif ippjanat?”. Imma jistaqsu wkoll: “X’se nagħmlu wara? Għandna biżżejjed biex ngħixu bħala familja? Nista’ nagħmlu dan jien?”. Meta dawn il-mistoqsijiet jitlajjaw fil-fond ta’ qalb ta’ raġel, hemm huwa jħoss it-“toqol” tar-responsabbiltà.

U hawn jitfaċċa ċ-ċensiment. Ġużeppi jkolli jieqaf minn kulma kien qed jagħmel biex jaqbad u jieħu lil martu u t-tarbija disgħin mil ’l isfel. Iċ-ċensiment ikkawża ħafna tħarbit fil-komunità Lhudija, kif kulħadd kellu jaqbad triqtu lejn dar missirijietu. Dan kien ifisser li kien se jkun hemm periklu ikbar fl-ivvjaġġar. Ġużeppi żgur li ħassu dan it-toqol ta’ responsabbiltà biex jipproteġi l-familja tiegħu. Iktar minn hekk, kienu jafu li Marija daqt kien ħa jagħlqilha ż-żmien biex teħles, imma meta? Ma kienx hemm tobba. Ma kienx hemm data meta. Ġużeppi jħossu responsabbli li jasal Betlehem fil-ħin biex Marija tista’ teħles bil-kumdità kollha.

Kif kont tħossok kieku kellek tipproteġi lill-Feddej tad-dinja u lill-unika mara bla dnub imwielda barra mill-Ġnien tal-Għeden? Kif kont tħossok li kellek tieħu lil martek bi tqala ta’ tmien xhur u nofs fuq vjaġġ ta’ ħmistax u kull filgħodu tqum tistaqsi bejnek u bejn ruħek: “Tgħid illum? Tgħid se teħles illum? Se jirnexxielna naslu?”.

Ġużeppi kien jaf fejn għandu jmur bil-qalb tiegħu. Il-ħsieb ta’ Alla żgur li kontinwament fakkru fid-differenza bejn ħarsien u ħakma, u hemmhekk qiegħda l-gidba tal-piż tar-responsabbiltà. Meta jien naħkem fuq xi ħaġa, din hi tiegħi. Għandi d-dritt nagħmel biha li rrid. Min-naħa l-oħra, differenti ħafna meta jiena fdat b’xi ħaġa. Ngħidu aħna, kieku kelli nagħtik kalċi tal-quddiesa vojt, u nitolbok iżżommu f’idek, ma kontx iżżommu b’qima? Kieku tajtek kalċi mimli bid-Demm prezzjuż ta’ Kristu, ma kontx iżżommu f’idek b’qima ikbar? Jekk nafdalek xi ħaġa qaddisa, fl-aħħar mill-aħħar jiena responsabbli biex immexxik. Aħna responsabbli biex nagħmlu dak li jintqalilna nagħmlu, imma l-proprjetarju huwa responsabbli li jagħtina direzzjoni.

Ġużeppi ħassu responsabbli għax kien responsabbli. Madankollu, hu kien responsabbli bħala wieħed li ġie fdat b’dak li kien ta’ Alla. Ġużeppi kien responsabbli li jagħti widen lil Alla – u Alla kien responsabbli għall-bqija kollu. U int? Fiex tħossok responsabbli? Iktar importanti minn hekk, fejn “tmur” b’dak is-sentiment?

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bis-Salmi. Ibda billi taqra bil-mod is-Salm 127. Aqrah iżjed minn darba. Qis kif Ġużeppi spiss kien jitlob b’dawn il-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok biex qatt ma nifxel il-ħarsien ta’ xi ħaġa fdata f’idejja ma’ ħakma fuqha. Għinni nafda fik f’kollox. Għinni nafda li int veru qed taħdem f’ħajti.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Leave a Reply

%d bloggers like this: