Il-Parlament hu l-post fejn il-poplu jgħaddi l-istituzzjonijiet u l-governanza mill-aqwa skrutinju


Il-Ħamis, 19 ta’ Diċembru 2019: Il-messaġġ tal-Arċisqof lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti fl-iskambju tal-awguri tal-Milied u s-Sena l-Ġdida fil-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta.

Capture2

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Nirringrazzjak ħafna Mr Speaker tal-awguri tiegħek, anke ta’ din ix-xhieda tiegħek, ta’ din l-informazzjoni li qsamt magħna l-Isqfijiet. Inwiegħduk ħafna t-talb u s-sapport tagħna. Naħseb li int missejt punt importanti ħafna meta semmejt il-bżonn li fil-Parlament id-dibattitu jsir b’mod rispettuż u ċivili.

Jekk aħna naraw il-kroll taċ-ċiviltà fil-Parlament, allura l-eżempju li jingħata ma jkunx sabiħ. Il-Parlament hu wkoll il-post fejn il-poplu jgħaddi l-istituzzjonijiet u l-governanza mill-aqwa skrutinju. Allura naħseb ukoll li r-rwol importanti tal-uffiċjali huwa responsabbli mill-etika tan-nies fil-governanza. Għandu wkoll jitqies bir-rispett dovut, l-impenn dovut u bl-accountability min-naħa tal-parlamentari li jagħtu eżempju lis-soċjetà kollha. Nifhem li jkollok tieħu deċiżjonijiet mhux faċli, u li ċerti ċirkostanzi ma jkollokx wisq eżempju tal-Erskine May, tkun inti trid ukoll tadatta b’anoloġija, deċiżjonijiet li mbagħad ikunu preċedent importanti anke fil-ħajja tal-Parlament.

Int taf ukoll li din is-sena ċċelebrajna l-ewwel ċentinarju mill-inkwiet li kellna fl-1919, seklu wara. Kellna wkoll sifda oħra. Dak iż-żmien konna qegħdin nippruvaw nibdew ikollna kostituzzjoni li tagħti t-tmexxija f’idejna. Illum naħseb l-ikbar sfida tat-tmexxija li qiegħda f’idejna hija li nibqgħu nużaw il-kriterju etiku u l-kriterju etiku fundamentali huwa dak li tagħżel it-tajjeb u twarrab il-ħażin. Għax din mhix kwistjoni biss ta’ fidi imma hi wkoll ta’ ċiviltà.

Nawgura li l-Parlament, meta jerġa’ jiltaqa’, ikollu s-serenità u l-kuraġġ li jaffaċċa r-realtà kif inhi u li jittieħdu wkoll deċiżjonijiet li jirriflettu l-volontà tal-poplu sieket hemm barra li jixtieq li l-ħajja tkompli fis-sewwa. Biex aħna nippretendu li kollox sew, meta ma jkunx kollox sew, anqas hu sew. Allura l-awgurju tiegħi huwa li inti f’dan l-irwol importanti li għandek, tkun leader li tgħin lill-Parlament jifhem ir-responsabbiltà kbira li għandu u li kif għidt int ukoll, li d-djalogu li jsir ikun għall-ġid komuni.

Nirringrazzjak ħafna. Ippermettili nippreżentalek ktieb, bħalma ormai saret tradizzjoni, l-edizzjoni l-ġdida tad-diskorsi li għamilt fl-2018. Hemm ukoll ritratti sbieħ, li fihom infushom huma djarju tal-ħajja tad-djoċesi inkluż ukoll l-ordinazzjoni tal-Isqof Awżiljarju, għax fl-2018 il-Papa tani ċerti missjonijiet u kienet l-opportunità li ngħidlu għandi bżonn awżiljarju u ma setax jgħidli le.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta