Il-Ferħ Nisrani

Print Friendly, PDF & Email

Ħsibijiet dwar l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu), dwar it-tħabbir tal-Vanġelu fid-dinja tal-lum. L-1 parti. (Mill-‘Kelma tal-Kappillan’ tal-Knisja ta’ Santa Marija, B’Kara, Fr Reuben Deguara, fl-insert tal-FLIMKIEN’ ta’ Jannar 2020.) – Ara wkoll l-ewwel kitba f’din is-sensiela, Il-=Ferħ Nisrani”

IL-FERĦ NISRANI

EVANGELII_GAUDIUM.139748880523-800x1136Din is-sena, jekk Alla jrid, se nwasslu ħsibijiet dwar kitba oħra tal-Papa Franġisku, l-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ (Il-ferħ tal-Vanġelu). Għamlu tajjeb dawk mill-Parroċċa tagħna li żammew il-kitbiet tal-Papa Franġisku li wassalna fl-erbgħa snin li għaddew: il-Misericordiae Vultus, (Il-Wiċċ tal-Ħniena), l-Amoris Laetitia (Il-ferħ tal-Imħabba), il-Laudato Si’ (Tkun Imbierek) u l-Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Thennew).

Il-Papa jibda l-eżortazzjoni ‘Evangelii Gaudium’ billi jgħid li fid-dinja tal-lum hemm ir-riskju li, meta ma nibqgħux nisimgħu l-leħen t’Alla, ma ngawdux mill-ferħ ħelu tal-imħabba tiegħu u qalbna ma tibqax tħabbat bil-ħeġġa biex tagħmel il-ġid. Ir-riskju jiġi mill-attrazzjonijiet fid-dinja tal-lum, bħall-ġenn għall-infiq żejjed u t-tfittxija għall-pjaċir u għad-divertiment. Dan jolqot ukoll lill-persuni li għandhom il-fidi imma li ssibhom mimlija rabja ġo fihom, li jkunu mdejqa u bla ħeġġa biex itejbu l-ħajja tal-oħrajn. Żgur li din mhix l-għażla ta’ ħajja li jixtieq Alla.

Il-Papa Franġisku jistieden lill-Insara, huma fejn huma u hi x’hini l-qagħda li jinsabu fiha, ħalli ma jistennewx aktar biex iġeddu l-laqgħa personali tagħhom ma’ Kristu. Il-Papa jħeġġiġna biex illum stess nieħdu deċiżjoni li se nħallu lil Ġesù jidħol iktar fil-ħajja tagħna għax nafu li Ġesù qed ifittixna bla heda kuljum.

Ħadd m’għandu jaħseb li din l-istedina mhix għalih, għax kull persuna hi mistiedna għall-ferħ li jaf iġib il-Mulej. Meta nagħmlu pass imqar ċkejken lejn Ġesù, niskopru li diġà qed jistenniena b’dirgħajh miftuħa biex jilqagħna għandu. Dan għax iridna ngħollu rasna ’l fuq u nibdew mill-ġdid. Hu jagħmel dan bi ħlewwa li qatt ma tqarraq bina u li qiegħda dejjem hemm biex tagħtina l-ferħ mill-ġdid.

Il-Papa jfakkarna li fil-Bibbja nsibu ħafna stediniet għall-ferħ li jkollu min jimxi fit-triq it-tajba. Bdew fit-Testment il-Qadim u żdiedu fi żmien Ġesù. Eżempju minnhom hu dak li jwasslilna l-profeta Isaija, li jirreferi għall-Messija mistenni u kollu hieni jsellimlu: “Int kattart il-ġens, kabbart il-hena”. Iżaija jħeġġeġ lil dawk li jgħixu fit-triq tal-Mulej biex jilqgħu lill-Messija bil-kant meta lill-poplu jgħidlu biex jaqbeż u jgħanni bil-ferħ. L-anġlu Gabriel jgħid lil Marija biex tifraħ. Hekk għamel Ġwanni fil-ġuf ta’ ommu Eliżabet. Fil-Magnificat Marija tipproklama: “L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-Salvatur tiegħi”. Ġesù semma ħafna l-ferħ, bħal meta qal lill-Appostli: “Għad nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom”.

Fi ftit kliem, l-Aħbar it-Tajba hi tħabbira ta’ ferħ. Dan il-ferħ għandu jimla lil qalbna u b’karità Nisranija għandna nfittxu li ngħadduh lill-oħrajn.

Fr Reuben Deguara

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading