Għall-okkażjoni ta’ Ħadd il-Kelma ta’ Alla, li ser ikun imfakkar il-Ħadd 26 ta’ Jannar 2020, qegħdin nippublikaw sensiela ta’ tliet artikli qosra fuq l-Ittri ta’ San Pawl lir-Rumani, lill-Korintin u lill-Galatin.
L-Ittra lir-Rumani hija waħda mill-isbaħ ittri li l-Appostlu missierna San Pawl ħallielna. Din ġiet milqugħa mill-Knisja u ddaħħlet fil-Bibbja.
Din l-ittra hija miktuba lill-komunità ta’ Ruma minn San Pawl mill-belt ta’ Korintu fis-sena 58 waqt li kien fit-tielet safra missjunarja tiegħu. Ftit wara li kiteb din l-ittra, l-Appostlu nqabad bħala priġunier fil-belt ta’ Ġerusalemm.
Ruma kienet il-kapitali ta’ l-imperu ruman li kien iħaddan id-dinja ta’ dak iż-żmien. Ma nafux eżattament kif bdiet il-Knisja hawnhekk. X’aktarx li twaqqfet minn xi Lhud li semgħu lil San Pietru jippriedka fl-ewwel Għid il-}amsin. Din il-komunità kibret tant li meta l-Imperatur Klawdju keċċa lil-Lhud minn Ruma minħabba t-tilwim ma’ l-insara, il-komunità nisranija kienet kbira sewwa. Ta’ min isemmi li l-Knisja f’Ruma ġiet organizzata minn San Pietru.
Jidher li San Pawl kellu l-ħsieb li jintroduċi ruħu lill-insara ta’ Ruma billi kellu l-pjan li jgħaddi xi żmien magħhom fil-vjaġġ li xtaq li jagħmel lejn Spanja (Rum 15, 24). Infatti dan il-pjan ma seħħx għax kif għedna, l-Appostlu tal-Ġnus inqabad bħala prinġunier f’Ġerusalemm. Barra minn hekk kellu f’moħħu li jgħallimhom dwar il-fidi u anki dwar il-Lhud li baqgħu ma emmnux fi Kristu.
Fl-istorja tal-Knisja din l-ittra għandha importanza kbira. Santu Wistin ħass l-aħħar tqanqila minn din l-ittra biex jikkonverti. Influwenzat wkoll lil Martinu Luteru u Ġwanni Kalvinu. Imbagħad il-Konċilju ta’ Trentu nqeda biha biex iwassal it-tagħlim tal-Knisja. Ma nistgħux ma ngħidux li l-ebda ittra oħra tat-Testment il-Ġdid ma kellha importanza hekk kbira fil-Knisja.
San Pawl f’din l-ittra jittratta l-ħtieġa assoluta ta’ l-Evanġelju ta’ Kristu għall-bnedmin kollha kemm jekk huma Lhud u kemm pagani. L-ittra fiha żewġ taqsimiet. Minn kap 1 sa 11 titkellem dwar it-tagħlim nisrani, u minn kap 2 sa 16 tittratta l-virtujiet meħtieġa fil-ħajja nisranija.
Fil-qosor it-tagħlim ta’ din l-ittra huwa dan: L-istorja tgħallimna li mingħajr l-Evanġelju ħadd ma jirnexxilu jogħġob lil Alla. Isemmi kemm il-pagani kienu tbiegħdu mil-liġi li jħossu f’qalbhom u tawha għal kull xorta ta’ ħażen.
Isemmi kif id-diżubbidjenza ta’ Adam daħħlet id-dnub fid-dinja imma din ġiet superata mill-ubbidjenza ta’ Kristu. Biha, fuq is-salib, ħassar id-dnub u ġab il-ħajja. L-ittra tittratta wkoll in-nuqqas ta’ fidi tal-poplu ta’ Israel. Iżda dan ma jfissirx li xi Lhud ma ħaddnux il-fidi nisranija. Jgħidilna li ħadd ma jista’ jifhem għaliex il-Lhud ma laqgħux lil Kristu. Jipprofetizza wkoll il-konverzjoni tal-poplu ta’ Israel. Fl-aħħar jittratta l-imħabba bħala l-pedament ta’ ħajja soċjali sħiħa u hienja.
Ta’ min jinnota li l-aħħar kap ta’ din l-ittra fih sbatax-il tislija. Isemmi għadd kbir ta’ nisa li juri s-sehem kbir li kellha l-mara fil-bidu tal-Kristjaneżmu.
Minn Angelo Xuereb