Illum il-Knisja tfakkar lil San Pietru Isqof ta’ Sebaste


Fid-9 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil San Pietru, Isqof ta’ Sebaste l-Armenja li għex bejn is-snin 340 sa 391.

Kien l-iċken membru ta’ familja ta’ qaddisin fil-Kappadoċja: bin San Bażilju l-Kbir u Santa Emmelja, li ġew imkeċċijin minn pajjiżhom għall-bidu tar-renju ta’ Galerju Massimjanu. Iż-żewġ dutturi tal-Knisja tal-Kappadoċja, San Bażilu ż-Żgħir, isqof ta’ Ċesarija u San Girgor isqof ta’ Nissa, kienu ħutu. Santa Makrina ż-Żgħira kienet oħtu l-kbira, waqt li Santa Makrina l-Kbira kienet nanntu.

San Pietru kien l-iċken fost għaxar aħwa u tilef lil missieru meta kien għadu fin-nieqa. Rabbietu fil-biża’ ta’ Alla u fil-perfezzjoni nisranija oħtu l-kbira, Santa Makrina.

Meta Bażilju sar isqof ta’ Ċesarija fil-Kappadoċja (370), ordna ‘l ħuh Pietru saċerdot, u dan qies is-saċerdozju bħala raġuni oħra biex aktar ifittex il-perfezzjoni. Għen kemm seta’ lil oħtu Makrina fit-treġija tal-monasteru tagħha, u wara żmien irtira minn superjur u mar ifittex ħajja ta’ axxeta fis-solitudni.

Iżda xi ftit wara (380-381) ġie maħtur isqof ta’ Sebaste fl-Armenja. Iż-żelu ta’ qaddis kien meħtieġ biex jeqred l-ereżiji ta’ żmien li kienu qawwijin ferm, u Alla għażel qaddis. Fil-ħajja tiegħu ta’ isqof, San Pietru wera l-istess kwalitajiet ta’ ħuh Bażilju. Bil-parir tiegħu ħuh Girgor kiteb l-opra l-kbira tiegħu “Kontra Ewnomju” biex jiddefendi l-opra bl-istess isem ta’ Bażilju.

Ittra miktuba minn San Pietru, li tinsab fil-bidu tal-opra ta’ ħuh Girgor minn Nissa, tpoġġieh mal-kittieba l-kbar tal-Knisja, u hi prova li minkejja li ma kienx tilef żmien fi studji oħra, bil-ġejnu tiegħu u bil-paċenzja u bl-attenzjoni fil-qari u fit-taħdit, ma kellu lil ħadd quddiemu ħlief iż-żewġ ħutu u Girgor l-ieħor, dak ta’ Nazjanzu, fil-għerf u fl-elokwenza soda.

Ħa sehem fil-Konċilju ta’ Konstantinopli tas-sena 381, u flimkien mal-isqfijiet l-oħra kkundanna l-ereżija ta’ Maċedonju. Sew ħutu, kemm kittieba oħrajn jixhdu l-qdusija, il-prudenza u ż-żelu tiegħu. Miet fis-sena 391.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.