Illum il-Knisja tfakkar lil San Benild Romançon

Print Friendly, PDF & Email

Fid-29 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil San Benild Romançon, Brother ta’ San Ġwann Battista De La Salle li għex bejn is-snin 1805 sa 1860.

(Minħabba li l-festa liturġika ta’ dan il-Brother taħbat fit-13 t’Awwissu, u dakinhar l-iskejjel ikunu bil-vaganzi, il-festa tiegħu tiġi ċċelebrata llum)

Kien jismu Pierre qabel ma’ daħal Brother ta’ De La Salle. Twieled fl-14 ta’ Ġunju, 1805. Il-familja kienet tgħix mix-xogħol tar-raba’. Ommu rawmet fih devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija u lejn il-Madonna. Ta’ 12-il sena għamel l-Ewwel Tqarbina.

Ta’ 14-il sena talab biex jidħol Brother. Missieru heddu li jnaqqaslu sehmu mill-wirt jekk jitlaq mid-dar. Fl-1820, irċieva l-barka ta’ missieru u beda n-novizzjat. Wara sena ta’ formazzjoni, ġie mibgħut jgħallem u wara sentejn ġie mitlub jgħallem fi skola oħra. Brother Benild kellu jiffaċja tfal li kienu vjolenti, vandali u mimlijin qilla.

It-tagħlim tal-katekiżmu kien is-suġġett preferit tiegħu. Kien fl-1841 meta San Benild ġie mibgħut fir-raħal ta’ Saugues. Baqa’ hawnhekk sakemm miet fl-1862. Minbarra li kien il-kap tal-iskola, kien ukoll is-superjur tal-komunità. Speċjalità tiegħu kienet it-tħejjija tat-tfal biex jirċievu ’l Ġesù Sagramentat fl-Ewwel Tqarbina. Id-devozzjoni li nissel fil-qlub ta’ kulħadd lejn l-Ewkaristija u lejn il-Madonna wettqu mirakli fl-erwieħ.

Fl-20 sena li dam f’Saugues, aktar minn 265 vokazzjoni għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża stqarrew li kienu jafu l-vokazzjoni tagħhom wara Alla lill-Brother Benild.

Miet fit-13 ta’ Awwissu 1862 b’kankru fil-fwied meta kellu 57 sena. Il-Papa Pawlu VI ddikjarah qaddis fl-1967. Skola tal-Frères f’Tas-Sliema hija ddedikata lil San Benild.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: