Patri Donat Spiteri OFM Cap: il-Patri li għenna nħobbu l-Bibbja

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2019 jaħbat it-tmin anniversarju minn meta ħuna, Patri Donat Spiteri OFM Cap, għadda għal ħajja ta’ dejjem. Kien eżattament nhar id-19 ta’ Diċembru 2011, għall-ħabta tal-5.30 a.m., meta ħuna Patri Donat ħa l-aħħar nifsijiet f’din id-dinja biex hekk issieħeb għal dejjem ma’ Dak li tant u tant ħabb fuq din l-art. Kellu 89 sena.

Patri Donat jibqa’ mfakkar fl-istorja tal-Knisja u f’dik tal-Ordni Kapuċċin f’Malta bħala l-Patri li għenna nħobbu l-Bibbja. Fil-fatt, Patri Donat kien fost l-ewwel biblisti Maltin li, fl-1958, taw bidu għall-Għaqda Biblika Maltija. Wieħed mill-ewlenin xogħlijiet u, ċertament, mill-aktar iebsin li din l-Għaqda daħlet għalih b’tant u tant qlubija kien dak tat-traduzzjoni ġdida tal-Bibbja mit-testi oriġinali tagħha. Dan ix-xogħol sar bil-għan li dawn it-testi jidħlu fil-lezzjonarju Liturġiku.

Fl-Assemblea Ġenerali li saret nhar it-18 ta’ Diċembru 1966, ġiet iffurmata Kummissjoni u x-xogħol tqassam bejn erba’ membri. Patri Donat kellu f’idejh il-ktieb tas-Salmi x’jittraduċi. Kif kien inkiteb fuqu fil-gazzetta l¬-Ġens, f’artiklu li kien kiteb Laurence Mizzi, tad-19 ta’ Novembru 1993, bit-titlu Appostlu tal-Kelma t’Alla, Patri Donat kien qal hekk: “Għamilt l-ewwel traduzzjoni jien, xogħol li ħadli tliet snin, imbagħad erġajna rajnieh flimkien il-membri kollha”. Fil-fatt, ix-xogħol baqa’ għaddej u intemm fl-1984.

F’ittra li kien bagħat il-Provinċjal tal-Patrijiet Kapuċċini ta’ dak iż-żmien, Mons. Emmanuel Barbara OFM Cap lil Patri Eleuterio Ricci OFM Cap, li kien il-Librar fil-Kulleġġ Internazzjonali tal-Kapuċċini San Lorenzo da Brindisi Ruma, li ġġib id-data tal-1 ta’ Frar 1985, jgħid hekk: “Din it-traduzzjoni hi magħmula mill-ilsna oriġinali Grieg u Lhudi. Aħna, il-Kapuċċini Maltin, għandna l-pjaċir ninfurmawk li ħuna Donatus Spiteri, tal-Provinċja ta’ Malta, ta sehem kbir f’din il-biċċa xogħol. Fil-fatt, Patri Donat kien responsabbli għat-traduzzjoni tal-ktieb tas-Salmi, tal-Proverbji, tal-Għerf, tal-Ittri lil Timotju u lil Titu, tal-Lhud u tal-Ittra lill-Ġuda. Kien membru permanenti tal-kummissjoni responsabbli għat-traduzzjoni sa mill-bidu tagħha fl-1966. Ix-xogħol intemm ftit snin ilu”.

Fl-1988 Patri Donat ġie magħżul President tal-Għaqda Biblika Maltija. Filwaqt li tliet snin wara, fl-1991, il-Media Centre tal-Knisja f’Malta kienet talbet lill-Għaqda Biblika biex terġa’ tistampa l-Bibbja minħabba li kien baqa’ numru tassew żgħir ta’ koppji disponibbli. Isieħbu lil Patri Donat f’din il-missjoni kien hemm grupp żgħir ta’ biblisti. Ix-xogħol inbeda f’Jannar 1992 u intemm f’Ġunju tal-1996. B’kollox kienu saru madwar 4,000 korrezzjoni, b’ħafna minnhom kienu jinvolvu t-test.

L-Għaqda Biblika kienet tat opportunità kbira lil Patri Donat sabiex jissokta dan il-ministeru tax-xandir tal-Kelma t’Alla b’tant inizjattivi differenti li ma damux ma għamluh popolari mal-poplu Malti u Għawdxi b’tali mod li ismu sar ħaġa waħda ma’ dak tal-Bibbja. Mhux biss imma Patri Donat kellu sehem kbir fit-twaqqif ta’ Dar il-Bibbja. Kien sewwasew nhar it-30 ta’ Mejju 1997 li, bħala President tal-Għaqda Biblika Maltija, Patri Donat inawgura DAR IL-BIBBJA fil-Furjana.

