Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Preżenti


It-Tielet Ġimgħa – L-Erbgħa

“Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.” – Salm 4:8

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Ipprova immaġina x-xena. Ix-xemx kienet nieżla, u Ġużeppi kien diġà tefa’ għajnejh fuq post fejn hu u Marija setgħu jwaqqfu t-tinda tagħhom għal dak il-lejl. Hekk kif id-dawl beda jnin, Ġużeppi qabbad ftit nar. Minn jeddu kien iħoss li għandu jieħu ħsieb li Marija tkun komda, jistaqsiha kif kienet qed tħossha, kellhiex bżonn xi ħaġa, u kif seta’ jgħinha. Imbagħad ħejja x’jieklu: ġbejna, ħobż, ftit tin, u żebbuġ. Qabel kielu, bħalma jagħmlu f’kull ikla, waqfu għal ftit iktar skiet fit-tul, imma naturali. Imbagħad Ġużeppi talab b’leħen għoli, radd ħajr lil Alla għal dak il-jum, talli kien żammhom sħaħ, u għall-ikel li kienu se jieklu.

Bit-tfaqqigħ tan-nar jikser is-skiet ta’ bejniethom, Ġużeppi u Marija għaddew dik il-lejla jitkellmu. Ġużeppi staqsa lil Marija kinitx komda biżżejjed u kinitx muġugħa f’daharha. Marija staqsiet lil Ġużeppi dwar saħħtu u jekk saqajh kinux qed juġgħuh. Tkellmu dwar in-nies li kienu ltaqgħu magħhom fil-vjaġġ ta’ dak il-jum u l-konverżazzjonijiet li ħadu pjaċir jagħmlu mal-pellegrini li għaddew minn biswithom. B’mod naturali, il-konverżazzjoni niżlet iktar fil-fond ma’ kull fergħa mixħuta fil-ħuġġieġa tan-nar. Marija semmiet li setgħet tħoss it-tarbija tiċċaqlaq f’ġufha. Ġużeppi esprima l-kurżità tiegħu: “Kif għad ikun? Lil min se jkun jixbah?”. It-tnejn qasmu ma’ xulxin dak li kienu qed iħossu, il-biżgħat u l-ħolm tagħhom. Imbagħad, kif in-nar beda jnin u s-sema mtela bil-kwiekeb, Marija qagħdet tkanta minn taħt l-ilsien. It-tarbija f’ġufha għarfitu leħinha u kienet twieġeb kull darba li tisma’ l-kant. Ġużeppi wkoll kien jogħġbu leħinha u dan serva ta’ serħan għall-ġisem għajjien tiegħu. Kif għajnejh bdew jitqalu, bi ħlewwa kbira hi ħalliet rasu tistrieħ fuq żaqqha. Għadha tkanta, imma issa bi ħlewwa ikbar, Marija qagħdet tmelles ras Ġużeppi sakemm fi ftit sekondi kien intilef f’nagħsa ħelwa. Issa, waħidha fis-skiet, Marija tbissmet bi gratitudni li ma titfissirx bil-kliem għal dawk iż-żewġ irġiel li Alla kien għażel proprju għaliha: Ġużeppi, ir-raġel mibgħut biex iħarisha, u Ġesù, ir-raġel mibgħut biex jifdiha.

Ta’ kuljum, bħala medja, Amerikan aktarx jgħaddi erba’ sigħat iħares lejn il-mowbajl tiegħu u xi erba’ sigħat oħra quddiem it-televiżjoni. Is-sigħat li nqattgħu mal-midja kważi rduppjaw fl-aħħar għoxrin sena. Li kieku għoxrin sena ilu kelli nistaqsi lil xi ħadd kienx jaħseb li se jqatta’ terz mill-ġurnata tiegħu quddiem skrin mingħajr ebda interazzjoni umana, ħafna nies kienu jgħadduni b’miġnun. Imma issa tkaxkarna minn dan il-kurrent tal-kultura sekulari u m’għadniex nagħrblu jekk fejn sejrin hux tajjeb, u se nispiċċaw xi mkien li qatt ma ħsibna li se nkunu.

Inti tgħix fil-mument preżenti? Meta tgħix hekk, x’inhi l-esperjenza tiegħek? Xi jżommok milli tgħix fil-mument preżenti? X’għażliet intenzjonati jkollok tagħmel biex tista’ tgħix preżenti għall-mument preżenti?

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bit-Testment il-Qadim, speċjalment bil-kliem tal-profeta Iżaija. Ibda t-talba tiegħek billi taqra bil-mod vers wieħed minn Iżaija, kapitlu 65. Aqra Iżaija 65:1. Aqrah iżjed minn darba. Qis kemm-il darba lil Alla xtaqnieh ikun magħna fil-mument ta’ issa u kemm drabi tlifnieh. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok tgħinni ngħix il-mument preżenti. Għallimni x’bidliet hemm bżonn nagħmel f’ħajti biex nista’ ngħix il-mument ta’ issa.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?