Illum il-Knisja tfakkar lil San Publju


Fit-22 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil San Publju, Prinċep ta’ Malta, Isqof u Martri li probabbli li ħa l-martirju għall-ħabta tas-sena 161.

L-Atti tal-Appostli fil-kapitlu 28 jsemmi l-laqgħa li l-Maltin għamlu lil San Pawl u sħabu wara l-għarqa fuq xtut gżiritna waqt li kienu fi triqthom lejn Ruma. San Luqa, wara li jsemmi l-miraklu tal-lifgħa li ma qatletx bil-velenu tagħha lil San Pawl, jgħid: “F’dawk l-inħawi kellu l-artijiet tiegħu l-prinċep tal-gżira, jismu Publju, li laqagħna u ġieb ruħu magħna bi tjubija mhux żgħira. Issa ġara li missier Publju kien mixħut bid-deni u bid-disinterija. U Pawlu daħal għandu, u wara li talab u poġġa jdejh fuqu, fejqu. Wara din il-ġrajja dawk kollha li fil-gżira kellhom xi marda bdew jersqu u jiġu mfejqin. U huma qimuna b’bosta ġieħ, u meta tlajna fuq il-bastiment għabbewna b’kull ma kellna bżonn.” (Atti 28:7-10)

Publju kien il-gvernatur tal-gżira, il-“proto” – titlu li jiġi mogħti lill-ogħla maġistrat tal-gżira, li jkun delegat tal-“Praetor” ta’ Sqallija. It-tradizzjoni Maltija żżomm li San Pawl waqqaf il-Knisja f’Malta u kkonsagra lil San Publju bħala l-ewwel isqof tagħha. Din it-tradizzjoni hija bbażata mill-fatt li kull fejn mar San Pawl dejjem ħalla, meta ma kellux il-ħsieb li jirritorna, ieħor warajh bħala l-kap u r-ragħaj tal-Knisja ġdida.

(Xi wħud, fosthom San Beda, iħalltu lil San Publiju ta’ Malta ma’ San Publju isqof ta’ Atene li ħa l-martirju fis-seklu II. Dan Isqof tal-belt glorjuża ta’ Atene għex lejn nofs it-tieni seklu. Kien fi żmien l-Imperatur Antoninu Piju (138 – 161) meta l-Knisja kienet imħabbta mill-Injostiċi li kienu jaraw ir-Reliġjon bħala skola ta’ kultura, u għalhekk kienu jgħidu li min ma kienx għaref ma setax jgħid li kien nisrani tassew. San Publju, fost l-Isqfijiet tajbin, kien qed juri li r-Reliġjon hi fuq kollox imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn għal Alla.

Tagħlim ieħor żbaljat ta’ żmienu kien dak ta’ Doċeti, li żammew li Kristu ma kienx bniedem, imma deher biss b’ġisem bħal tagħna. Fi żmien ta’ persekuzzjoni kontra l-Insara, hu ma warrabx minn Atene. Hu ġie kkundannat għall-mewt minħabba twemminu. Dan jidher li ġara fl-ewwel sena tal-Imperatur Mark Awrelju, jiġifieri fis-sena 161. San Djonisju, Isqof ta’ Korintu, ċanfar lin-nies ta’ Atene talli kienu waqgħu fl-indifferenza wara li l-Isqof tagħhom Publju kien ġie mogħti l-martirju.

Għalkemm ma tantx għandna tagħrif dwaru, dawk li ġabru ismijiet il-martri ta’ l-ewwel żmien qiegħdu ismu ma’ dawk ta’ dawk li mietu fil-21 ta’ Jannar. Aħna niċċelebrawh fit-22 tax-xahar biex ma nħallux barra t-tifkira ta’ Santa Anjeże, li taħbat fl-istess ġurnata.)

Fl-1609 San Publju li kien fiż-żgur il-gvernatur tal-gżira tagħna, kien maħtur wieħed mill-qaddisin protetturi ta’ Malta mill-Isqof Gargallo (1577-1610). Il-parroċċa tal-Furjana hi ddedikata lil San Publju ta’ Malta.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com