L-imħabba li Patri Donat kellu lejn il-Bibbja kienet ta’ spiss tiġi mfissra minnu f’termini matrimonjali. F’intervista li kienet saritlu minn Anton Cassar, f’artiklu tiegħu li kien deher fl-Orizzont tat-23 ta’ Jannar 2012, bit-titlu: Patri Donat isir Kappillan fil-Parroċċa ta’ San Ġwann, nsibu miktub hekk: “Jien kont ta’ sikwit inkellem lil P. Donat u nitħaddtu dwar ix-xogħol tiegħu fil-Bibbja u darba, bit-tbissima fuq wiċċu, qalli: ‘Jien iżżewwiġt lill-Bibbja’”. Fl-omelija li kien għamel nhar is-Sittin Sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Patri Donat, il-Provinċjal tal-Patrijiet Kapuċċini ta’ dak iż-żmien, Mons. Joe Alessandro OFM Cap, kien qal hekk: “L-Iskrittura Mqaddsa saret il-mara tiegħu; ħabbha tant li ddedika ħajtu għaliha, bit-tagħlim, bil-kitba u b’artikli b’temi Bibliċi f’rivisti u gazzetti lokali, u kien minn tal-bidu li ta spinta kbira lill-qari bibliku fost il-poplu tagħna”.

F’okkażjoni oħra, Patri Donat sejjaħ lill-Bibbja l-ħabiba tiegħu filwaqt li kien juri li t-tagħlim tal-Bibbja kien u għadu l-missjoni ta’ ħajtu. F’intervista li kienet għamlitlu Marcelle Delicata u li kienet ippubblikata fuq il-gazzetta Il-Ġens Illum, tat-12 t’Ottubru 2012, bit-titlu: Awguri … Patri Donat! nsibu miktub hekk: “Il-Bibbja saret il-ħabiba tiegħi, l-interess prinċipali li jien dejjem għaqqadt mal-ħajja pastorali tiegħi … permezz tat-tagħlim tal-Bibbja, aħna nwasslu l-messaġġ tal-ktieb fundamentali tar-Rivelazzjoni tagħna”.

F’rabta ma’ dan ma nistgħux ma nsemmux ħolma oħra li Patri Donat seħħlu jwettaq. Jiġifieri dik ta’ Kliem il-Ħajja, li hi waħda mill-aktar pubblikazzjonijiet lokali li tant għamlet suċċess fil-gżejjer tagħna u kif ukoll fost tant emigranti Maltin. Hawnhekk ma nistax ma nsemmix u ma nfaħħarx lil Patri Martin Micallef OFM Cap li, b’tant għaqal, dedikazzjoni, imħabba, fedeltà, u sagrifiċċju għadu jwettaq din l-opra kbira li l-Mulej beda fostna permezz ta’ Patri Donat. Anki Patri Martin jista’ jitqies bħala kontributur kbir għat-tixrid u l-imħabba kbira lejn il-Bibbja f’pajjiżna.

Patri Donat Spiteri OFM Cap jibqa’ imnaqqax f’qalbi l-għaliex kien iħobbni, jirrispettani u kien ta’ kuraġġ kbir għalija biex nissokta mixjieti bħala Franġiskan Kapuċċin. Fil-buffuri kollha tal-mixja vokazzjonali tiegħi dejjem sibtu hemm biex jagħmilli kuraġġ ħa nkompli miexi. Patri Donat kien jitlobni ngħinu fil-proofreading ta’ diversi kotba li kien jippubblika minn żmien għal żmien. Flimkien qsamna ħafna mumenti sbieħ u ta’ tama. Kemm għadni ngħożżhom dawn il-mumenti hekk għeżież għalija f’ħajti! U kemm nitlob li jkollna Patrijiet bħalu li jġibu tama, għerf, ferħ u mħabba vera lejn il-Knisja, l-umanità, fuq kollox, il-Bibbja! Patri Donat għallimni biex ma noqgħodx nitlajja’ fil-kurituri tal-kunvent u fil-kmamar inlabblab u ngħid kontra dak u kontra l-ieħor imma noqgħod f’kamarti nikteb! U nitkeb! Nikteb! U nikteb!… Għax, bħalma kien iħobb jgħidli hu stess: Ejja ma naħlux ħin għax il-ħajja tgħaddi malajr! X’biża’ nitla’ ħdejn Ġesù u ma jkollix x’noffrilu għajr il-paroli fil-vojt, il-kundanni, il-ġudizzji, l-għira, il-mibegħda, u l-kalunji kontra ħuti l-Patrijiet!

Patri Donat jfakkarni f’dawn il-kelmiet ta’ Ġesù: ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek’ (Mt 25:21). Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu (Mt 25:28-29).

Grazzi Patri Donat li għentna nħobbu l-Bibbja! Grazzi li, b’ħajtek, tgħallimna biex naħdmu u ma nitnikkrux, qabel immorru u ma nerġgħux niġu!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply