Id-dinja hi ħażina?


Meta f’letteratura, films u għejjun oħra ta’storja naraw il-ġrajjiet tal-popli, l-aktar fejn tidħol il-gwerra, il-moħqrija, il-kapriċċi tan-nies, il-laxkezza morali u l-bqija, x’aktarx li nkunu mġiegħa naħsbu li d-dinja hi ħaġa ħażina u li rridu nżommu ruħna lura minnha u ma nkunux kompliċi tal-ħażen li fiha. Mhux ta’ b’xejn li mill-bidu nett tad-dinja kif nafuha, in-nies emmnu li hemm forza ħażina li f’kull żmien ħammġet lid-dinja.

Mhemmx għalfejn immorru ‘l bogħod, għax fiż-żmien tal-lum, il-ħażen tela’ fil-wiċċ mingħajr mistħija. Ma tlumx lil dawk jħossu li d-dinja sejra għan-niżla. Ikunu jidwu l-karba tal-profeta Mikea: “Għab it-tajjeb mill-art u fost in nies mhemmx raġel sewwa. Kollha jissajjaw għad-demm, wieħed jistad lill-ieħor, u għad-deni idejhom tajbin.” (Mikea 7, 2) Il-kunċett ta’ dinja ħażina hu rifless ukoll fil-Bibbja, kif turi din it-twissija ta’ San Pawl lir-Rumani: “La tkunux tixbhu lil din id-dinja” (Rum 12, 2). Hawn San Pawl qisu qed jimplika li tassew li d-dinja hi ħażina. Imma liema dinja?

Imsejħa biex jibdlu d-dinja

Il-kelma ‘dinja’ hi waħda diffiċli fil-Bibbja, speċjalment fil-Vanġelu ta’ San Ġwann. Tittratta dwar il-“kosmos”, l-univers ordinat li l-Griegi kienu jikkonċepuh u li l-Lhud kienu jiċċelebrawh bħala xogħol ta’ jdejn Alla. Id-‘dinja’ hi wkoll il-post li fih il-bniedem jara jridx jagħżel lil Alla jew le. L-ewwel rakkonti tal-Ġenesi jqiegħdu għall-bniedem dan l-isfond ta’ dinja. Id-dinja hi fejn il-bniedem jiddeċiedi jafdax lilu nnifsu f’Alla jew jiddarrasx minnu. Għalkemm mill-bidu l-bniedem għażel tat-tieni u ntrebaħ minn dak li ssuġġerielu l-“ħażin”, ma jfissirx li d-dinja saret ħażina.

Tassew li d-dinja ħalliet lilha nfisha tintrebaħ minn elementi negattivi, bħall-mibegħda, l-għira, il-kilba għas-setgħa, minn imħabbiet ħżiena u minn għadd ta’ ħakmiet li jżommuha taħt “is-setgħa tad-dlamijiet” (Kol 1,13). Imma dejjem baqgħet il-parti l-oħra mid-dinja li ħarset ruħha mid-dinja l-‘ħażina’. Ħafna ħadmu għal dinja li mhix maħkuma mill-ħażen, b’fidi f’Alla li jħabbar diversi drabi li hu deċiż li jsalva lid-dinja. Għalkemm anki fit-Testment il-Ġdid hemm l-idea li d-dinja hi dak il-ħolqien li qed idur lil hemm minn Alla, niltaqgħu mad-dixxipli li huma mibgħuta fid-dinja biex joħduha kontra l-mibegħda, iħabbru l-maħfra u jġibu l-paċi. Id-dixxipli ta’ Ġesù huma msejħa biex jaħarbu dak li tistma d-dinja, biex jiddefendu lil dawk li d-dinja twarrab, biex ifarrġu lill-imsejkna u jagħtu sens lil dawk li tilfu s-sens ta’ ħajjithom. Kellhom assigurazzjoni minn Ġesù li Alla jħobb id-dinja.

nikodemu.jpg
Ġesù u Nikodemu: Crijn Hendricksz Volmarijn, 1640, Sotheby’s, Londra.

L-ewwel Insara, li ttieħdu mill-ħeġġa tal-Appostli, u dawk li għexu fi żmienhom, fl-ikbar avversità ferrxu l-ferħ li kien hemm fi ħdan il-komunità l-ġdida. Ir-rebħa tagħhom fuq id-dinja meqjusa bħala ħażina kienet mistrieħa fuq il-konvinzjoni li hemm ‘triq’, hemm ‘verità’ u hemm ‘ħajja’ li se tittrasforma d-dinja: “Jien hu t-triq u s-sewwa u l-ħajja.” (Ġw 14, 6) Ma kienx jonqos li f’waqtiet iħossuhom dgħajfa, foqra fi kliemhom u bla ħila quddiem min ma jaqbilx mal-istil tal-ħajja tagħhom. Id-dinja bagħdithom: “Jien għarrafthom kliemek, u d-dinja bagħdithom, għax mhumiex tad-dinja.” (Ġw 17, 14) imma kien hemm fihom it-tama li l-Iben talab lill-Missier biex iħarishom mill-ħażin: “Ma nitlobx li tneħħihom mid-dinja, imma li tħarishom mill-ħażin.” (Ġw 17, 15)

