Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Skiet

Print Friendly, PDF & Email

It-Tielet Ġimgħa – Il-Ħamis

“F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi: mingħandu tiġini s-salvazzjoni.” – Salm 62:1

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Vjaġġi bħal dan ta’ Betlehem huma mimlijin skiet. Fis-skiet, Ġużeppi kien jistrieħ fuq il-leħen tal-Missier. Nhar il-Ħadd semmejt li Ġużeppi kien responsabbli bħala wieħed li ġie fdat b’dak li fl-aħħar mill-aħħar kien ta’ Alla. Dan ifisser li Ġużeppi kien responsabbli li jisma’ lil Alla, u Alla kien responsabbli għall-bqija kollu. Kif Ġużeppi kien qed iħalli lil Alla jmexxih, hu kien qed jisma’ lil Alla.

Ħaġa tħalli lil Alla jmexxik meta tista’ tisimgħu jkellmek. Imma, meta Alla jidher sieket, jew meta ma nistgħux nikkalmaw jew noqogħdu fis-skiet biex nisimgħu, li nħallu lil min imexxina jsir iktar diffiċli. Meta ma nistgħux nisimgħu l-leħen ta’ Alla, insibuha bi tqila li naraw lil Alla jmexxina. Meta ma nistgħux naraw lil Alla jmexxi, nibdew ninkwetaw u malajr inħalluha l-qagħda ta’ persuni li jħallu lil min imexxihom. Aħna ttentati nieħdu l-kontroll f’idejna. Dak il-mudell dejjem jaħdem għalina; imma mbagħad is-skiet nibdew naħsbuh assenza u nassumu li m’hemm ħadd imexxi.

Xi drabi, is-skiet qisu kalamita. Is-skiet iħalli affarijiet oħra jitilgħu fil-wiċċ, bħal diffikultajiet li jkunu niżlu sew fil-qiegħ ta’ qalbna. Meta dawk il-ħwejjeġ moħbija jitilgħu fil-wiċċ, imbagħad Alla jista’ jkellimna. Xi drabi, is-skiet ta’ Alla fil-fatt “jitkellem”: “Hemm ħwejjeġ oħra li nixtieq inkellmek dwarhom. Issa, ħa noqgħod kwiet biex dawk l-affarijiet jistgħu jitilgħu fil-wiċċ”. Fil-vjaġġ ta’ disgħin mil lejn Betlehem, Ġużeppi żgur semgħu lil Alla jkellmu. Bl-istess mod, żgur kien hemm mumenti fejn Ġużeppi ma sema’ xejn iżjed ħlief skiet. F’dawk il-mumenti, flok jinfixel kif Alla baqa’ sieket, Ġużeppi kien attent għaċ-ċaqliq sottili ta’ qalbu, itarraf lil Alla dak kollu li kien hemm ġo fih.

U int kif tmur mas-skiet? Forsi hu ħafif għalik, jew forsi hu diffiċli. Ħafna jsibuha bi tqila biex joqogħdu fis-skiet, speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena. Madankollu, m’hemm l-ebda żmien fis-sena li fih l-aktar li għandna bżonn nisimgħu daqskemm għandna bħalissa.

Kif tħossok meta Alla jiskot? Oqgħod attent għal kull biża’, paniku, jew ġudizzju dwar xi jfissru dawk is-sentimenti. Iktar importanti minn hekk, attent għal dak li tħoss jiċċaqlaq fik meta s-skiet jibda jsir iktar “storbjuż”. Ftakar – is-skiet jagħti ċans lil diffikultajiet li hemm fil-qiegħ ta’ qalbna biex jitilgħu fil-wiċċ. Tibżax mis-skiet jew mill-affarijiet li jitilgħu fil-wiċċ.

Hekk kif qed noqorbu dejjem iżjed lejn il-Milied, qed noqorbu iżjed lejn persuna – Ġesù. Tħallix tkaxkrek il-mewġa qawwija ta’ attività, imma imxi bil-mod. Sib aktar ħin għalih. Sib aktar ħin għas-skiet. Hemm tant li qed jistenniek.

Għat-talb tiegħek

Ġużeppi kien jitlob bis-Salmi. Ibda billi taqra bil-mod is-Salm 62. Aqrah iżjed minn darba. Qis kif Ġużeppi spiss kien jitlob b’dawn il-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok tgħinni nnaqqas il-pass ta’ ħajti. Għinni nisimgħek. Għinni noqgħod biżżejjed bi kwieti biex inħallik tmexxi lil qalbi eqreb lejk. Fis-skiet, jekk inħossni beżgħan, għinni nagħraf li int tinsab hemm.”

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Leave a Reply

%d bloggers like this: