Illum il-Knisja tfakkar lil San Arnold Janssens


Fil-15 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil San Arnold Janssens, Saċerdot li għex bejn is-snin 1837 sa 1909.

Arnold Janssens ġie msejjaħ “il-missjunarju modern skont il-qalb ta’ San Pawl”. Twieled f’Goch, fid-djoċesi ta’ Münster, fil-Ġermanja. Ordna saċerdot f’Münster ta’ 24 sena (1862). Għallem ix-xjenza għal 12-il sena, u fl-istess ħin l-aħħar tmien snin minn dawn kien id-direttur djoċesan tal-Appostolat tat-Talb.

Fl-1873, Dun Arnold sar l-editur ta’ ġurnal dwar il-missjonijiet, u fl-1875 beda jippubblika revista missjunarja bit-Tedesk jisimha “Il-Missjunarju Żgħir tal-Qalb ta’ Ġesù”.

Fis-sena 1875 fi Steyl, l-Olanda, waqqaf l-ewwel dar Ġermaniża biex fiha jħarreġ lill-membri ta’ dik li, fl-1886, saret is-Soċjetà Missjunarja tal-Verb Divin (“Verbiti”).

Kien maħtur superjur ġenerali fl-1885. Kien mar l-Olanda, kemm biex jaħdem f’dan il-pajjiż, kif ukoll fil-Ġermanja u fl-Awstrija. Il-membri tagħha saċerdoti kienu jieħdu l-voti sempliċi u kisbu l-approvazzjoni mill-Papa Ljun XIII fl-1901. L-ewwel missjunarji ntbagħtu fl-1897 għal Togo, New Guinea, l-Amerka ta’ Fuq, il-Ġappun u l-Paragwaj. Is-soċjetà xterdet ħafna fl-Istati Uniti.

Fl-1889 (ta’ 52 sena) dan is-saċerdot mimli ħeġġa, waqqaf is-Sorijiet Missjunarji tal-Ispirtu s-Santu biex jedukaw il-bniet fil-pajjiżi tal-missjoni. Waqqaf ukoll is-sorijiet klawstrali (=magħluqin), imsejħin is-Sorijiet Qaddejja tal-Ispirtu s-Santu, għall-Adorazzjoni Perpetwa bl-iskop li jitolbu għas-suċċess tal-ħidma missjunarja.

Dan is-saċerdot, li donnu ma kien jgħejja qatt biex ixerred is-saltna ta’ Alla fuq l-art, miet fil-15 ta’ Jannar 1909 ta’ ftit aktar minn 61 sena. Arnold Janssens kien iddikjarat Beatu minn Pawlu VI f’Ħadd il-Missjoni nhar id-19 ta’ Ottubru 1975, u kkanonizzat mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fl-4 ta’ Ottubru 2003.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com