Ir-referenzi fit-Testment il-Ġdid għad-“dinja” huma għas-soċjetà pagana Rumana li l-ewwel Insara kellhom jidħlu fiha, u li ma kinitx kapaċi tilqa’ x-xhieda tagħhom. Minn dejjem kien hemm żewg kampijiet kif, wara kollox għadu sal-lum.

Hemm dinja ħażina?

Id-dinja mhix ħażina, imma rridu nkunu realisti u ngħidu li dejjem kellha, għad għandha u jibqa’ jkollha elementi ħżiena. Meta ngħidu “din id-dinja ħażina”, naħsbu f’dinja ta’ konflitti, fejn il-ħażin jidher jirbaħ u fejn it-tajjeb x’aktarx ibati. Kemm-il darba nassistu għal insensittività, nuqqas ta’ tolleranza, għira u dak kollu li jagħmel dinja ‘ħażina’. Hemm elementi globali, bħall-konsumiżmu li jinsa lill-fqir, it-tqassim ħażin tal-ġid, l-iżvilupp li jkerrah u li jeqred l-ambjent, it-tniġġiż tal-baħar u tal-arja li juru nuqqas ta’ rispett lejn id-dinja li ngħixu fiha.

Hemm ġrajjiet li forsi jagħtu raġun lil min iħares b’mod negattiv lejn id-dinja. Biżżejjed insemmu persuna partikulari, għax il-lista ma tispiċċa qatt, u dejjem tiżdied: F’Mejju tal-2012, fi Brindisi, l-Italja tilfet ħajjitha Melissa Bassi, tfajla ta’ 16-il sena, fi splużjoni waqt li kienet qed tistenna biex tidħol fl-iskola Morvillo-Falcone, imsemmija għal Giovanni Falcone u l-mara tiegħu Francesca Morvillo, maqtula mill-mafja Cosa Nostra ta’ Sqallija proprju 20 sena qabel ħdejn l-ajruport ta’ Palermo. Giovanni Falcone, il-prosekutur Taljan, ħalla ħajtu għas-sewwa. Huma episodji koroh li minħabba fihom wieħed jieħu l-impressjoni li l-ħażin għadu jirbaħ fuq it-tajjeb.

Imma hemm dinja oħra

Imma hemm dinja oħra, fejn tidher it-tama ta’ dinja aħjar. Jibqa’ f’moħħ min rah l-ispettaklu fit-2 ta’ Ġunju 2012, quddiem il-Papa Benedittu XVI fil-ground ta’ Milan, ta’ elf koppja u żgħażagħ li esprimew it-tajjeb u s-sabiħ li fiha d-dinja.

San Siro.jpg
Żgħazagħ f’San Siro mal-Papa Benedittu XVI

Kien wieħed mill-waqtiet – li min jaf kemm isiru bħalhom mingħajr ma nafu bihom – fejn żgħażagħ, li huma wkoll parti minn din id-dinja, jagħtu messaġġ ta’ tama. Ma setgħux spiċċaw aħjar milli b’lożor bojod jiffurmaw xbieha tal-Ispirtu s-Santu, simbolu tan-nifs ta’ Alla li minkejja kollox jibqa’ jonfoħ fuq l-art.

Żgur li Alla ma ħalaqx id-dinja biex tkun ħażina: “U Alla ra dak kollu li għamel, u ara kollox kien tajjeb. U kien hemm l-għaxija u kin hemm il-għodwa… (Ġen 1, 3). U għamel minn kollox biex iġibha lura fuq il-linji t-tajba. Għax kif jista’ Alla ma jħobbx lid-dinja li hu ħalaq? Tant iħobbha li “ta l-Iben waħdieni tiegħu, biex kull min jemmen fih ma jintilifx” (Ġw 3, 16) u “biex id-dinja tkun salvata bih” (Ġw 3,17).

Tassew li fiha hemm elementi ħżiena, imma jekk inħarsu lejha b’mod pożittiv nagħrfu dejjem aktar li d-dinja hi sinjal ħaj tal-imħabba ta’ Alla, kif insibu fl-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Alla hekk ħabb lid-dinja li taha l-Iben waħdieni tiegħu biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġw 3,16)

Kitba ta’ Joe Galea

Publikat fil-Lehen tal-Ħadd 5 ta’ Jannar 

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.