Il-Milied u r-rigali


Waħda mill-karatteristiċi tal-Milied hija l-għoti tar-rigali. Dan ifisser sens ta’ ħbiberija. Ikun xieraq li ninżlu fil-fond tat-tifsir tagħhom.

1 Kristu huwa r-rigal ta’ Alla

Jekk noqogħodu nirriflettu naraw li kull rigal għandu dawn il-karatteriċi. i) Huwa mogħti minn xi ħadd; ii) Jikkonsisti f’xi ħaga; iii) Huwa ddestinat għal xi ħadd ieħor.

Dawn il-karattaristiċi nistgħu napplikawhom għal Kristu li huwa r-rigal ta’ Alla għalina. Ġesù jfissirhom sewwa fil-Vanġelu ta’ San Ġwann: “Iva, Alla hekk ħabb id-dinja, li ta l-Iben tiegħu l-waħdieni, biex kull min jemmen bih ma jintilifx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem; għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja, biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja tkun salvata bih’ (3,16-17).

Iż-żmien tal-Milied għandu jkun wieħed li napprezzaw dan ir-rigal li huwa tassew kbir. Alla ma taniex xi ħaġa materjali li tgħaddi u tispiċċa maż-żmien iżda tana lil Ibnu stess. San Ġwann tas-Salib jgħidilna: “Għax meta tana lil Ibnu fis-sura li tahulna, meta tana dak l-Iben li waħdu huwa l-Kelma waħdanija tiegħu, Alla qalilna u rrivelalna kollox f’daqqa permezz ta’ din il-Kelma waħdanija tiegħu, hekk li issa ma għandux xi jgħidilna aktar” (Telgħa tal-Għolja tal-Karmelu 22, 2).

Alla tana kollox fi Kristu. Għalhekk huwa l-milja tal-wegħdiet li Alla kien wiegħed lill-poplu Lhudi. In-nisrani li jfittex esperjenzi ta’ dehriet jew affarijiet ġodda fi kliem l-istess qaddis: “dan ikun qisu jagħmel insult lil Alla, għax juri li xejn ma qiegħed iżomm ħarstu fuq Kristu, jew li jrid ikun jaf xi ħaġa barranija u ġdida  mhux permezz ta’ Kristu” (Telgħa għall-Għolja tal-Karmelu 22,2).

Għalhekk Alla tana aqwa rigal. Fil-Magħmudija tal-Mulej insibu l-leħen tal-Missier li qal: “Dan hu ibni l-maħbub, li nitgħaxxaq bih” (Ġw 3, 17). Kristu ma kienx xi bniedem straordinarju iżda l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Insibu miktub fl-ittra lil-Lhud: “Wara li bosta drabi u b’ħafna manjieri kellem Alla lil missirijietna bil-profeti, f’dawn il-jiem kellimna b’Iben, li Hu għamlu werriet ta’ kollox u li bih ukoll ħalaq id-dinja” (1,1-2).

L-ispirtu tal-Milied huwa prinċipalment li nitfgħu ħarsitna fuq Kristu tarbija u naraw kif qiegħed jidħol f’ħajjitna. Nistaqsu lilna nfusna kif Kristu qiegħed ibiddilna. Huwa għandu messaġġ ta’ tama lill-bnedmin sewwa lil dawk li huma qrib tiegħu kif lil dawk li qegħdin fid-dubju tal-fidi u dawk li huma mbegħdin minnu. Huwa stess qalilna: “Mhux dawk li huma b’saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda. Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema” (Lq 5, 31-32).

2 Ir-rigali tal-Maġi u tagħna

L-għoti tar-rigali fil-Milied ifakkarna fiż-żjara tal-Maġi li ġew mil-Lvant u offrewlu deheb, inċens u mirra. Id-deheb ifisser li Ġesù huwa sultan, inċens li huwa Alla u mirra li kien ser ibati.

Inressqu d-deheb lil Kristu u nistmawh bħala sultan meta nippruvaw nagħmlu kollox biex nogħġbuh. San Ġorġ Preca ifakkarna fl-Eżerċizzju ta’ San Vinċenz de Paul li jgħidilna li meta nkunu ser nagħmlu xi azzjoni nistaqsu lilna nfusna: Kieku Kristu kien minfloki x’kien jagħmel?

Inkunu noffru l-inċens lil Ġesù meta nistmawh ta’ Alla. Nagħmlu dan verament meta nħobbu l-ewwel lilu u mhux l-idoli li trabbew jew li nkunu ħlaqna f’ħajjitna. Idolu tista’ anki tkun idea li biha nġibu firda jew ħafna nkwiet.

Nagħtu l-mirra lil Ġesù meta nilqgħu t-tbatijiet li nġarrbu f’ħajjitna u narawhom kif jgħid San Ġorġ Preca li huma ħerġin mingħand Alla jew b’ordni jew permess. Dan jiġri wkoll meta nagħmlu xi sagrifiċċju biex ngħinu lill-proxxmu.

3 L-awgurji tal-Milied

F’dan l-ispirtu għandna noffru rigali lil xulxin. Mingħajr ma naqgħu fil-materjaliżmu esaġerat fil-Milied ma hemm xejn ħażin anzi tajjeb li nifirħu bil-ħbiberiji ta’ xulxin. Jalla dan iż-żmien iġib aktar paċi bejnietna u noqorbu aktar lejn xulxin.

Forsi fl-għoti tar-rigali tidħol il-mentalità b’mod fin li ningħalqu fir-ċirku tal-familjari, ħbieb u dawk li minnhom nistgħu nieħdu xi ħaġa. Iżda Kristu, li għandu jkun iċ-ċentru tal-Milied fil-Vanġelu, iwissina kontra dan il-periklu billi jgħidilna: “Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja!” (Lq 14, 13-14).

Minn Angelo Xuereb

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.