It-Tielet Ġimgħa – Il-Ġimgħa
“Niftakar f’għemilek, Mulej; naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi.” – Salm 77:12
Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers. Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard
B’Nazaret ’il bogħod warajhom u Betlehem fil-qrib, Marija bdiet turi li l-ħlas kien wasal. Kienet kwieta iktar mis-soltu, miġbura f’qagħda profonda ta’ kontemplazzjoni għal dak kollu li kellu jiġri dalwaqt. Hija u taħseb kif ma kellhiex iddum ma tara l-wiċċ ta’ Alla, tmiss il-ġisem ta’ Alla, u tisma’ l-leħen ta’ Alla, hi kienet taf sew ukoll li Ġużeppi kellu ħafna ħsibijiet għaddejjin mill-qalb tiegħu. B’kull pass eqreb lejn Betlehem, Ġużeppi kompla jirfes iktar fl-inċertezza u iktar fil-fond tad-dipendenza. Ma kienx jaf jekk kienx sa jirnexxilhom jaslu Betlehem fil-ħin. Ma kienx jaf kif jgħin fil-ħlas ta’ tarbija, wisq inqas ta’ din it-tarbija. Ma kienx jaf kif għandu jkun missier, wisq inqas kif irabbi lill-Iben ta’ Alla. Fl-aħħar sigħat li fihom Ġużeppi kien qed iwassal lil Marija Betlehem, Ġużeppi żgur ħass dawk l-emozzjonijiet kollha li huma naturali għal kull bniedem f’dik il-qagħda. Imma Ġużeppi żamm ukoll qalbu u ħsiebu f’kuntatt mal-Mulej, u kien f’dawk il-mumenti li Alla għen lil Ġużeppi jiftakar.
Il-ħsibijiet li naħsbu u nisimgħu meta nkunu f’paniku u beżagħna huma differenti ħafna mill-ħsibijiet li naħsbu u nisimgħu meta nkunu kalmi u miġburin. Il-ħsibijiet tagħna spiss iqarrqu bina meta nibżgħu, għax iktar jiġu mill-paniku milli mill-Mulej. Għalhekk, meta int ma tistax tafda lill-ħsibijiet tiegħek, afda l-memorja tiegħek.
Il-memorja hi parti essenzjali mill-ħajja spiritwali. Nagħmillek il-qalb biex tiftakar dak kollu li Alla għamel. X’kienu l-meditazzjonijiet li laqtu l-aktar lil qalbek? Liema siltiet tal-Iskrittura kellmuk l-iżjed? X’tgħallimt dwar Ġużeppi? X’tiftakar l-iżjed minn dawn l-aħħar għoxrin ġurnata?
Ma’ kull mument ta’ grazzja fil-kuntatt li jkollna ma’ Alla, aħna, nies tad-demm u l-laħam li nintemmu, inġarrbu l-esperjenza ta’ Alla li jibqa’ għal dejjem. Immaġina li tinsab taħt kaskata tal-ilma u kulma għandek hi tazza kwart ta’ litru. Meta toħroġ it-tazza taħt il-kaskata biex taqbad l-ilma, int ma tistax tilqa’ l-ilma kollu li għandha x’toffri l-kaskata. Bl-istess mod, meta niftakru x’għamel Alla, nistgħu nerġgħu lura għall-“kaskata” biex naraw hemmx iżjed ilma. Jekk terġa’ lura għal xi wħud mill-aktar meditazzjonijiet jew esperjenzi ta’ talb li fissru għalik fl-aħħar għoxrin ġurnata, m’intix ħa tkun kapaċi tirrepeti l-istess esperjenza. Imma l-Mulej forsi għandu iżjed x’jagħtik minn dawk is-siltiet jew memorji.
Għat-talb tiegħek
It-talba tal-lum ħa tkun xi ftit differenti. Illum, inħeġġek tħares lejn l-aħħar għoxrin ġurnata. Ħares lura lejn in-noti li niżżilt kuljum. X’qallek Alla? X’kienu l-meditazzjonijiet, l-intuwizzjonijiet, jew l-esperjenzi ta’ talb li għenuk l-iżjed? X’kienu t-temi? X’għamel Alla għalik? Qatta’ ftit tal-ħin illum tiftakar dak kollu li għamel Alla.
“Missier, nitolbok tgħinni nnaqqas il-pass ta’ ħajti. Għinni nagħtik widen. Għinni niftakar f’dak kollu li int għamilt għalija fl-imgħoddi biex nista’ nafda fik għal dak li għad trid tagħmel fil-ġejjieni.”
Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?