Illum il-Knisja tfakkar lil Beatu Vinċenz Romano


Fl-20 ta’ Diċembru l-Knisja tfakkar lil Beatu Vinċenz Romano, Saċerdot li għex bejn is-snin 1751 sa 1831.

Il-Beatu Vinċenz Romano kien ġej minn familja ta’ bdiewa f’Torre del Greco, qrib Napli. Huwa studja fis-seminarju Djoċesan ta’ Napli u fost dawk li kienu jgħallmuh kien hemm ukoll San Alfons M. de Liguori. Kien ordnat qassis Djoċesan fl-10 ta’ Ġunju 1775.

Hu għadda kważi s-56 sena tiegħu bħala qassis fil-belt fejn kien twieled ta’ Torre del Greco. Kien iddedikat b’mod speċjali għat-tagħlim u għall-predikazzjoni u kien mezz biex ħafna żgħażagħ saru qassisin bħalu.

Ta’ 48 sena ġie nominat kappillan, imma minkejja li kien ilu ġa 24 sena bħala saċerdot, huwa ma riedx jidħol għal din ir-responsabbiltà ta’ kappillan u kien biss wara ordni formali mill-isqof tiegħu li aċċetta din il-kariga.

B’kollox għamel 33 sena (mill-1799 sal-1831) kappillan tal-unika parroċċa f’dik il-belt dak iż-żmien, il-knisja ta’ Santa Croce, illum bażilika pontifiċja. Bħala kappillan daħħal il-prattika li jqabbad saċerdoti bħala kappillani għas-sajjieda li jaħdmu fuq l-ibħra; kien iħabrek biex il-baħħara jkollhom paga ġusta u anki waqqaf arbitraġġ għall-kwistjonijiet li dawn kien ikollhom ma’ dawk li jimpjegawhom.

Wara l-eruzzjoni tal-Vessuvju tal-15 ta’ Ġunju 1794 li qered il-belt kważi għal kollox, hu għen biex jerġgħu jinbnew id-djar imwaqqgħin. Hu kien mudell ta’ ragħaj.

Meta l-Beatu Vinċenz Romano miet, fl-20 ta’ Diċembru 1831, ta’ 80 sena, il-belt kollha ħarġet tagħti qima lill-missier maħbub u ġeneruż tagħha. Iddikjarah Beatu, il-Beatu Papa Pawlu VI fis-17 ta’ Novembru 1963.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com